Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Termini tal-Bibbja Spjegati

A D E F Ġ G Ħ I K L M N P Q R S T U V X Ż Z

A

  • Ab.

    Isem li ngħata lill-ħames xahar tal-kalendarju qaddis tal-Lhud u l-11-il xahar tal-kalendarju sekulari wara l-eżilju f’Babilonja. Dan kien minn nofs Lulju sa nofs Awwissu. Fil-Bibbja ma jissemmiex b’ismu imma jissejjaħ “il-ħames xahar.” (Nu 33:38; Esd 7:9)—Ara App. B15.

  • Abib.

    L-isem oriġinali tal-ewwel xahar tal-kalendarju qaddis tal-Lhud u s-sebaʼ xahar tal-kalendarju sekulari. Dan ifisser “Sbul Aħdar (taċ-Ċereali)” u kien minn nofs Marzu sa nofs April. Wara li l-Lhud telqu minn Babilonja, dan beda jissejjaħ Nisan. (Dt 16:1)—Ara App. B15.

  • Alamot.

    Terminu mużikali li jfisser “Tfajliet; Nisa Żgħażagħ,” li aktarx jirreferi għall-vuċi tas-soprani nisa żgħażagħ. Jistaʼ jkun li ntuża biex juri li l-mużika jew id-daqq tal-istrumenti kellu jkun fuq noti għoljin.—1Kro 15:20; Sa 46:Sup.

  • Anzjan.

    Fl-Iskrittura din tirreferi għal raġel matur li għandu l-awtorità u r-responsabbiltà f’komunità jew poplu. Fil-ktieb tar-Rivelazzjoni l-kelma tintuża wkoll għal ħlejjaq spirti fis-sema. Il-kelma Griega presbiteros tiġi tradotta “anzjan” meta tirreferi għal dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxu fil-kongregazzjoni.​—Eżo 4:29; Pr 31:23; 1Ti 5:17; Ri 4:4.

  • Arblu sagru.

    Il-kelma Ebrajka (axera) tirreferi għal (1) arblu sagru li jirrappreżenta lil Asera, alla mara Kangħanija tal-fertilità, jew (2) statwa tal-alla mara Asera stess. Milli jidher l-arbli kienu jkunu weqfin u minn tal-inqas parti minnhom kienet tal-injam. Setgħu anki kienu arbli mhux minquxin, jew saħansitra siġar.—Dt 16:21; Imħ 6:26; 1Slt 15:13.

  • Arka tal-patt.

    Kaxxa magħmula mill-injam tal-akaċja u miksija bid-deheb. Din kienet tinżamm fl-Iktar Qaddis tat-tabernaklu u iktar tard fl-Iktar Qaddis tat-tempju li bena Salamun. Din kellha għatu tad-deheb b’żewġ kerubini faċċata taʼ xulxin. L-iktar affarijiet importanti li kien fiha kienu ż-żewġ twavel tal-Għaxar Kmandamenti. (Dt 31:26; 1Slt 6:19; Lh 9:4)—Ara App. B5 u B8.

  • Assenzju.

    Diversi pjanti biz-zkuk li għandhom togħma morra ħafna u riħa tfuħ qawwija. Fil-Bibbja l-kelma tintuża b’mod figurattiv biex tiddeskrivi l-effetti koroh tal-immoralità, l-inġustizzja, l-apostasija, u li wieħed ikun ilsir. F’​Rivelazzjoni 8:11 il-kelma “assenzju” tfisser sustanza morra u velenuża li tissejjaħ ukoll absint.​—Dt 29:18; Pr 5:4; Ġer 9:15; Għm 5:7.

D

  • Dagħa.

    Il-kelma Griega blasfamaja bażikament tfisser kliem li jweġġaʼ, malafama, jew kliem abbużiv kemm kontra Alla u kemm kontra l-bnedmin. Fl-Iskrittura ġeneralment tirreferi għal kliem bla rispett u abbużiv kontra Alla u affarijiet qaddisin.—Mrk 3:29; Ri 16:9.

  • Dnub.

    Kull ħaġa li tmur kontra dak li jrid Alla, il-livelli u l-personalità tiegħu. Meta wieħed jagħmel dnub ikun qed jagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħu m’Alla. Aħna nidinbu meta ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa ħażina. (Sa 39:1; 2Kor 12:21) Nidinbu wkoll meta ma nagħmlux dak li suppost nagħmlu. (Ġk 4:17) Li jkollna ħsibijiet u attitudni ħażina hu dnub ukoll. (Pr 21:4) Il-kliem Ebrajk u Grieg għal dnub ifisser li ma tilħaqx mira.

  • Dris; Qiegħa tad-dris.

