Isaija 41:1-29
41 “Intom li toqogħdu fil-gżejjer, oqogħdu kwieti u isimgħuni;*Intom il-popli, erġgħu iksbu s-saħħa tagħkom.
Ersqu lejja u mbagħad tkellmu.
Ejjew flimkien u jien niġġudikakom.
2 Min ta l-qawwa lil xi ħadd mil-Lvant?*
Min għajjatlu biex jaqdih* ħalli jagħmel ġustizzja,Biex jagħtih f’idejh il-popli,U jgħinu jirbaħ lir-rejiet?
Min qed iġibhom trab bix-xabla tiegħu,U jferrixhom bil-qaws tiegħu bħal tiben li jtir mar-riħ?
3 Hu jiġri warajhom u jgħaddi mingħajr tfixkilF’toroq li qatt m’għadda minnhom.
4 Min għamel danU għajjat lill-ġenerazzjonijiet mill-bidu?
Jien, Ġeħova, jien l-Ewwel Wieħed;In-nies imorru u jiġu imma jien nibqaʼ l-istess.”
5 In-nies tal-gżejjer raw x’għamel u bdew jibżgħu.
Dawk li joqogħdu fit-truf tal-art bdew jitriegħdu.
Huma nġabru flimkien.
6 Kull wieħed jgħin lil sieħbu,U jgħid lil ħuh: “Kun kuraġġuż.”
7 Għalhekk, il-ħaddiem tas-sengħa jsaħħaħ lill-ħaddied;Dak li jillixxa bil-martell isaħħaħ lil dak li juża l-mazza fuq l-inkwina.
Hu jgħid li l-ħadid ġie mwaħħal sew.
Imbagħad l-istatwa titwaħħal bl-imsiemer ħalli ma taqax.
8 “Imma Iżrael, int il-qaddej tiegħi,Ġakobb, int il-wieħed li jien għażilt,Id-dixxendent tal-ħabib* tiegħi Abraham.
9 Lilek ħadtek minn truf l-art,U għajjattlek mill-iktar partijiet ’il bogħod.
Jien għedtlek, ‘Int il-qaddej tiegħi;Jien għażiltek; ma warrabtekx.
10 Tibżax, għax jien miegħek.
Tkunx ansjuż, għax jien l-Alla tiegħek.
Jien se nsaħħek, iva, jien se ngħinek.
Se nżommok sod b’idi l-leminija, bl-id li tagħmel dak li hu sewwa.’
11 Dawk kollha li jirrabjaw miegħek se jkollhom jistħu u se jiġu umiljati.
Dawk li jiġġieldu kontrik se jiġu fix-xejn u jisparixxu.
12 Int se tfittex irġiel li jiġġieldu miegħek, imma mhux se ssibhom.
L-irġiel li jiggwerraw kontrik se jsiru bħal xi ħaġa li ma teżistix u li mhi assolutament xejn.
13 Għax jien, Ġeħova l-Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminijaU ngħidlek, ‘Tibżax. Jien se ngħinek.’
14 Tibżax Ġakobb, daqsxejn taʼ dudu,*Nies t’Iżrael, jien se ngħinkom,” jgħid Ġeħova, Dak li Jixtrikom Lura, il-Qaddis t’Iżrael.
15 “Jien għamiltek bħal slitta tad-dris,Bħal għodda tad-dris li taqtaʼ ħafna.
Int se tkisser il-muntanji u tfarrakhom,U l-għoljiet se ġġibhom bħal qoxra taʼ żerriegħa.
16 Int se tgħollihom fl-arja,U r-riħ iġorrhom;Riefnu se jxerridhom.
Int se tifraħ minħabba dak li għamel Ġeħova,U se tiftaħar minħabba dak li għamel il-Qaddis t’Iżrael.”
17 “Dawk fil-bżonn u l-foqra qed ifittxu l-ilma, imma m’hemmx.
Ilsienhom niexef minħabba l-għatx li għandhom.
Jien, Ġeħova, se ngħinhom.
Jien, l-Alla t’Iżrael, mhux se nitlaqhom.
18 Se nagħmel xmajjar fuq l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhomU għejun tal-ilma fil-pjanuri fil-widien.
Se nbiddel ix-xagħri f’għadajjar bil-qasabU l-art niexfa f’għejun tal-ilma.
19 Fid-deżert se nħawwel siġar taċ-ċedri,Tal-akaċja, tar-riħan, u tal-arżnu.
Fil-pjanura tad-deżert se nħawwel siġar tal-ġnibru,Tal-fraxxnu, u taċ-ċipress,
20 Ħalli n-nies kollha jkunu jistgħu jaraw, ikunu jafu,Joqogħdu attenti, u jifhmuLi Ġeħova għamel dan,U l-Qaddis t’Iżrael ħalqu.”
21 Ġeħova jgħid, “Ippreżentaw il-każ tagħkom.”
Ir-Re taʼ Ġakobb jgħid, “Ġibu l-provi tagħkom.”
22 “Ġibu l-evidenza u għidulna l-affarijiet li se jiġru.
Għidulna dwar l-affarijiet li ġraw,*Ħalli nkunu nistgħu nirriflettu fuqhom* u nkunu nafu r-riżultat tagħhom.
Jew għidulna l-affarijiet li ġejjin.
23 Għidulna x’se jiġri fil-futur,Ħalli nkunu nafu li intom allat.
Iva, agħmlu xi ħaġa, tajjeb jew ħażin,Ħalli nibqgħu mistagħġbin meta narawha.
24 Intom xi ħaġa li ma teżistix,U dak li tagħmlu ma jiswa xejn.
Kull min jagħżel li jqim lilkom hu taʼ min jobogħdu.
25 Jien tajt il-qawwa lil xi ħadd mit-Tramuntana, u dan se jiġi.
Hu se jsejjaħ ismi minn fejn titlaʼ x-xemx.*
Se jgħaffeġ fuq il-mexxejja* bħallikieku kienu tafal,Bħalma xi ħadd li jaħdem il-fuħħar jgħaffeġ tafal frisk.
26 “Min qal dan mill-bidu biex stajna nkunu nafu,Jew min qal dan mill-passat biex stajna ngħidu, ‘Għandu raġun’?
Infatti, ħadd minnkom ma ħabbar dan!
Ħadd ma qalu!
Ma smajna xejn mingħandkom!”
27 Jien kont l-ewwel wieħed li għedt lil Sijon: “Ara x’se jiġri!
U f’Ġerusalemm se nibgħat messaġġier b’aħbar tajba.
28 Imma bqajt infittex, u ma kien hemm ħadd;Ma kien hemm ħadd fosthom li jagħti parir.
Għalkemm bqajt nistaqsihom, ħadd ma wieġeb.
29 Kollha kemm huma inutli.*
Mhuma kapaċi jagħmlu xejn.
L-istatwi tal-metall* tagħhom huma bħal riħ u bħal xi ħaġa mhix vera.
Noti taʼ taħt
^ Jew “oqogħdu kwieti quddiemi.”
^ Jew “minn fejn titlaʼ x-xemx.”
^ Letteralment “biex jiġi ħdejn saqajh.”
^ Jew “In-nisel tal-ħabib; Int li tiġi mill-ħabib.”
^ Jiġifieri ma jistax jipproteġi lilu nnifsu u batut.
^ Letteralment “l-ewwel affarijiet.”
^ Jew “niħduhom bis-serjetà.”
^ Jew “mil-Lvant.”
^ Jew “l-uffiċjali.”
^ Jew “xi ħaġa li ma teżistix.”
^ Jew “L-istatwi minn metall imdewweb.”

