Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 22:1-21

  • Xmara tal-ilma tal-ħajja (1-5)

  • Konklużjoni (6-21)

    • ‘Ejja! Ħu l-ilma tal-ħajja b’xejn’ (17)

    • “Ejja Mulej Ġesù” (20)

22  Hu wrieni xmara tal-ilma tal-ħajja, li kienet ċara daqs il-kristall. Din kienet ħierġa mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf, 2  u kienet tgħaddi min-nofs it-triq prinċipali. Fuq kull naħa tax-xmara kien hemm siġar tal-ħajja li jagħmlu l-frott kull xahar, 12-il darba fis-sena. U l-weraq tas-siġar kienu tajbin biex ifejqu l-popli. 3  U mhux se jkun hemm iktar saħta. It-tron t’Alla u tal-Ħaruf se jkunu fil-belt, u l-ilsiera t’Alla se jqimuh. 4  Huma se jaraw wiċċu, u ismu se jkun fuq moħħhom. 5  Ukoll, il-lejl mhux se jibqaʼ iktar, u mhux se jkollhom bżonn id-dawl tal-lampa jew tax-xemx, għax Alla Ġeħova* se jitfaʼ d-dawl fuqhom, u huma se jmexxu bħala rejiet għal dejjem taʼ dejjem. 6  Hu qalli: “Dan il-kliem hu taʼ min jafdah* u veru. Iva, Ġeħova,* l-Alla li jitkellem permezz tal-profeti, bagħat lill-anġlu tiegħu biex juri lill-ilsiera tiegħu l-affarijiet li se jiġru dalwaqt. 7  Ġesù jgħid: ‘Jien ġej malajr. Ferħanin huma dawk kollha li jobdu l-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll.’” 8  Jien, Ġwanni, kont smajt u rajt dawn l-affarijiet. Meta smajthom u rajthom, inżilt għarkopptejja biex inqim l-anġlu li kien urieni dawn l-affarijiet. 9  Imma hu qalli: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek, bħal ħutek il-profeti, u bħal dawk li jobdu l-kliem taʼ dan l-iskroll. Qim lil Alla.” 10  Hu qalli wkoll: “Tissiġillax il-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll, għax iż-żmien li ntagħżel hu qrib. 11  Min mhux qed jagħmel l-affarijiet sewwa, ħa jkompli ma jagħmilx l-affarijiet sewwa, u min hu maħmuġ, ħa jkompli jkun maħmuġ; imma min hu sewwa, ħa jkompli jagħmel is-sewwa, u min hu qaddis, ħa jkompli jagħmel dak li hu qaddis. 12  “Alla jgħid: ‘Jien ġej malajr, u se nagħti lil kull wieħed skont dak li għamel. 13  Jien l-Alfa u l-Omega,* l-ewwel u l-aħħar, il-bidu u t-tmiem. 14  Ferħanin huma dawk li jaħslu l-ħwejjeġ tagħhom, ħalli jkollhom id-dritt jieklu l-frott tas-siġar tal-ħajja u jidħlu fil-belt mill-bibien tagħha. 15  Barra hemm il-klieb,* dawk li jagħmlu l-ispiritiżmu, li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li joqtlu, li jqimu l-idoli, u kull min iħobb il-gideb u jigdeb.’ 16  “‘Jien, Ġesù, bgħatt lill-anġlu tiegħi biex jagħti xhieda lilkom dwar dawn l-affarijiet għall-benefiċċju tal-kongregazzjonijiet. Jien mill-familja* taʼ David u dixxendent tiegħu, u l-istilla taʼ filgħodu li tiddi.’” 17  L-ispirtu u l-għarusa jibqgħu jgħidu: “Ejja!” u kull min jismaʼ ħa jgħid, “Ejja!” u kull min hu bil-għatx ħa jiġi; u kull min jixtieq ħa jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn. 18  Ġesù jgħid: “Jien qed nagħti xhieda lil kull min qed jismaʼ l-kliem tal-profezija taʼ dan l-iskroll: Jekk xi ħadd iżid maʼ dan, Alla se jżidlu l-kastigi li huma miktubin f’dan l-iskroll. 19  U jekk xi ħadd ineħħi xi ħaġa mill-kliem tal-iskroll taʼ din il-profezija, Alla mhux se jħallih jiekol mis-siġar tal-ħajja jew jidħol fil-belt qaddisa, li dwarhom hemm miktub f’dan l-iskroll. 20  “Jien li nagħti xhieda dwar dawn l-affarijiet ngħid, ‘Iva, jien ġej malajr.’” Jien, Ġwanni, għedtlu: “Ammen! Ejja Mulej Ġesù.” 21  Jalla l-Mulej Ġesù juri qalb tajba kbira mal-qaddisin.

Noti taʼ taħt

Jew “żgur.”
Jew “l-A u z-Z.” L-Alfa u l-Omega huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg.
Jiġifieri dawk li jagħmlu affarijiet diżgustanti f’għajnejn Alla.
Letteralment “mill-għerq.”