    Il-proċess taʼ li jisseparaw iċ-ċereali miz-zokk u l-qoxra; il-post fejn kien isir dan ix-xogħol. Id-dris kien isir bl-idejn billi jużaw bastun. Jekk ikollhom ħafna, kienu jużaw apparat speċjali bħal slitta tad-dris jew romblu li jiġbduh l-annimali. L-apparat kien jgħaddi minn fuq iċ-ċereali li kienu jkunu mifruxin fil-qiegħa tad-dris, post ċatt forma taʼ ċirku li ġeneralment ikun iktar ’il fuq mill-art ħalli jintlaħaq mir-riħ.—Le 26:5; Is 41:15; Mt 3:12.

E

  • Efod.

    Kien bħal fardal li jilbsuh il-qassisin. Il-qassis il-kbir kien jilbes efod speċjali li fuq quddiem kellu pettoral bi 12-il ħaġra prezzjuża. (Eżo 28:4, 6)—Ara App. B5.

  • Erodi.

    L-isem taʼ familja taʼ rejiet li mexxew fuq il-Lhud u li kienu inkarigati minn Ruma. Erodi l-Kbir kien magħruf li reġaʼ bena t-tempju f’Ġerusalemm u li kkmanda biex jinqatlu t-tfal bil-ħsieb li joqtol lil Ġesù. (Mt 2:16; Lq 1:5) Erodi Arkelaw u Erodi Antipa, it-tfal ta’ Erodi l-Kbir, kienu inkarigati fuq partijiet mill-art ta’ missierhom. (Mt 2:22) Antipa kien tetrarka, li kienu jirreferu għalih bħala “re.” Hu mexxa matul it-tliet snin u nofs tal-ministeru taʼ Kristu u saż-żmien li jissemma f’Atti kapitlu 12. (Mrk 6:14-17; Lq 3:1, 19, 20; 13:31, 32; 23:6-15; At 4:27; 13:1) Wara dan, Erodi Agrippa I, li nannuh kien Erodi l-Kbir, ġie maqtul mill-anġlu t’Alla wara li mexxa għal ftit żmien. (At 12:1-6, 18-23) It-tifel tiegħu, Erodi Agrippa II, sar re u mexxa saż-żmien meta l-Lhud għamlu rewwixta kontra Ruma.—At 23:35; 25:13, 22-27; 26:1, 2, 19-32.

  • Ewnuku.

    Letteralment tfisser raġel ikkastrat billi jaqtgħulu jew ineħħulu t-testikoli. Irġiel bħal dawn taʼ spiss kienu inkarigati f’palazzi rjali bħala qaddejja jew biex jieħdu ħsieb ir-reġina u l-konkubini. Din il-kelma tirreferi wkoll għal raġel li ma kienx letteralment ewnuku, imma kien uffiċjal inkarigat biex jaħdem fil-palazz tar-re. Spiss tintuża b’mod figurattiv għal ‘ewnuku minħabba s-Saltna,’ jiġifieri xi ħadd li jagħżel li jibqaʼ single biex jaqdi lil Alla iktar bis-sħiħ.—Mt 19:12; Est 2:15; At 8:27.

F

  • Feddej.

    Xi ħadd tal-familja li għandu d-dritt li jixtri lura. Taħt il-Liġi li Alla ta lil Mosè, meta Iżraeli jiffaċċja ċerti sitwazzjonijiet diffiċli, xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib kellu d-dritt jew ir-responsabbiltà li jgħinu. Pereżempju, jekk xi ħadd isir ilsir, il-feddej setaʼ jeħilsu mill-jasar. Il-feddej setaʼ wkoll jixtri lura propjetà jew wirt li tilef dak li jiġi minnu minħabba ċirkustanzi ekonomiċi. (Le 25:25-27, 47-54) Dan it-terminu għandu x’jaqsam ukoll mad-drawwa li raġel jiżżewweġ il-mara taʼ xi ħadd li jiġi minnu li jkun miet u jkollu t-tfal minnha għal dak li miet.—Rt 4:7-10; Ara  ŻWIEĠ BEJN ARMLA U ĦU R-RAĠEL TAGĦHA.

  • Fidwa.

    Prezz li jiġi mħallas biex jeħles lil xi ħadd mill-jasar, kastig, tbatija, dnub, jew saħansitra obbligu. Il-prezz ma kienx jitħallas dejjem bil-flus. (Is 43:3) Il-fidwa kienet mitluba f’diversi sitwazzjonijiet. Pereżempju, l-ewwel imwieled tal-bnedmin u tal-annimali f’Iżrael kien taʼ Ġeħova, u b’hekk kellha titħallas fidwa, jew prezz tal-ħelsien, biex jinħeles milli jkun iddedikat għalkollox għas-servizz taʼ Ġeħova. (Nu 3:45, 46; 18:15, 16) Jekk barri perikoluż li ma kien hemm ħadd għassa miegħu joqtol lil xi ħadd, sidu kellu jħallas fidwa biex jinħeles mill-piena tal-mewt. (Eżo 21:29, 30) Però, l-ebda fidwa ma kienet tiġi aċċettata mingħand xi ħadd li qatel apposta. (Nu 35:31) Iktar importanti minn hekk, il-Bibbja tenfasizza l-fidwa li ħallas Kristu meta miet bħala sagrifiċċju biex jeħles lill-bnedmin ubbidjenti mid-dnub u l-mewt.—Sa 49:7, 8; Mt 20:28; Ef 1:7.

