Salm 25:1-22
Għanja taʼ David.
א [Alef]
25 Jien lejk indur,* Ġeħova.
ב [Bet]
2 Alla tiegħi, jien fik nafda;Tħallinix niġi umiljat.
Tħallix l-għedewwa tiegħi jifirħu minħabba t-tbatija tiegħi.
ג [Gimel]
3 Żgur li dawk li jafdaw fik mhux se jiġu umiljati.
Imma dawk li jqarrqu b’oħrajn għalxejn b’xejn se jiġu umiljati.
ד [Dalet]
4 Ġeħova, għinni nifhem x’jogħġbok;Għallimni kif għandi ngħix.
ה [Ħe]
5 Għinni nimxi fit-triq it-tajba tiegħek u għallimni,Għax int l-Alla li ssalvani.
ו [Waw]
Fik nittama l-ħin kollu.
ז [Żajin]
6 Ġeħova, ftakar li int Alla li turi ħnienaU li dejjem urejt imħabba u lealtà* mal-poplu tiegħek.
ח [Ħet]
7 Jekk jogħġbok, tiftakarx fid-dnubiet li għamilt meta kont żagħżugħ u fin-nuqqasijiet tiegħi.
Ġeħova, ftakar fija għax int tajjeb u turi mħabba u lealtà.
ט [Tet]
8 Ġeħova hu tajjeb u ġust.
Hu għalhekk li jgħallem lill-midinbin kif għandhom jgħixu.
י [Jod]
9 Hu se jiggwida lill-umli biex jagħmlu dak li hu tajjeb,*U jgħallimhom dwar triqtu.
כ [Kaf]
10 Meta n-nies jagħmlu dak li Alla jgħidilhom u jżommu l-patt tiegħu,Ġeħova dejjem se jurihom imħabba u lealtà.
ל [Lamed]
11 Ġeħova, aħfirli l-iżball tiegħi, għalkemm hu serju.
Agħmel dan minħabba ismek.
מ [Mem]
12 Jekk bniedem jirrispetta ħafna lil* Ġeħova,Alla se jgħallmu dwar it-triq li għandu jagħżel.
נ [Nun]
13 Hu* se jesperjenza affarijiet tajbin,U dawk li se jiġu minnu se jgħixu fuq l-art kollha.
ס [Samek]
14 Dawk li jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova se jkollhom ħbiberija mill-qrib miegħu,U hu jgħallimhom dwar il-patt tiegħu.
ע [Għajn]
15 Jien dejjem nistrieħ fuq Ġeħova għall-għajnuna,Għax hu jeħlisli saqajja mix-xibka.
פ [Pe]
16 Jekk jogħġbok, agħti kasi u ħenn għalija,Għax jien waħdi u ma nistaʼ nagħmel xejn.
צ [Sade]
17 Id-dwejjaq taʼ qalbi żdiedu ħafna;Eħlisni mill-uġigħ kbir li għandi.
ר [Rex]
18 Ara t-tbatija u l-inkwiet li għandi,U aħfer id-dnubiet kollha tiegħi.
19 Ara kemm għandi għedewwaU kemm jobogħduni.
ש [Xin]
20 Ipproteġili ħajti* u salvani.
Tħallinix niġi umiljat, għax jien lejk dort għall-protezzjoni.
ת [Taw]
21 Jalla niġi protett,Għax jien leali u nagħmel dak li hu tajjeb.
Jien fik nittama.
22 Alla tiegħi, eħles* lil Iżrael mit-tbatija kollha li għandu.
Noti taʼ taħt
^ Jew “nerfaʼ ruħi.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “ġust.”
^ Letteralment “jibżaʼ minn.”
^ Jew “Ruħu.”
^ Letteralment “jibżgħu minn.”
^ Jew “ruħi.”
^ Letteralment “ifdi.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.