Isaija 39:1-8

  • Messaġġiera minn Babilonja (1-8)

39  Dak iż-żmien ir-re taʼ Babilonja, Merodak-baladan bin Baladan, bagħat xi ittri u rigal lil Ħeżekija għax kien semaʼ li kien marad. 2  Ħeżekija laqaʼ mill-qalb lill-messaġġiera* u wriehom it-teżori tiegħu: il-fidda, id-deheb, iż-żejt tal-balzmu u żejt prezzjuż ieħor, l-armi kollha, u kulma kien hemm. Hu wriehom kulma kellu fil-palazz u fis-saltna kollha tiegħu. 3  Imbagħad il-profeta Isaija mar għand ir-Re Ħeżekija u staqsieh: “X’qalu dawn l-irġiel u minn fejn ġew?” U Ħeżekija qallu: “Ġew mill-bogħod, minn Babilonja.” 4  Wara staqsieh: “X’raw fil-palazz tiegħek?” Ħeżekija wieġbu: “Kollox raw. Ma kien hemm xejn li ma wrejthomx mill-post fejn jinżammu t-teżori.” 5  Imbagħad Isaija qal lil Ħeżekija: “Ismaʼ dak li jgħid Ġeħova tal-armati, 6  ‘Għad jiġi ż-żmien li kulma hemm fil-palazz tiegħek u kulma ħażnu missirijietek sal-lum se jinġarr lejn Babilonja. Xejn ma jitħalla,ʼ jgħid Ġeħova. 7  ‘U xi tfal li se jkollok jittieħdu u jsiru uffiċjali tal-palazz tar-re taʼ Babilonja.’” 8  Għal dan Ħeżekija qal lil Isaija: “Dak li qal Ġeħova permezz tiegħek hu tajjeb.” Imbagħad żied: “Għax se jkun hemm il-paċi u s-sigurtà* fi żmieni.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “feraħ bihom.”
Jew “il-verità.”