Ġ

  • Ġedutun.

    Terminu mużikali li t-tifsira tiegħu mhix ċerta. Dan jintuża fis-superskrizzjoni taʼ Salmi 39, 62, u 77. Milli jidher dawn is-superskrizzjonijiet huma istruzzjonijiet dwar kif kellu jindaqq is-salm, forsi billi juri x’kellu jkun l-istil jew l-istrument li jintuża. Ġedutun kien isem taʼ mużiċist Levita, allura dan l-istil jew l-istrument setaʼ kellu x’jaqsam miegħu jew mat-tfal tiegħu.

G

  • Geħenna.

    L-isem Grieg għal Wied Ħinnom, li kien fin-Nofsinhar u l-Lbiċ taʼ Ġerusalemm tal-qedem. (Ġer 7:31) Dan issemma fi profezija bħala post fejn jiġu mitfugħin l-iġsma mejtin. (Ġer 7:32; 19:6) M’hemmx evidenza li l-annimali u n-nies kienu jiġu mitfugħin f’Geħenna biex jinħarqu ħajjin jew jiġu maħqurin. Għalhekk, dan ma jistax jissimbolizza post inviżibbli fejn l-erwieħ tan-nies jiġu maħqurin għal dejjem f’nar litterali. Minflok, Geħenna ssemma minn Ġesù u d-dixxipli tiegħu biex jissimbolizza l-kastig għal dejjem “tat-tieni mewt,” jiġifieri qerda għal dejjem.—Ri 20:14; Mt 5:22; 10:28.

  • Gittit.

    Terminu mużikali li t-tifsira tiegħu mhix ċerta, għalkemm jidher li ġej mill-kelma Ebrajka gat. Xi wħud jemmnu li jistaʼ jkun melodija għal għanjiet li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni tal-inbid, peress li gat tirreferi għall-post fejn jagħsru l-inbid.—Sa 81:Sup.

  • Għanja tat-Tlajjaʼ.

    Is-superskrizzjoni taʼ Salmi 120-134. Għalkemm hemm diversi ideat dwar xi tfisser din il-frażi, ħafna jemmnu li dawn il-15-il salm kienu jkantawhom l-Iżraelin bil-ferħ meta kienu ‘jitilgħu’ Ġerusalemm, li qiegħda fl-għoli fil-muntanji taʼ Ġuda, biex jattendu t-tliet festi li kienu jsiru kull sena.

  • Għażażel.

    Isem bl-Ebrajk li aktarx ifisser “Il-Gidi li Jisparixxi.” F’Jum it-Tpattija, il-gidi li kien jintgħażel għal Għażażel kien jintbagħat fid-deżert. B’mod simboliku, dan kien iġorr ’il bogħod id-dnubiet li jkun għamel il-poplu s-sena taʼ qabel.—Le 16:8, 10.

Ħ

  • Ħades.

    Kelma Griega li hi simili għall-kelma bl-Ebrajk “Xeol.” Din tiġi tradotta “Qabar” (b’ittra kapitali), biex turi li tirreferi għall-qabar komuni tan-nies.—Ara QABAR.

  • Ħiggajon.

    Terminu tekniku tal-mużika. F’​Salm 9:16 dan jistaʼ jfisser intervall solenni bl-arpa li tindaqq b’noti baxxi jew pawsa solenni għall-meditazzjoni.

I

  • Imħabba leali.

    Spiss ġejja mill-kelma bl-Ebrajk ċejsed li tirreferi għal imħabba mmotivata minn sens taʼ responsabbiltà, integrità, lealtà, u affezzjoni kbira. Spiss tintuża biex tirreferi għall-imħabba li Alla għandu għan-nies, imma tirreferi wkoll għall-imħabba li juru n-nies bejniethom.​—Eżo 34:6; Rt 3:10.

  •  Immoralità sesswali.

    Frażi mill-kelma Griega pornea. Fl-Iskrittura din tirreferi għal ċerti attivitajiet sesswali li Alla ma jridx li jsiru. Dawn jinkludu l-adulterju, il-prostituzzjoni, ir-relazzjonijiet sesswali bejn individwi mhux miżżewġin, l-omosesswalità, u l-bestjalità. Fir-Rivelazzjoni tintuża b’mod figurattiv mal-prostituta reliġjuża li tissejjaħ “Babilonja l-Kbira” biex tiddeskrivi r-relazzjoni li għandha mal-mexxejja taʼ din id-dinja għall-poter u l-affarijiet materjali. (Ri 14:8; 17:2; 18:3; Mt 5:32; At 15:29; Ga 5:19)—Ara  PROSTITUTA.

