Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 16:1-21

  • Is-sebaʼ skutelli tar-rabja t’Alla (1-21)

    • Jitferrgħu fuq l-art (2), fil-baħar (3), fix-xmajjar u l-għejun tal-ilma (4-7), fuq ix-xemx (8, 9), fuq it-tron tal-bhima salvaġġa (10, 11), fl-Ewfrat (12-16), u fl-arja (17-21)

    • Il-gwerra t’Alla f’Armageddon (14,16)

16  Jien smajt leħen għoli ġej mis-santwarju jgħid lis-sebaʼ anġli: “Morru ferrgħu s-sebaʼ skutelli tar-rabja t’Alla fuq l-art.” 2  L-ewwel wieħed telaq u ferraʼ l-iskutella tiegħu fuq l-art. In-nies li kellhom il-marka tal-bhima salvaġġa u li kienu qed iqimu l-istatwa tagħha, imtlew b’feriti taʼ wġigħ li ma jfiqux. 3  It-tieni wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fil-baħar. Il-baħar sar bħal demm taʼ xi ħadd mejjet, u kull ħliqa ħajja fih mietet. 4  It-tielet wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fix-xmajjar u l-għejun tal-ilma. U dawn saru demm. 5  Jien smajt l-anġlu li għandu awtorità fuq l-ilma jgħid: “Int Alla leali lejn in-nies tiegħek, il-Wieħed li jeżisti u li eżista. Int ġust minħabba li għamilt dawn il-ġudizzji. 6  Huma xerrdu d-demm tal-qaddisin u l-profeti, u b’hekk int tajthom jixorbu d-demm. Hekk ħaqqhom!” 7  U smajt leħen mill-artal jgħid: “Iva, Alla Ġeħova* li Tistaʼ Kollox, il-ġudizzji* tiegħek huma taʼ min jafdahom u ġusti.” 8  Ir-rabaʼ wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fuq ix-xemx, u din tħalliet taħraq in-nies bin-nar. 9  U n-nies inħarqu bis-sħana kbira, imma huma dgħaw* bl-isem t’Alla, li għandu l-awtorità fuq dawn il-kastigi, u la nidmu u lanqas tawh glorja. 10  Il-ħames wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fuq it-tron tal-bhima salvaġġa. U s-saltna tagħha ddallmet, u n-nies bdew jigdmu lsienhom bl-uġigħ. 11  Imma huma dgħaw bl-Alla tas-sema minħabba l-uġigħ u l-feriti tagħhom, u ma nidmux minn dak li għamlu. 12  Is-sitt wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fix-xmara l-kbira Ewfrat, u l-ilma tagħha nixef biex tiġi ppreparata triq għar-rejiet li ġejjin minn fejn titlaʼ x-xemx.* 13  Minn ħalq id-dragun, il-bhima salvaġġa, u l-profeta falz rajt ħerġin tliet messaġġi mhux nodfa* li kienu qishom żrinġijiet. 14  Dawn il-messaġġi ġejjin mid-demonji u semgħuhom ir-rejiet kollha tal-art. Il-messaġġi għamlu mirakli* biex jiġbru r-rejiet għall-gwerra tal-jum il-kbir tal-Alla li Jistaʼ Kollox. 15  “Oqogħdu attenti! Jien ġej bħal ħalliel. Ferħan hu min jibqaʼ mqajjem u mlibbes, biex b’hekk ma jimxix għarwien u jistħi għax jarawh in-nies.” 16  Il-messaġġi li ġejjin mid-demonji ġabru lir-rejiet fil-post li bl-Ebrajk jgħidulu Armageddon.* 17  Is-sebaʼ wieħed ferraʼ l-iskutella tiegħu fl-arja. Malli għamel hekk, instemaʼ leħen għoli ġej mis-santwarju tat-tron, li qal: “Bil-lest!” 18  U kien hemm sajjetti, ilħna, u ragħad, u kien hemm terremot li tant kien kbir u mifrux li qatt ma seħħ bħalu minn mindu beda jeżisti l-bniedem. 19  Il-belt il-kbira nqasmet fi tlieta, u l-bliet tal-popli waqgħu. Alla ftakar f’Babilonja l-Kbira u taha t-tazza tal-inbid tar-rabja kbira ħafna tiegħu. 20  Ukoll, il-gżejjer kollha ħarbu u l-muntanji ma nstabux. 21  Imbagħad niżel silġ kbir fuq in-nies, u kull silġa kienet tiżen madwar talent.* In-nies bdew jidgħu b’Alla minħabba l-kastig tas-silġ, għax il-kastig għamel ħsara kbira.

Noti taʼ taħt

Jew “id-deċiżjonijiet ġudizzjali.”
Jew “mil-Lvant.”
Letteralment “spirti mhux nodfa.”
Letteralment “sinjali.”
Bil-Grieg Ħar Mageddon, minn terminu Ebrajk li jfisser “Muntanja taʼ Megiddo.”
Talent Grieg kien daqs 20.4 kilogrammi. Ara App. B14.