Isaija 13:1-22
13 Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra Babilonja li jien Isaija bin Għamoż rajt f’viżjoni:
2 Alla jgħid: “Għollu arblu bħala sinjal fuq muntanja bla siġar.
Għajtulhom, xejrulhom,Biex jidħlu mill-bibien tan-nies importanti.
3 Jien tajt il-kmand lil dawk li għażilt.*
Ġbart lill-gwerriera tiegħi, li jifirħu u huma kburin,Biex jikkastigaw lil dawk li jirrabjawni.
4 Qegħdin tisimgħuh il-ħoss taʼ folla fil-muntanji?
Qed jinstemaʼ ħoss taʼ ħafna nies!
Qegħdin tisimgħuh l-istorbju sħiħ li qed jagħmlu s-saltniet,L-istorbju tal-popli miġburin flimkien?
Jien, Ġeħova tal-armati, qed niġbor l-armata għall-gwerra.
5 Jien Ġeħova u l-armata tiegħi ġejjin minn pajjiż ’il bogħod,Min-naħa l-oħra tad-dinja,*Biex neqirdu l-art kollha.
6 Ibku għax il-jum li jien Ġeħova għażilt hu qrib!
Dakinhar, jien, Dak li Nistaʼ Kollox, se nġib qerda.
7 Huwa għalhekk li kulħadd se jibżaʼU jdejhom se jiddgħajfu.
8 In-nies qed jippanikjaw.
Qed jiġihom uġigħ f’daqqa u jaqbadhom uġigħ tal-ħlas,Bħal mara li qed twelled.
Huma jħarsu lejn xulxin bil-biżaʼ,U wiċċhom juri kemm qed ibatu.
9 Il-jum li jien Ġeħova għażilt ġejB’korla u rabja kbira.
Din il-ġurnata mhu se turi ħniena maʼ ħadd,Biex tagħmel l-art ħerba u biex teqred lill-midinbin* li hemm fiha.
10 Għax l-istilel u l-gruppi tal-istilel*Mhux se jitfgħu dawl;Meta titlaʼ x-xemx se jkun hemm id-dlam,U l-qamar mhux se jitfaʼ d-dawl tiegħu.
11 Jien se nitlob kont min-nies tal-art għall-ħażen li għamluU kont minn dawk mill-agħar għad-dnubiet li għamlu.
Se nġib fix-xejn il-kburija tal-prużuntużi,U se numilja lill-mexxejja kattivi li huma kburin.
12 Jien se nagħmel lil sempliċi bniedem rari iktar mid-deheb irfinut,U l-bnedmin rari iktar mid-deheb t’Ofir.
13 Jien, Ġeħova tal-armati, se nriegħed is-sema,U dakinhar li nkun irrabjat ħafna,Nheżżeż l-art minn postha.
14 Bħalma ċerva taħrab tiġri mill-kaċċatur u bħal merħla mingħajr ragħaj,Kull wieħed se jmur lura għand in-nies tiegħu;Kull wieħed se jaħrab lejn il-pajjiż tiegħu.
15 Kull min jinstab se jiġi minfud b’arma,U kull min jinqabad se jiġi maqtul b’xabla.
16 It-tfal tagħhom se jqattgħuhom biċċiet quddiem għajnejhom,Se jisirqulhom djarhom,U se jistupraw lin-nisa tagħhom.
17 Kontrihom se nibgħat il-Medin,Li l-fidda mhi xejn għalihomU bid-deheb ma jifirħux.
18 Il-qaws tagħhom se jfarrak lill-irġiel żgħażagħ;Huma la se jitħassru t-trabiU lanqas it-tfal.
19 U Babilonja, l-iktar glorjuża mis-saltniet,Il-belt sabiħa li tagħmel lill-Kaldin kburin,Se jiġrilha bħal meta Alla qered lil Sodoma u Gomorra.
20 Mhux se jkun hemm iktar nies jgħixu fiha,Il-ġenerazzjoni tal-futur mhux se jgħixu hemm.
L-ebda Għarbi mhu se jarma t-tinda tiegħu hemm,U l-ebda ragħaj mhu se jħalli l-imrieħel tiegħu jistrieħu hemm.
21 L-annimali tad-deżert se jistrieħu hemm;Id-djar tagħhom se jkunu mimlijin bil-kokk imperjali.
Hemmhekk se jgħixu n-ngħam,*U l-mogħoż slavaġ* se jaqbżu ’l hemm u ’l hawn.
22 Annimali slavaġ se jgħajtu fit-torrijiet tagħhaU l-klieb slavaġ se jgħajtu fil-palazzi lussużi tagħha.
Iż-żmien tal-kastig tagħha hu qrib, u mhux se jdum.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “lill-qaddisin tiegħi.”
^ Letteralment “Minn tarf is-sema.”
^ Jew “lin-nies li jagħmlu d-dnub.”
^ Jew “il-kostellazzjonijiet taʼ Kesil.” Dan jistaʼ jirreferi għall-kostellazzjoni Orjun u oħrajn tal-madwar.
^ Jiġifieri ostriches.
^ Jew forsi “d-demonji li qishom mogħoż.”

