Isaija 10:1-34
10 Ħażin għal dawk li jagħmlu regoli li jagħmlu l-ħsara,Li l-ħin kollu jiktbu liġijiet li jġibu t-tbatija,
2 Li ma jħallux lill-foqra jiftħu kawża legali,Li jċaħħdu l-ġustizzja lill-batuti fost in-nies tiegħi,Li jieħdu l-affarijiet tan-nisa romol,U li jisirqu lill-orfni!*
3 X’se tagħmlu f’jum il-ġudizzju,*Meta tiġi l-qerda mill-bogħod?
Għand min se taħarbu biex jgħinkom,U fejn se tħalluh il-ġid* tagħkom?
4 Mhu se jifdal xejn ħlief li tinżlu għarkopptejkom qalb il-priġunieriJew li tkunu fost dawk maqtula.
Minħabba li intom ribellużi, hu għadu rrabjat magħkomU qed juża l-qawwa tiegħu biex jikkastigakom.
5 “Ħarsu lejn l-Assirjan!*Hu l-bastun biex nuri r-rabja tiegħi,U qed nuża l-ħatar li għandu f’idu biex nuri l-ġudizzju tiegħi!
6 Se nibagħtu kontra poplu apostat,Kontra nies li rrabjawni;Se nikkmandah biex jisraq u jieħu kemm jiflaħU biex jgħaffeġ fuqhom bħat-tajn tat-toroq.
7 Imma din mhux se tkun l-intenzjoni tiegħuU f’qalbu se jkollu ħsieb ieħor;Għax hu jrid iġib fix-xejnU jeqred ħafna popli u mhux ftit.
8 Għax hu jgħid,‘Il-mexxejja tiegħi mhux kollha rejiet?
9 Kalno mhijiex bħal Karkemis?
Ħamat mhijiex bħal Arfad?
Is-Samarija mhijiex bħal Damasku?
10 Jien ħtaft saltniet li kienu jqimu allat li ma jiswew għal xejn,Li għandhom ħafna iżjed statwi minquxin minn Ġerusalemm u s-Samarija.
11 Bħalma għamilt lis-Samarija u l-allat tagħha li ma jiswew għal xejn,Hekk se nagħmel lil Ġerusalemm u l-idoli tagħha.’
12 “Meta jien, Ġeħova, inlesti x-xogħol tiegħi fuq il-Muntanja Sijon u f’Ġerusalemm, se nikkastiga lir-re tal-Assirja, għax hu kburi, supperv, u arroganti.
13 Għax hu qal,‘Se nagħmel dan bis-saħħa tiegħiU bl-għerf tiegħi, għax jien għaref.
Se nneħħi l-fruntieri tan-nies,Nisraq it-teżori tagħhom,U nirbaħ lin-nies bħal wieħed b’saħħtu.
14 Bħalma bniedem idaħħal idu f’bejta,Jien se naħtaf il-ġid tal-popli b’idi;U bħalma xi ħadd jiġbor il-bajd li jkun tħalla,Jien se niġbor kulma hemm fuq l-art!
In-nies kollha se jkunu bħal għasafar li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom.’”
15 Tistaʼ l-mannara tiftaħar li hi aqwa minn dak li jaqtaʼ biha?
Jistaʼ s-serrieq jiftaħar li hu aqwa minn dak li jaqtaʼ bih?
Jistaʼ l-ħatar iċaqlaq lil min jgħollih?
Jew jistaʼ l-bastun jgħolli lil min iżommu?*
16 Għalhekk, il-Mulej il-veru, Ġeħova tal-armati,Se jġib lill-ħoxnin tiegħu* għadma u ġilda,U se jneħħilu l-glorja.
Din se tkun bħallikieku nħarqet għalkollox.
17 Id-Dawl t’Iżrael se jsir nar,U l-Qaddis tiegħu fjamma;In-nar se jaħraq u jiblaʼ l-ħaxix ħażin u l-għollieq tal-Assirjan f’jum wieħed.