  • Indiema.

    Kif tintuża fil-Bibbja, din tfisser li persuna veru jiddispjaċiha għal dak li tkun għamlet. Dan turih billi tbiddel il-mod kif taħsibha, jiddispjaċiha minħabba l-affarijiet li suppost kellha tagħmel, jiddispjaċiha għal kif kienet qed tgħix, jew jiddispjaċiha għall-affarijiet ħżiena li tkun għamlet. Persuna turi li verament nidmet b’dak li tagħmel.—Mt 3:8; At 3:19; 2Pt 3:9.

K

  • Kolonna.

    Struttura jew pilastru wieqaf li jipprovdi sapport. Tistaʼ tkun ukoll xi ħaġa li tixbah pilastru. Uħud minnhom tpoġġew biex jiġi mfakkar ftehim jew ġrajja storika. Il-kolonni strutturali ntużaw fit-tempju u fil-bini rjali mibnijin minn Salamun. Nies pagani kienu jagħmlu pilastri sagri li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon falza tagħhom, u xi drabi l-Iżraelin bdew jagħmlu bħalhom. (Imħ 16:29; 1Slt 7:21; 14:23)

  • Kondotta ħażina bla mistħija.

    Mill-kelma Griega aselgeja. Din tinvolvi li wieħed jikser il-liġijiet t’Alla b’mod gravi u bla mistħija taʼ xejn jew b’arroganza; attitudni li turi diżrispett jew saħansitra mibegħda għall-awtorità, il-liġijiet, u l-livelli. Din l-espressjoni ma tirreferix għal żbalji żgħar.—Ga 5:19; 2Pt 2:7.

  • Konklużjoni tas-sistema tal-affarijiet.

    Il-perjodu taʼ żmien li jwassal għal u jinkludi t-tmiem taʼ din id-dinja, jew ċirkustanzi, immexxija minn Satana. Dan qed iseħħ fl-istess żmien tal-preżenza taʼ Kristu. Taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù, l-anġli se “jifirdu lin-nies sewwa mill-ħżiena” u jeqirdu lill-ħżiena. (Mt 13:40-42, 49) Id-dixxipli taʼ Ġesù xtaqu jkunu jafu meta hu żmien “it-tmiem.” (Mt 24:3) Qabel ma mar lura fis-sema, hu wiegħed lid-dixxipli tiegħu li kien se jkun magħhom sa dak iż-żmien.—Mt 28:20.

  • Korall.

    Materjal iebes qisu ġebel li jiġi fformat mill-iskeletri t’annimali żgħar tal-baħar. Dan jinsab fl-oċean u jkun f’diversi kuluri, inkluż aħmar, abjad, u iswed. Fil-Baħar l-Aħmar kien hemm ħafna korall. Fiż-żminijiet tal-Bibbja, il-korall aħmar kien jiswa ħafna u minnu kienu jagħmlu ż-żibeġ u ornamenti oħra.—Pr 8:11.

L

  • L-Alla l-veru.

    Traduzzjoni tal-kelma Ebrajka “l-Alla.” F’ħafna każijiet, l-artiklu fl-Ebrajk jintuża biex juri li Ġeħova hu l-uniku Alla veru, u mhuwiex bħall-allat foloz. Il-kliem “l-Alla l-veru” jagħti t-tifsira sħiħa tal-espressjoni bl-Ebrajk fil-kuntest.—Ġen 5:22, 24; 46:3; Dt 4:39.

M

  • Maħalat.

    Terminu li milli jidher jintuża fil-mużika. Dan jidher f’Salmi 53 u 88. Jistaʼ jkun li ġej minn għerq taʼ verb Ebrajk li jfisser “tiddgħajjef; timrad,” u b’hekk jagħti l-idea taʼ ton taʼ swied il-qalb u dwejjaq li jaqbel mal-kliem serju taż-żewġ għanjiet.

  • Maskil.

    Terminu Ebrajk li jintuża fis-superskrizzjoni taʼ 13-il salm u li t-tifsira tiegħu mhix ċerta. Jistaʼ jkun li jfisser “poeżija taʼ meditazzjoni.” Xi wħud jaħsbu li dan għandu x’jaqsam maʼ kelma li tinkiteb b’mod simili u li tiġi tradotta ‘aqdi b’għaqal.’—2Kro 30:22; Sa 32:Sup.

  • Midluk.

