Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 21:1-27

  • Sema ġdida u art ġdida (1-8)

    • Ma jkunx hemm iżjed mewt (4)

    • “Jien qed nagħmel kollox ġdid” (5)

  • Deskrizzjoni taʼ Ġerusalemm il-Ġdida (9-27)

21  Jien rajt sema ġdida u art ġdida, għax is-sema u l-art taʼ qabel spiċċaw, u l-baħar m’għadux jeżisti. 2  Rajt ukoll il-belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-Ġdida, nieżla mis-sema fejn hemm Alla. Hi bħal għarusa liebsa sabiħ biex tilqaʼ lir-raġel li se tiżżewweġ. 3  Imbagħad smajt leħen għoli mit-tron jgħid: “It-tinda t’Alla se tkun fost il-bnedmin, u hu se jgħix magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu. Alla stess se jkun magħhom. 4  Hu se jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, dwejjaq, biki, u wġigħ. Alla se jneħħi l-affarijiet kollha li ġegħluna nbatu.”* 5  Il-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron qalli: “Jien qed nagħmel kollox ġdid.” Qalli wkoll: “Ikteb, għax dan il-kliem hu taʼ min jafdah* u veru.” 6  U qalli: “Dan il-kliem diġà seħħ! Jien l-Alfa u l-Omega,* il-bidu u t-tmiem. Lil kull min hu bil-għatx se nagħtih jixrob b’xejn mill-għajn tal-ilma tal-ħajja. 7  Kull min jirbaħ lid-dinja se jiret dawn l-affarijiet, u jien inkun l-Alla tiegħu, u hu jkun it-tifel tiegħi. 8  Imma dawk li jibżgħu, li m’għandhomx fidi, li huma diżgustanti, il-qattiela, li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li jagħmlu l-ispiritiżmu, li jqimu l-idoli, u l-giddibin kollha, se jiġu mitfugħin fl-għadira li taqbad bin-nar u l-kubrit.* Din tirrappreżenta t-tieni mewt.” 9  Wieħed mis-sebaʼ anġli li kellhom is-sebaʼ skutelli li kienu mimlijin bl-aħħar sebaʼ kastigi ġie ħdejja u qalli: “Ejja ħa nurik l-għarusa, li se tkun il-mara tal-Ħaruf.” 10  Għalhekk, hu uża l-qawwa tal-ispirtu qaddis u ħadni fuq muntanja kbira u għolja. Hu wrieni lil Ġerusalemm, il-belt il-qaddisa, nieżla mis-sema fejn hemm Alla. 11  Din il-belt għandha l-glorja t’Alla u tiddi bħall-iktar ħaġra prezzjuża, bħal ħaġra tad-djaspru li tleqq daqs il-kristall. 12  Din kellha sur kbir u għoli u 12-il bieb b’anġlu maʼ kull wieħed, u fuq il-bibien kien hemm minquxin l-ismijiet tat-12-il tribù t’Iżrael. 13  Kien hemm tliet bibien fil-Lvant, tlieta fit-Tramuntana, tlieta fin-Nofsinhar, u tlieta fil-Punent. 14  Is-sur tal-belt kellu wkoll 12-il ġebla tal-pedament, u fuqhom kien hemm l-ismijiet tat-12-il appostlu tal-Ħaruf. 15  Dak li kien qed ikellimni kellu qasba tad-deheb biex ikejjel il-belt, il-bibien, u s-sur tagħha. 16  Il-belt kienet kwadra, u t-tul u l-wisaʼ tagħha kienu ndaqs. Hu kejjel il-belt bil-qasba u kienet 12,000 stadju;* it-tul, il-wisaʼ, u l-għoli tagħha kienu ndaqs. 17  Hu kejjel ukoll is-sur tagħha, li kien 144 kubitu,* skont il-kejl tal-bnedmin. Dan hu l-istess kejl li uża l-anġlu. 18  Is-sur kien magħmul mid-djaspru, u l-belt mid-deheb pur bħal ħġieġ ċar. 19  Il-pedamenti tas-sur tal-belt kienu mżejnin b’kull tip taʼ ħaġar prezzjuż: l-ewwel pedament kien djaspru, it-tieni żaffir, it-tielet kalċedonju, ir-rabaʼ żmerald, 20  il-ħames sardoniċi, is-sitta sardju, is-sebaʼ krisolitu, it-tmienja berill, id-disaʼ topazju, l-għaxar krisoprasu, il-ħdax ġjaċint, u t-tnax ametist. 21  Ukoll, it-12-il bieb kienu 12-il perla. Kull bieb kien magħmul minn perla. It-triq prinċipali tal-belt kienet magħmula minn deheb pur bħal ħġieġ ċar. 22  Fil-belt ma rajtx tempju, għax Alla Ġeħova* li Jistaʼ Kollox u l-Ħaruf huma t-tempju tagħha. 23  Il-belt ma kellhiex bżonn id-dawl tax-xemx u l-qamar, għax kellha l-glorja t’Alla tiddi fuqha, u l-lampa tagħha kienet il-Ħaruf. 24  Il-popli se jimxu permezz tad-dawl tagħha, u r-rejiet tal-art se jigglorifikawha. 25  Il-bibien tagħha mhux se jingħalqu, għax il-ġurnata mhux se tispiċċa u l-lejl mhux se jeżisti. 26  Il-popli se jigglorifikaw u jonoraw il-belt. 27  Imma kulma hu mniġġes u kull min jagħmel dak li hu diżgustanti u jqarraq żgur li mhux se jidħol fiha. Se jidħlu dawk biss li huma miktubin fl-iskroll tal-ħajja tal-Ħaruf.

Noti taʼ taħt

Letteralment “L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”
Jew “żgur.”
Jew “l-A u z-Z.” L-Alfa u l-Omega huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg.
Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.
Madwar 2,220 kilometru. Stejdjum kien daqs 185 metru. Ara App. B14.
Madwar 64 metru. Ara App. B14.