Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 1:1-20

  • Rivelazzjoni minn Alla permezz taʼ Ġesù (1-3)

  • Introduzzjoni tal-ittra lis-sebaʼ kongregazzjonijiet (4-8)

    • “Jien l-Alfa u l-Omega” (8)

  • Ġwanni jsib ruħu f’jum il-Mulej permezz tal-ispirtu qaddis (9-11)

  • Viżjoni taʼ Ġesù gglorifikat (12-20)

1  Din hi r-rivelazzjoni* minn Ġesù Kristu, li tah Alla, biex juri lill-qaddejja tiegħu l-affarijiet li żgur se jiġru dalwaqt. Ġesù bagħat lill-anġlu tiegħu, u ppreżentaha b’mod simboliku lili, il-qaddej t’Alla,* Ġwanni. 2  Jien tajt xhieda dwar il-kelma li ta Alla u dwar il-messaġġ li ta Ġesù Kristu. Iva, jien tajt xhieda dwar l-affarijiet kollha li rajt. 3  Ferħan hu min jaqra b’leħen għoli l-kliem f’din il-profezija u ferħanin huma dawk li jisimgħu u jobdu dak li hemm miktub fiha; għax iż-żmien li ntagħżel minn Alla daqt jasal. 4  Jien Ġwanni qed nikteb lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fil-provinċja tal-Asja: Jalla jkollkom qalb tajba kbira u paċi “mill-Wieħed li jeżisti, li eżista, u li ġej,” mis-sebaʼ spirti li qegħdin quddiem it-tron tiegħu, 5  u minn Ġesù Kristu, li hu “x-Xhud Leali,” “l-ewwel imwieled mill-mewt,” u “l-Mexxej tar-rejiet fuq l-art.” Ġesù jħobbna u ħelisna mid-dnubiet tagħna permezz tad-demm tiegħu, 6  u għamilna rejiet* u qassisin għal Alla tiegħu li hu Missieru. Għalhekk, Ġesù ħaqqu l-glorja u l-qawwa għal dejjem. Ammen. 7  Hu se jiġi mas-sħab, u kulħadd se jarah, anki dawk li nifduh. In-nies* kollha tal-art se juru li jkunu mdejqin ħafna* minħabba fih. Iva, Ammen. 8  Alla Ġeħova* jgħid, “Jien l-Alfa u l-Omega,* il-Wieħed li jeżisti, li eżista, u li ġej, Dak li Jistaʼ Kollox.” 9  Jien ħukom Ġwanni u għandi sehem magħkom fil-persekuzzjoni, fis-saltna, u f’li nissaporti minħabba li jien dixxiplu taʼ Ġesù. Jien ġejt eżiljat fuq gżira jisimha Patmos talli qed nitkellem dwar Alla u nagħti xhieda dwar Ġesù. 10  Permezz tal-ispirtu qaddis, sibt ruħi f’jum il-Mulej, u minn warajja smajt leħen qawwi bħal dak taʼ trumbetta 11  u qalli: “Ikteb fi skroll dak li tara u ibagħtu lis-sebaʼ kongregazzjonijiet: f’Efesu, fi Żmirna, f’Pergamu, fi Tjatira, f’Sardi, f’Filadelfja, u f’Laodiċija.” 12  Jien dort biex nara min kien qed ikellimni, u meta dort rajt sebaʼ gandlieri tad-deheb, 13  u f’nofs il-gandlieri kien hemm xi ħadd bħal bin il-bniedem, u kien liebes libsa twila sal-għaksa u terħa tad-deheb madwar sidru. 14  Iktar minn hekk, xagħru kien abjad bħas-suf u bħas-silġ, għajnejh kienu bħal fjamma nar, 15  saqajh kienu jleqqu bħal ram mill-aqwa meta jdub fil-forn, u leħnu kien bħall-ħoss taʼ ħafna ilmijiet. 16  F’idu l-leminija kellu sebaʼ stilel, minn ħalqu kellu ħierġa xabla twila li taqtaʼ ħafna miż-żewġ naħat, u wiċċu kien qed jiddi bħax-xemx fl-aqwa tagħha. 17  Meta rajtu, waqajt ħdejn saqajh bħal wieħed mejjet. U hu qiegħed idu l-leminija fuqi u qalli: “Tibżax. Jien l-Ewwel u l-Aħħar, 18  li kont ħaj u mitt, imma issa ħaj u se ngħix għal dejjem taʼ dejjem, u għandi ċ-ċwievet* tal-mewt u tal-Qabar.* 19  Għalhekk, ikteb dak li rajt, l-affarijiet li qed jiġru issa, u l-affarijiet li se jiġru wara dawn. 20  Is-sebaʼ stilel li rajtli f’idi l-leminija u s-sebaʼ gandlieri tad-deheb huma sigriet qaddis: Is-sebaʼ stilel jirrappreżentaw l-anġli* tas-sebaʼ kongregazzjonijiet, u s-sebaʼ gandlieri jirrappreżentaw is-sebaʼ kongregazzjonijiet.

Noti taʼ taħt

Il-kelma tfisser tikxef jew tagħmel magħruf.
Jew forsi “l-qaddej taʼ Ġesù.”
Letteralment “saltna.”
Letteralment “It-tribujiet.”
Letteralment “se jibku u jħabbtu fuq sidirhom.”
Jew “l-A u z-Z.” L-Alfa u l-Omega huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg.
Jew “l-imfietaħ.”
Jew “taʼ Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “messaġġieri.”