18 Hu se jneħħi għalkollox is-sbuħija tal-foresta u tal-ġnien tas-siġar tal-frott tiegħu;Dan se jkun bħal meta xi ħadd ikun marid u saħħtu tmur lura.
19 Tant se jifdal ftit siġar fil-foresta tiegħuLi anki tifel se jkun jistaʼ jgħoddhom.
20 Dakinhar, dawk li jifdal minn IżraelU dawk li jibqgħu ħajjin mid-dar taʼ ĠakobbMhux se jibqgħu jiddependu minn dak li jattakkahom;Imma huma se jiddependu b’qalbhom kollhaMinn Ġeħova, il-Qaddis t’Iżrael.
21 Ftit biss, il-fdal taʼ Ġakobb,Se jmorru lura lejn l-Alla b’Saħħtu.
22 Iżrael, għalkemm int popluDaqs ir-ramel tal-baħar,Ftit biss se tiġu lura.
Ġie deċiż li se tinqerdu,U l-ġustizzja* se tiġi fuqkom bħal dulluvju.
23 Iva, il-qerda li ddeċieda jagħmel is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati,Se ssir fuq il-pajjiż kollu.
24 Għalhekk, is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati, jgħid: “Poplu tiegħi li tgħix f’Sijon, tibżax minħabba l-Assirjan,* li kien isawtek bil-bastun u jgħolli l-ħatar kontrik bħalma kien jagħmel l-Eġittu.
25 Għax dalwaqt il-ġudizzju se jispiċċa; jien se nirrabja kontra l-Assirjani biex neqridhom.
26 Jien, Ġeħova tal-armati, se nsawwathom bil-frosta bħal meta għelibt lil Midjan ħdejn il-blata t’Għoreb. U jien se ngħolli l-bastun tiegħi fuq il-baħar, bħalma għamilt mal-Eġittu.
27 Dakinhar mhux se jibqaʼ jkollkom it-tagħbija tagħhom fuq spallitkom,U l-madmad tagħhom mhux se jibqaʼ fuq għonqkom,U l-madmad tagħhom se jitkisser minħabba ż-żejt.”*
28 Huma waslu f’Għajjat;Għaddew minn Migron;Huma ħallew l-affarijiet tagħhom f’Mikmax;
29 Huma għaddew mill-ilma baxx;Qattgħu l-lejl f’Geba;In-nies taʼ Rama qed jirtogħdu, u dawk f’Gibegħa taʼ Sawl ħarbu.
30 Ibku u werżqu nies taʼ Gallim!
Oqogħdu attenti, nies taʼ Lajsa!
Imsieken intom, nies t’Għanatot!
31 In-nies taʼ Madmena ħarbu.
Dawk taʼ Gebim marru jfittxu post taʼ protezzjoni.
32 Illum stess, se jieqfu f’Nob.
Se jxejru l-ponn tagħhom lejn il-muntanja tal-belt taʼ Sijon,L-għolja taʼ Ġerusalemm.
33 U l-Mulej il-veru, Ġeħova tal-armati,Qed iqaċċat il-friegħi tas-siġar, li meta jaqgħu jagħmlu ħoss kbir u tal-biżaʼ;L-iktar siġar twal qed jiġu mqaċċtin,U dawk għoljin se jitbaxxew.
34 Hu se jqaċċat is-siġar żgħar tal-foresta bil-mannara,U wieħed b’saħħtu se jeqred il-Libanu.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “lit-tfal bla missier.”
^ Jew “il-kastig.”
^ Jew “il-glorja.”
^ Dan jirreferi għall-poplu Assirjan irrappreżentat mir-re u l-armata tiegħu.
^ Letteralment “lil min mhux tal-injam?”
^ Jiġifieri tal-Assirjan.
^ Jew “il-kastig.”
^ Jew “il-Mulej Sovran.”
^ Dan jirreferi għall-poplu Assirjan irrappreżentat mir-re u l-armata tiegħu.
^ Jistaʼ jirreferi għaż-żejt li bih kienu jiġu magħżulin ir-rejiet t’Iżrael jew għaż-żejt li ntuża għat-torċi mit-300 raġel taʼ Gidegħon.

