Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 12:1-17

  • Il-mara, it-tifel, u d-dragun (1-6)

  • Mikiel jiġġieled kontra d-dragun (7-12)

    • Id-dragun twaddab ’l isfel lejn l-art (9)

    • Ix-Xitan jaf li ftit żmien baqagħlu (12)

  • Ix-Xitan jippersegwita l-mara (13-17)

12  Imbagħad dehret ġrajja* kbira fis-sema: Mara kienet liebsa ħwejjeġ ileqqu bħax-xemx, bil-qamar taħt saqajha, u fuq rasha kellha kuruna bi 12-il stilla, 2  u kienet tqila. Peress li kienet waslet biex twelled, hi kienet qed tgħajjat minħabba li kellha l-uġigħ tal-ħlas. 3  Dehret ġrajja oħra fis-sema: Rajt dragun kbir kulur in-nar li kellu sebat irjus u għaxart iqrun, u fuq l-irjus tiegħu kellu sebaʼ kuruni.* 4  U b’denbu kaxkar terz tal-istilel u waddabhom lejn l-art. Id-dragun baqaʼ wieqaf quddiem il-mara li kienet waslet biex twelled, ħalli meta twelled, jiblaʼ t-tarbija tagħha. 5  U hi welldet tifel, li għandu jirgħa lill-popli kollha b’virga tal-ħadid. U t-tifel tagħha nħataf u ttieħed għand Alla li kien fuq it-tron tiegħu. 6  Il-mara ħarbet lejn id-deżert. Hemm kellha post ippreparat minn Alla, u kienet se tingħata ikel għal 1,260 jum. 7  U faqqgħet gwerra fis-sema: Mikiel* u l-anġli tiegħu ġġieldu kontra d-dragun. Id-dragun u l-anġli tiegħu ġġieldu kontrihom 8  imma ma rebħulhomx,* u lanqas tħallew jibqgħu iktar fis-sema. 9  Għalhekk, id-dragun il-kbir twaddab ’l isfel lejn l-art. Hu s-serp oriġinali, il-wieħed li jissejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-art kollha. L-anġli tiegħu wkoll twaddbu ’l isfel miegħu. 10  Jien smajt leħen għoli fis-sema jgħid: “L-Alla tagħna salva l-bnedmin, u ntweriet il-qawwa tiegħu. Is-Saltna tiegħu bdiet tmexxi u dak li għażel biex ikun il-Kristu qed juża l-awtorità tiegħu. Għax il-wieħed li kien jakkuża lil ħutna lejl u nhar quddiem Alla twaddab għal isfel. 11  U huma rebħulu grazzi għad-demm tal-Ħaruf u għall-messaġġ li xandru, u huma kienu lesti li jagħtu ħajjithom u jmutu. 12  Minħabba f’hekk, ifirħu intom li tgħixu fis-sema, imma ħażin għall-art u għall-baħar, għax ix-Xitan niżel għandkom u hu rrabjat ħafna peress li jaf li ftit żmien baqagħlu.” 13  Meta d-dragun irrealizza li ġie mwaddab lejn l-art, hu ppersegwita l-mara li welldet lit-tifel. 14  Imma lill-mara ngħatawlha żewġ ġwienaħ kbar t’ajkla, ħalli tkun tistaʼ ttir lejn id-deżert u tmur fil-post li kien ippreparat għaliha. Hemm se tingħata l-ikel għal tliet snin u nofs* ’il bogħod mis-serp. 15  U s-serp qalaʼ minn ħalqu ilma bħal xmara wara l-mara, biex jgħerreqha. 16  Imma l-art ġiet tgħin lill-mara. L-art infetħet u belgħet ix-xmara li d-dragun qalaʼ minn ħalqu. 17  Għalhekk, id-dragun irrabja ħafna għall-mara, u mar biex jagħmel gwerra kontra t-tfal* li kien baqgħalha, jiġifieri dawk li jobdu l-kmandamenti t’Alla u li ġew inkarigati biex jagħtu xhieda dwar Ġesù.

Noti taʼ taħt

^ Letteralment “sinjal.” Dan jirreferi għal ġrajja b’tifsir simboliku.
^ Letteralment “dijademi.”
^ Ifisser “Min Hu bħal Alla?”
^ Jew forsi “imma ġie megħlub,” jiġifieri d-dragun.
^ Jew “għal żmien u żminijiet u nofs żmien.”
^ Jew “nisilha.”