    Il-kelma bl-Ebrajk bażikament tfisser “li tidlek b’likwidu.” Iż-żejt kien jitferraʼ fuq persuna jew xi ħaġa biex juri li ġiet iddedikata għal servizz speċjali. Fl-Iskrittura Griega Kristjana din il-kelma tintuża wkoll biex tirreferi għall-ispirtu qaddis li tferraʼ fuq il-magħżulin li għandhom it-tama għas-sema.​—Eżo 28:41; 1Sm 16:13; 2Kor 1:21.

  • Miktam.

    Kelma bl-Ebrajk li tintuża fis-superskrizzjoni taʼ sitt salmi (Sa 16, 56–60). Dan hu terminu tekniku li t-tifsira tiegħu mhix ċerta, għalkemm jistaʼ jkollu x’jaqsam mal-kelma “tinqix.”

  • Mil.

    Il-qies taʼ distanza li fil-kitba oriġinali tal-Iskrittura Griega Kristjana jidher darba biss f’Mattew 5:41. Probabbilment dan jirreferi għal mil Ruman li kien daqs 1,479.5 metri.

  • Mut-labben.

    Kelma fis-superskrizzjoni taʼ Salm 9. Skont it-tradizzjoni kienet tfisser “dwar il-mewt tat-tifel.” Xi wħud jissuġġerixxu li kienet l-isem jew l-ewwel kliem taʼ melodija magħrufa li kellha tintuża meta jkantaw dan is-salm.

N

  • Nefilim.

    It-tfal vjolenti li kellhom l-anġli li saru bnedmin meta kellhom x’jaqsmu man-nisa li kien hawn fuq l-art qabel id-Dulluvju.—Ġen 6:4.

  • Neħilot.

    Terminu li jidher fis-superskrizzjoni taʼ Salm 5 u li t-tifsira tiegħu mhix ċerta. Xi wħud jemmnu li dan jirreferi għal strument li jindaqq bin-nifs, u jassoċjawh maʼ kelma bl-Ebrajk li l-għerq tagħha għandu x’jaqsam maʼ ċelil (flawt). Madankollu jistaʼ jirreferi għal melodija.

P

  • Pettoral.

    Kien qisu but bil-ħaġar prezzjuż fuqu li kien jilbsu l-qassis il-kbir fuq sidru kull darba li jidħol fil-Qaddis. Dan kien jissejjaħ “il-pettoral tal-ġudizzju” għax fih kien hemm l-Urim u t-Tummim li kienu jintużaw biex juru l-ġudizzji taʼ Ġeħova. (Eżo 28:15-30)—Ara App. B5.

  • Pilastru sagru.

    Pilastru wieqaf, ġeneralment tal-ġebel, u milli jidher simbolu tal-parti maskili taʼ Bagħal jew allat foloz oħra.—Eżo 23:24.

  • Pornea.​—

  • Preżenza.

    F’ċerti kuntesti fl-Iskrittura Griega Kristjana, din il-kelma tiddeskrivi l-preżenza rjali taʼ Ġesù Kristu miż-żmien li ħa t-tron fis-sema bħala re. Matul dan iż-żmien hu qed jiffoka fuq il-bnedmin, bħallikieku ġie lura magħhom. Il-preżenza taʼ Kristu qed isseħħ fl-istess żmien tat-tmiem taʼ din id-dinja.—Mt 24:3.

  • Prokonslu.

    Il-gvernatur prinċipali taʼ provinċja li taqaʼ taħt is-Senat Ruman. Dan kellu qawwa li jiġġudika u qawwa militari, u għalkemm kellu jgħid b’dak li jagħmel lis-Senat, hu kellu awtorità kbira fil-provinċja.—At 13:7; 18:12.

  •  Prostitut/a.

    Persuna li jkollha x’taqsam sesswalment barra ż-żwieġ, speċjalment għall-flus. (Il-kelma Griega għall-“prostitut/a,” porne, ġejja minn għerq taʼ kelma li jfisser “tbigħ.”) Normalment il-prostituti jkunu nisa, imma l-Bibbja ssemmi wkoll prostituti rġiel. Il-prostituzzjoni kienet ikkundannata fil-Liġi li Alla ta lil Mosè, u l-flus li kienu jiġu mill-prostituzzjoni ma kinux aċċettati bħala kontribuzzjoni għat-tempju taʼ Ġeħova. Dan kien bil-kontra tad-drawwa pagana fejn kienu jużaw il-prostituzzjoni tat-tempju bħala mezz taʼ qligħ. (Dt 23:17, 18; 1Slt 14:24) Il-Bibbja tuża din il-kelma wkoll b’mod figurattiv biex tirreferi għal nies, popli, jew organizzazzjonijiet li jinvolvu ruħhom f’xi tip taʼ idolatrija waqt li jgħidu li jqimu lil Alla. Pereżempju, l-organizzazzjoni reliġjuża li tissejjaħ “Babilonja l-Kbira,” fir-Rivelazzjoni hi deskritta bħala prostituta għax għandha relazzjoni mal-mexxejja taʼ din id-dinja għall-poter u l-affarijiet materjali.—Ri 17:1-5; 18:3; 1Kro 5:25.

