Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 8:1-13

  • Jinfetaħ is-sebaʼ siġill (1-6)

  • Jindaqqu l-ewwel erbaʼ trumbetti (7-12)

  • Jiġu mħabbra tliet gwajijiet (13)

8  Meta l-Ħaruf fetaħ is-sebaʼ siġill, kien hemm il-kwiet għal madwar nofs siegħa fis-sema. 2  Jien rajt is-sebaʼ anġli quddiem Alla, u dawn ingħataw sebaʼ trumbetti. 3  Imbagħad ġie anġlu ieħor b’reċipjent tad-deheb fejn jaħarqu l-inċens. Hu qagħad ħdejn l-artal u ngħata ammont kbir taʼ inċens biex joffrih mat-talb tal-qaddisin kollha fuq l-artal tad-deheb li kien quddiem it-tron. 4  Id-duħħan tal-inċens li ħaraq l-anġlu telaʼ mat-talb tal-qaddisin quddiem Alla. 5  U l-anġlu mill-ewwel mela r-reċipjent tal-inċens bi ftit nar tal-artal u tefgħu fuq l-art. U kien hemm ragħad, ilħna, sajjetti, u terremot. 6  U s-sebaʼ anġli ppreparaw biex idoqqu s-sebaʼ trumbetti. 7  L-ewwel anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U mbagħad niżlu fuq l-art silġ u nar imħalltin bid-demm, u nħarqu terz mill-art, terz mis-siġar, u l-ħaxix kollu. 8  It-tieni anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U xi ħaġa bħal muntanja kbira taqbad intefgħet fil-baħar. Imbagħad terz mill-baħar sar demm, 9  terz mill-ħlejjaq tal-baħar mietu, u terz mill-vapuri tfarrku. 10  U t-tielet anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U stilla kbira taqbad bħal lampa waqgħet mis-sema fuq terz mix-xmajjar u l-għejun tal-ilma. 11  L-isem tal-istilla hu Assenzju.* U terz mill-ilma sar assenzju, u ħafna min-nies mietu minħabba li l-ilma sar morr. 12  Ir-rabaʼ anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U ddallmu terz mix-xemx, mill-qamar, u mill-istilel. U ma kienx hemm dawl matul terz tal-ġurnata u terz tal-lejl. 13  Jien rajt ajkla ttir fl-għoli u smajtha tgħid b’leħen għoli: “Ħażin, ħażin, ħażin għal dawk li jgħixu fuq l-art minħabba dak li se jiġri meta jinstemaʼ l-ħoss tat-trumbetti li se jdoqqu t-tliet anġli li fadal!”

Noti taʼ taħt