Isaija 59:1-21

  • Id-dnubiet tal-Iżraelin jbegħduhom minn Alla (1-8)

  • Jammettu d-dnubiet tagħhom (9-15a)

  • Ġeħova jaqbeż għal dawk li jindmu (15b-21)

59  Id Ġeħova mhix qasira wisq biex issalva,U widintu mhix magħluqa* biex tismaʼ.  2  Le, imma kienu l-iżbalji tagħkom li sseparawkom mill-Alla tagħkom. Id-dnubiet tagħkom ġegħluh jaħbi wiċċu minnkom,U hu jirrifjuta li jismagħkom.  3  Għax idejkom huma mċappsin bid-demm,U s-swabaʼ tagħkom huma maħmuġin bid-dnubiet li għamiltu. Intom tgħidu l-gideb, u titkellmu dwar dak li hu ħażin.  4  Ħadd ma jiftaħ kawża għall-ġustizzja,Ħadd ma jmur il-qorti u jgħid il-verità. Huma jafdaw f’xi ħaġa li mhux vera u jitkellmu bla sens. Jippjanaw dak li hu ħażin u jagħmlu l-ħsara.  5  Huma jfaqqsu l-bajd taʼ serp velenuż. Kull min jiekol il-bajd tagħhom imut, U mill-bajda li titkisser joħroġ serp velenuż. Huma jinsġu l-għanqbuta taʼ brimba biex jagħmlu d-drapp.  6  Imma mhux se jkollhom biżżejjed biex jagħmlu libsa,U lanqas biex jitgħattew. Dak li jagħmlu jġib il-ħsara,U huma vjolenti.  7  Huma jiġru biex jagħmlu l-ħażen,U jgħaġġlu biex joqtlu nies innoċenti. Huma moħħhom biex jagħmlu l-ħażin;Kulma jagħmlu jġib diżastru u dwejjaq.  8  Huma ma jafux kif iżommu l-paċi m’oħrajn,Ma jagħmlu xejn li hu ġust. Huma jgħawġu triqathom;U kull min jimxi fihom mhux se jkollu l-paċi.  9  Għalhekk il-ġustizzja hi ’l bogħod minna,U s-sewwa ma tilħaqniex. Aħna nibqgħu nittamaw għad-dawl, imma hemm id-dlam;Nittamaw għad-dija, imma nibqgħu mexjin fis-swidija. 10  Bħall-għomja, nibqgħu mmissu l-ħajt biex nimxu;Nibqgħu nagħmlu hekk bħal dawk li m’għandhomx għajnejn. Aħna nitfixklu f’nofsinhar bħallikieku fid-dlam taʼ filgħaxija;Fost dawk b’saħħithom qisna mejtin. 11  Aħna nibqgħu ngergru bħall-orsijietU ngemgmu bi swied taʼ qalb bħall-ħamiem. Qed nittamaw li jkollna ġustizzja, imma m’hemmx;Qed nittamaw li niġu salvati, imma m’aħniex. 12  Għax aħna rribellajna ħafna quddiemek;Kull dnub li għamilna juri li aħna ħatja. Aħna konxji ħafna taʼ kemm irribellajna u kemm żbaljajna. 13  Aħna dnibna kontra Ġeħova u rrifjutajnieh;Injorajna lill-Alla tagħna. Aħna bdejna nitkellmu dwar il-moħqrija u r-ribelljoni;Naħsbu dwar il-gideb li nistgħu ngħidu u mbagħad ngħiduh. 14  In-nies jirrifjutaw li jagħmlu l-ġustizzja. Ħadd mhu ġust. Fil-pjazza ħadd ma jgħid il-verità,*U l-wieħed ġust ma jistax jidħol hemm. 15  M’hemm ħadd li qed jgħid il-verità,*U kull min jieqaf jagħmel il-ħażen jiġi misruq. Ġeħova ra dan u ma ħax pjaċir,*Għax ma kienx hemm ġustizzja. 16  Hu ra li ma kien hemm ħadd biex jgħin,U baqaʼ ċċassat li ma kien hemm ħadd jaqbeż għalihom. Allura rebaħ bis-saħħa tiegħu,U għen lilu nnifsu bil-ġustizzja tiegħu stess. 17  Imbagħad libes il-ġustizzja bħalma jilbes il-kurazza,U l-elmu tas-salvazzjoni* f’rasu. Hu libes il-ħwejjeġ tal-vendetta bħal meta jilbes il-ħwejjeġ tiegħu. Hu geżwer lilu nnifsu biż-żelu bħalma jagħmel b’libsa.* 18  Hu se jpattihielhom skont dak li għamlu: Se jirrabja maʼ dawk li jiħduha kontra tiegħu, se jikkastiga lill-għedewwa tiegħu, U lin-nies tal-gżejjer se jagħtihom dak li ħaqqhom. 19  Dawk mill-Punent se jibżgħu mill-isem taʼ ĠeħovaU dawk mil-Lvant se jibżgħu mill-glorja tiegħu,Għax Ġeħova se jiġi bħal kurrent qawwi taʼ xmaraLi jimbottah l-ispirtu tiegħu. 20  Ġeħova jgħid: “Dak li Jixtri Lura ġej Sijon,Għal dawk li jiġu minn Ġakobb u li waqfu jagħmlu l-ħażen.” 21  Ġeħova jgħid: “Dan hu l-patt tiegħi magħhom.” Ġeħova jgħid: “Jien tajtkom l-ispirtu u għedtilkom x’għandkom tgħidu. Jien se nagħmel hekk magħkom, mat-tfal tagħkom, u mat-tfal tat-tfal tagħkom,* minn issa u għal dejjem.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “tqila.”
Jew “mhu onest.”
Jew “li hu onest.”
Letteralment “u kien ħażin f’għajnejh.”
Jew “tar-rebħa.”
Jew “b’libsa bla kmiem.”
Jew “Dawn mhux se jitneħħew minn ħalqkom, minn ħalq it-tfal tagħkom, jew minn ħalq it-tfal tat-tfal tagħkom.”