Salm 102:1-28

  • Talba taʼ xi ħadd li qed ibati u jħossu ddisprat

    • “Qisni għasfur waħdu” (7)

    • ‘Ħajti hi dell li qed jisparixxi’ (11)

    • “Ġeħova se jerġaʼ jibni lil Sijon” (16)

    • Ġeħova jibqaʼ għal dejjem (26, 27)

Talba taʼ xi ħadd li jiftaħ qalbu maʼ Ġeħova għax qed ibati u jħossu ddisprat.* 102  Ġeħova, ismaʼ t-talba tiegħi;Ħa tasal għandek l-għajta tiegħi għall-għajnuna.  2  Tinħebiex minni fi żmien diffiċli. Ismagħni;*Wiġibni malajr meta ngħajjatlek għall-għajnuna.  3  Għax ħajti qed tispiċċa bħad-duħħan,U l-għadam tiegħi sar bħal injam li jinħaraq f’ħuġġieġa.  4  Qalbi saret bħall-ħaxix niexef,M’għandix aptit niekol.  5  Peress li qed inbati ħafna,Sirt għadma u ġilda.  6  Jien waħdi bħall-pellikan tad-deżert. Jien bħal kokka żgħira f’post abbandunat.  7  Jien ma norqodx;*Qisni għasfur waħdu fuq bejt.  8  L-għedewwa tiegħi jgħajruni l-ġurnata kollha. Dawk li jwaqqgħuni għaċ-ċajt jidgħu bija.  9  Għax jien niekol l-irmied bħallikieku ħobż,U dak li nixrob hu mħallat bid-dmugħ. 10  Dan hu minħabba r-rabja kbira tiegħek,Għax int bħallikieku għollejtni ’l fuq biex tarmini. 11  Ħajti hi bħal dell li qed jisparixxi,U jien qed ninxef bħall-ħaxix. 12  Imma int Ġeħova tibqaʼ għal dejjem,U int* se tibqaʼ magħruf tul il-ġenerazzjonijiet kollha. 13  Int żgur li se taġixxi u turi ħniena maʼ Sijon,Għax wasal iż-żmien li tħenn għaliha;Iż-żmien għal dan wasal. 14  Għax il-qaddejja tiegħek japprezzaw il-ġebel tal-ħitan tagħha,U jħobbu anki t-trab tagħha. 15  Il-popli se juru rispett kbir lejn* isem Ġeħova,U r-rejiet kollha tal-art se jindunaw bil-glorja tiegħek. 16  Għax Ġeħova se jerġaʼ jibni lil Sijon;Hu se juri kemm hu b’saħħtu. 17  Hu se jismaʼ t-talba taʼ dawk fil-bżonn;Mhux se jinjora t-talba tagħhom. 18  Dan ġie miktub għall-ġenerazzjoni tal-futur,Ħalli l-poplu li għad irid jiġi* jfaħħar lil Jah. 19  Għax Ġeħova jħares ’l isfel mill-post qaddis tiegħu,U jara l-art mis-sema, 20  Biex jismaʼ l-biki tal-priġunieriU jeħles lil dawk ikkundannati għall-mewt. 21  B’hekk isem Ġeħova jiġi mxandar f’SijonU jiġi mfaħħar f’Ġerusalemm, 22  Meta l-popli u s-saltnietJinġabru flimkien biex jaqdu lil Ġeħova. 23  Hu ħadli saħħti qabel il-waqt;Qassarli ħajti. 24  Jien għedt: “Alla tiegħi, int li tgħix għal dejjem,Teqridnix qabel nixjieħ. 25  Żmien twil ilu int għamilt il-pedament tal-art,U għamilt is-sema. 26  Huma se jispiċċaw, imma int se tibqaʼ teżisti;Dawn se jitmermru bħall-ħwejjeġ. Bħall-ħwejjeġ, dawn se jispiċċaw u tbiddilhom. 27  Imma int tibqaʼ l-istess, u s-snin tiegħek ma jispiċċawx. 28  It-tfal tal-qaddejja tiegħek se jgħixu fis-sigurtà;U dawk li se jiġu minnhom jibqgħu quddiemek għal dejjem.”

Noti taʼ taħt

^ Jew “dgħajjef.”
^ Letteralment “Mejjel widintek lejja.”
^ Jew forsi “Jien irqiq ħafna.”
^ Jew “ismek.”
^ Letteralment “jibżgħu minn.”
^ Letteralment “jiġi maħluq.”