Q

  • Qalb tajba mhix mistħoqqa.

    Kelma Griega li tiddeskrivi żewġ ideat prinċipali. Waħda tinvolvi l-ġenerożità kbira t’Alla, li tinkludi li juri ħniena mingħajr ma jistenna xejn lura. Dan jagħmlu biss għax ġeneruż u qalbu kbira. L-idea l-oħra hi li Alla juri qalb tajba anki maʼ dawk li ma jistħoqqilhomx. Permezz taʼ din il-qalb tajba, il-midinbin jinħafrulhom id-dnubiet u jiġu mistidnin jaċċettaw salvazzjoni għal dejjem permezz taʼ Kristu. (2Kor 6:1; Ef 1:7) Il-kelma Griega tiġi tradotta wkoll “approvazzjoni” u “rigal ġeneruż.”—Lq 2:40; 1Kor 16:3.

  • Qarn.

    Jirreferi għall-qrun t’annimal, li kienu jintużaw biex jixorbu minnhom, biex iżommu ż-żejt, il-linka, u l-prodotti kosmetiċi fihom, u biex idoqqu bihom jew jagħmlu sinjal bil-ħoss tagħhom. (1Sm 16:1, 13; 1Slt 1:39; Eże 9:2) “Qarn” spiss jirrappreżenta saħħa u rebħa.—Dt 33:17; Mik 4:13; Ża 1:19.

  • Qjud.

    Apparat biex jittorturaw jew jikkastigaw bih li kien magħmul minn frejm tal-injam b’toqob biex idaħħlu saqajn il-vittmi fihom. Kien hemm tip ieħor li fih kienu jdaħħlu wkoll l-idejn u l-għonq biex il-vittma tkun f’pożizzjoni skomda.—Ġer 20:2; At 16:24.

R

  • Rigali taʼ ħniena.

    Rigali li jingħataw lil xi ħadd fil-bżonn. Dawn mhumiex imsemmijin b’mod dirett fl-Iskrittura Ebrajka, imma l-Liġi tat direzzjoni speċifika lill-Iżraelin dwar ir-responsabbiltà li għandhom biex jgħinu l-foqra.—Mt 6:2.

  • Ruħ.

    Il-mod tradizzjonali kif tiġi tradotta l-kelma Ebrajka nefex u l-kelma Griega psike. Meta wieħed jeżamina l-mod taʼ kif dawn jintużaw fil-Bibbja, jara li jirreferu (1) għan-nies, (2) għall-annimali, jew (3) għall-ħajja taʼ bniedem jew annimal. (Ġen 1:20; 2:7; Nu 31:28; 1Pt 3:20; ukoll ntt.) B’differenza mill-mod taʼ kif “ruħ” tintuża f’ħafna reliġjonijiet, il-Bibbja turi li nefex u psike, fejn għandhom x’jaqsmu l-ħlejjaq tal-art, jirreferu għal xi ħaġa ħajja li tistaʼ taraha u tmissha u li tistaʼ tmut. F’din it-traduzzjoni dan il-kliem bil-lingwa oriġinali ġie tradott skont it-tifsira tiegħu fil-kuntest, b’hekk intuża kliem bħal “ħajja,” “ħliqa,” “persuna,” jew sempliċement “jien.” F’ħafna każijiet hemm nota taʼ taħt bil-kelma “ruħ.” Meta tintuża l-kelma “ruħ” fil-versi jew fin-noti taʼ taħt, din għandha tinftiehem skont l-ispjegazzjoni t’hawn fuq. Meta tirreferi għal li tagħmel xi ħaġa b’ruħek kollha, din tfisser li tagħmilha b’qalbek kollha. (De 6:5; Mt 22:37) F’xi kuntesti dan il-kliem oriġinali jistaʼ jintuża biex jirreferi għal dak li tkun tixtieq ħliqa ħajja. Jistaʼ jirreferi wkoll għal persuna jew ġisem mejjet.—Nu 6:6; Pr 23:2; Is 56:11; Ħag 2:13.

S

  • Saltna t’Alla.

    Frażi li tirreferi b’mod partikolari għall-gvern li jirrappreżenta d-dritt li Alla għandu biex imexxi. Ir-re taʼ din is-Saltna hu Ibnu Kristu Ġesù.—Mt 12:28; Lq 4:43; 1Kor 15:50.

  • Sela.

    Terminu tekniku f’Salmi u Ħabakkuk għall-mużika jew għal meta jintqal b’leħen għoli kliem minn xi poeżija. Dan jistaʼ jfisser pawsa fil-kant jew fil-mużika, jew fit-tnejn li huma, biex ikun hemm meditazzjoni fis-skiet jew biex tenfasizza l-emozzjoni li tkun għadha kemm ġiet espressa. Is-Settanta Griega tittraduċiha dajasalma, li tfisser “pawsa fil-mużika.”—Sa 3:4; Ħab 3:3.

