Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 10:1-11

  • Anġlu b’saħħtu bi skroll żgħir (1-7)

    • “Mhux se jistenna iktar” (6)

    • Is-sigriet qaddis se jseħħ (7)

  • Ġwanni jiekol l-iskroll iż-żgħir (8-11)

10  Jien rajt anġlu b’saħħtu ieħor nieżel mis-sema. Hu kien imdawwar fi sħaba, kellu qawsalla fuq rasu, wiċċu kien bħax-xemx, saqajh kienu bħal kolonni tan-nar, 2  u f’idu kellu skroll żgħir miftuħ. Hu tefaʼ siequ l-leminija fuq il-baħar u x-xellugija fuq l-art, 3  u għajjat b’leħen għoli bħal meta jgħajjat iljun. Meta għamel hekk, jien smajt l-ilħna tas-sebaʼ ragħdiet. 4  Meta s-sebaʼ ragħdiet tkellmu, jien kont se nibda nikteb dak li qalu, imma leħen mis-sema qalli: “Żomm sigriet* l-affarijiet li qalu s-sebaʼ ragħdiet, u tiktibhomx.” 5  L-anġlu li rajt bilwieqfa fuq il-baħar u fuq l-art għolla idu l-leminija lejn is-sema, 6  u ħalef bil-Wieħed li jgħix għal dejjem taʼ dejjem, li ħalaq is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom, u qal: “Alla mhux se jistenna iktar. 7  Imma fiż-żmien li s-sebaʼ anġlu jkun se jdoqq it-trumbetta tiegħu, is-sigriet qaddis t’Alla żgur se jseħħ. Is-sigriet hu l-aħbar tajba li Alla qal lill-ilsiera tiegħu l-profeti.” 8  Il-leħen mis-sema reġaʼ kellimni u qalli: “Mur ħu l-iskroll miftuħ li qiegħed f’id l-anġlu li hu bilwieqfa fuq il-baħar u l-art.” 9  Jien mort għand l-anġlu u għedtlu biex jagħtini l-iskroll żgħir. Hu qalli: “Ħudu u kulu. Dan se jibqagħlek fuq l-istonku imma se ttiegħmu ħelu bħall-għasel.”* 10  Jien ħadt l-iskroll żgħir minn id l-anġlu u kiltu. It-togħma tiegħu kienet ħelwa bħall-għasel, imma baqagħli fuq l-istonku. 11  Imbagħad ingħatajt il-kmand: “Għandek terġaʼ tipprofetizza dwar il-popli, il-ġnus, il-lingwi,* u ħafna rejiet.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “Issiġilla.”
Letteralment “jagħmillek żaqqek morra, imma f’ħalqek ikun ħelu bħall-għasel.”
Letteralment “l-ilsna.”