  • Seminit.

    Terminu mużikali li letteralment ifisser “it-tmien” li jistaʼ jirreferi għal nota jew skala baxxa. Jekk jintuża għall-istrumenti, dan probabilment jirreferi għal dawk li jagħmlu ton baxx. Jekk għall-għanjiet, x’aktarx jirreferi għall-mużika b’noti baxxi li titkanta b’dan l-istil.—1Kro 15:21; Sa 6:Sup; 12:Sup.

  • Sirti.

    Żewġ daħliet kbar u baxxi fil-baħar fil-kosta tal-Libja, fl-Afrika taʼ Fuq. Il-baħħara tal-qedem kienu jibżgħu minnhom peress li kien jinġabar ir-ramel f’postijiet differenti minħabba li l-baħar jitbaxxa u jogħla. (At 27:17)—Ara App. B13.

  • Sistema/i tal-affarijiet.

    Din hi traduzzjoni tal-kelma Griega ajon meta tirreferi għaċ-ċirkustanzi tal-preżent jew għal aspetti li permezz tagħhom jistaʼ jintgħaraf ċertu żmien jew epoka. Il-Bibbja tuża “din is-sistema tal-affarijiet” meta tirreferi għall-kundizzjonijiet tad-dinja inġenerali u l-mod taʼ kif jgħixu n-nies. (2Ti 4:10, ntt.) Permezz tal-patt tal-Liġi, Alla introduċa perjodu taʼ żmien li setaʼ jissejjaħ epoka tal-Iżraelin jew tal-Lhud. Permezz tas-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala fidwa, Alla introduċa żmien differenti li primarjament jinvolvi l-kongregazzjoni tal-Kristjani midlukin. Dan immarka bidu taʼ epoka ġdida li fiha ġraw l-affarijiet li l-patt tal-Liġi ta ħarsa bil-quddiem tagħhom. Meta l-frażi tintuża fil-plural, din tirreferi għal diversi żminijiet, jew għal kundizzjonijiet inġenerali, kemm tal-passat u kemm tal-futur.—Mt 24:3; Mrk 4:19; Rum 12:2; 1Kor 10:11.

  • Skriba.

    Wieħed li jikkopja l-Iskrittura Ebrajka. Saż-żmien li Ġesù ġie fuq l-art, dan it-titlu kien jintuża għal grupp taʼ rġiel li jafu sew il-Liġi. Dawn kienu jiħduha kontra Ġesù.—Esd 7:6, ntt.; Mrk 12:38, 39; 14:1.

  • Spirtu.

    Il-kelma bl-Ebrajk ruwak u l-kelma bil-Grieg numa, li spiss jiġu tradotti “spirtu,” għandhom diversi tifsiriet. Kollha jirreferu għal xi ħaġa li hi inviżibbli għall-bnedmin u juru li hemm forza attiva. Il-kliem bl-Ebrajk u l-Grieg jirreferu (1) għar-riħ, (2) għall-qawwa li tagħti l-ħajja u li taħdem fil-ħlejjaq tal-art, (3) għal attitudnijiet li jiġu mill-qalb figurattiva taʼ persuna u li jimmotivawha tgħid jew tagħmel ċerti affarijiet, (4) għal espressjonijiet ispirati li jiġu minn sors inviżibbli, (5) għal ħlejjaq spirti, u (6) għall-qawwa attiva t’Alla, jiġifieri l-ispirtu qaddis.—Nu 14:24; Sa 104:29; Mt 12:43; Lq 11:13.

T

  • Talb bil-ħniena.

    Talba bil-ħeġġa u mill-qalb. Ukoll, din hi talba li fiha wieħed jiftaħ qalbu dwar kif iħossu u x’qed jinkwetah b’emozzjonijiet kbar.—1Slt 8:28, ntt.; Lq 1:13.

  • Tarsis, vapuri taʼ.

    Għall-bidu, dan it-terminu kien jintuża għal vapuri li kienu jivvjaġġaw lejn Tarsis tal-qedem (li llum hi Spanja). Milli jidher dan it-terminu eventwalment beda jirreferi għal vapuri kbar li setgħu jivvjaġġaw distanzi twal. Salamun u Ġeħosafat użaw vapuri bħal dawn għan-negozju.—1Slt 9:26; 10:22; 22:48.

  • Testimonjanza.

    Ġeneralment “it-Testimonjanza” tirreferi għall-Għaxar Kmandamenti miktubin fuq iż-żewġ twavel tal-ġebel li ngħataw lil Mosè.—Eżo 31:18.

U

  • Urim u Tummim.

    Oġġetti użati mill-qassis il-kbir b’mod simili għal kif kienu jużaw ix-xorti biex jaraw x’ried Ġeħova meta jkunu jridu tweġiba għal mistoqsijiet importanti li għandhom x’jaqsmu mal-poplu. L-Urim u t-Tummim kienu jitpoġġew fil-pettoral tal-qassis il-kbir meta jidħol fit-tabernaklu. Milli jidher dawn ma baqgħux jintużaw meta l-Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm.—Eżo 28:30; Ne 7:65.

V

  • Veġġent.

    Xi ħadd li Alla ppermettielu jifhem xi jrid hu, wieħed li għajnejh ġew miftuħin biex jara u jifhem affarijiet li n-nies inġenerali ma setgħux. Il-kelma Ebrajka ġejja minn kelma li tfisser “tara,” b’mod letterali jew figurattiv. In-nies kienu jmorru għand veġġent għal pariri għaqlin dwar il-problemi li jkollhom.—1Sm 9:9.

X

  • Xeol.

    Kelma Ebrajka li hi simili għall-kelma bil-Grieg “Ħades.” Din tiġi tradotta “Qabar” (b’ittra kapitali), biex turi li tirreferi għall-qabar komuni tan-nies u mhux għal qabar wieħed.—Ġen 37:35; Sa 16:10; At 2:31 (ntt.).

Ż

  • Żuf.

    Pjanta bi friegħi u weraq irqaq, li kienet tintuża biex jitraxxax id-demm jew l-ilma f’ċerimonji taʼ tindif. X’aktarx kienet merdqux (Origanum maru; Origanum syriacum). Fi Ġwanni 19:29 din setgħet kienet merqtux imqabbad ma’ qasba jew tip taʼ pjanta li z-zokk tagħha hu twil u li ntuża biex iwaħħlu sponża mimlija bl-inbid qares miegħu u jressquha ħdejn ħalq Ġesù.—Eżo 12:22; Sa 51:7.

  •  Żwieġ bejn armla u ħu r-raġel tagħha.

    Drawwa li maż-żmien daħlet fil-Liġi li Alla ta lil Mosè. Din kienet tinvolvi li raġel jiżżewweġ il-mara taʼ ħuh li miet bla tfal biex ikollu t-tfal minnha għal ħuh. Din magħrufa wkoll bħala żwieġ levirat.—Ġen 38:8; Dt 25:5.

Z

  •  Zokk.

    Arblu wieqaf li kienu jorbtu vittma miegħu. Xi popli kienu jużawh biex joqtlu u/jew biex iqiegħdu ġisem mejjet bħala twissija għal oħrajn jew biex jumiljawh pubblikament. L-Assirjani, li kienu magħrufin għall-ħruxija li kienu jużaw fil-gwerer, kienu jinfdu lil dawk li jaqbdu billi jdendluhom mal-ponta taz-zokk li jkunu daħħlulhom minn żaqqhom għall-kaxxa taʼ sidirhom. Imma fil-liġi tal-Lhud dawk li kienu jinstabu ħatjin t’att kriminali mill-agħar bħad-dagħa jew l-idolatrija, l-ewwel kienu joqtluhom billi jwaddbulhom il-ġebel jew b’xi mod ieħor u mbagħad l-iġsma mejtin tagħhom kienu jiġu mdendla maʼ zkuk, jew siġar, bħala twissija għal oħrajn. (Dt 21:22, 23; 2Sm 21:6, 9) Ir-Rumani xi kultant kienu sempliċement jorbtu l-vittma maz-zokk, u f’dan il-każ il-vittma jaf kienet iddum diversi jiem qabel ma tmut bl-uġigħ, bil-għatx, bil-ġuħ, u bix-xemx. F’każijiet oħra, bħal dak taʼ Ġesù, kienu jsammru l-idejn u s-saqajn tal-akkużat maʼ zokk. (Lq 24:20; Ġw 19:14-16; 20:25; At 2:23, 36)​—Ara  ZOKK TAT-TORTURA.

  •  Zokk tat-tortura.

    It-traduzzjoni tal-kelma Griega stawros, li tfisser zokk wieqaf jew arblu, bħal dak li Ġesù ġie maqtul fuqu. M’hemmx evidenza li l-kelma Griega kienet tfisser salib, bħal dak li kienu jużaw il-pagani bħala simbolu reliġjuż għal mijiet taʼ snin qabel Kristu. Il-frażi “zokk tat-tortura” toħroġ il-ħsieb sħiħ tal-kelma oriġinali, għax il-kelma stawros tintuża wkoll biex tindika t-tortura, it-tbatija, u l-umiljazzjoni li kienu se jgħaddu minnha d-dixxipli taʼ Ġesù. (Mt 16:24; Lh 12:2)—Ara  ZOKK.