Isaija 24:1-23

  • Ġeħova se jbattal l-art (1-23)

    • Ġeħova Re f’Sijon (23)

24  Ġeħova qed ineħħi lil kulħadd minn fuq l-art* u jagħmilha ħerba. Qed jaqlibha taʼ taħt fuq u jxerred lin-nies tagħha.  2  Se jkun l-istess għal kulħadd: In-nies bħall-qassis,Il-qaddej bħal sidu,Il-qaddejja bħas-sinjura tagħha,Il-bejjiegħ bħal min jixtri,Min isellef bħal min jissellef,U min għandu jagħti bħal min għandu jieħu.  3  L-art se tkun vojta għalkollox. Se jinħataf kulma hemm fiha,Għax Ġeħova qalu dan.  4  L-art qed titnikket;* qed tispiċċa. L-art m’għadhiex tipproduċi; qed issir ħerba. In-nies importanti tal-art iddgħajfu.  5  L-art tniġġset min-nies tagħha,Għax huma injoraw il-liġijiet,Bidlu r-regoli,U kisru l-patt li kellu jibqaʼ għal dejjem.*  6  Hu għalhekk li s-saħta qed teqred l-art,U dawk li jgħixu fiha huma ħatjin. Hu għalhekk li n-nies tal-art naqsu,U baqaʼ biss ftit.  7  L-inbid ġdid u d-dielja nixfu,U dawk ferħanin f’qalbhom qed jibku.  8  Waqaf il-ħoss ferrieħi tat-tanburlin,Anki l-istorbju taʼ dawk li jixxalaw,U l-ħoss ferrieħi tal-arpa.  9  Huma jixorbu l-inbid imma ma jkantawx,U l-alkoħol itegħmuh morr. 10  Il-belt abbandunata hi mkissra. U kull dar hi magħluqa ħalli ħadd ma jidħol. 11  Huma qed jibku fit-toroq għax m’hemmx inbid. Il-ferħ kollu sparixxa;M’għadx hemm ferħ fil-pajjiż. 12  Il-belt tħalliet ħerba;U bieb il-belt ġie mkisser għalkollox. 13  Għax hekk se jsir il-poplu tiegħi fl-art, fost in-nies tal-ġnus: Bħal dak li jifdal f’siġra taż-żebbuġ wara li tiġi mfarfra,U bħal ftit għeneb li jifdal wara li jinqataʼ. 14  Dawk li jifdal se jgħollu leħinhom,Se jgħajtu bil-ferħ. Mill-baħar* dawn se jxandru dwar il-glorja taʼ Ġeħova. 15  Għalhekk, se jfaħħru lil Ġeħova fil-Lvant. Huma se jfaħħru l-isem taʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael fil-gżejjer. 16  Mit-tarf tal-art smajna l-kant: “Ħa tingħata glorja lill-Alla l-Ġust!” Imma jien ngħid: “Miskin jien, miskin jien! Jaħasra għalija! In-nies jittradixxu u jqarrqu b’oħrajn;Iva, huma jkomplu jittradixxu u jqarrqu bihom.” 17  Nies tal-art, hemm lesti għalikom biżaʼ, ħofor, u nases. 18  Kull min jipprova jaħrab mill-ħoss tal-biżaʼ se jaqaʼ fil-ħofra,U min jitlaʼ mill-ħofra se jinqabad fin-nassa. Għax il-bibien tas-sema se jinfetħu,U l-art se titheżżeż. 19  L-art inqasmet;L-art theżżet;L-art iċċaqalqet ħafna. 20  L-art tixxengel bħal raġel fis-sakra,U tiċċaqlaq ’l hemm u ’l hawn bħal tinda fir-riħ. Id-dnubiet tan-nies tagħha tant huma tqal,Li se jwaqqgħuha u ma terġax tqum. 21  Dakinhar Ġeħova se jiġġudika l-armata tas-semaU r-rejiet tal-art. 22  Huma se jiġu miġburinBħal ħabsin f’ħofra,U se jinqaflu f’ħabs taħt l-art. Wara ħafna żmien huma se jiġu ġġudikati. 23  Ġeħova tal-armati sar Re fuq il-Muntanja Sijon u f’Ġerusalemm. Hu tant se jmexxi bi glorja quddiem l-anzjani tan-nies tiegħu*Li l-qamar kwinta se jidher imdallamU x-xemx se tidher imċajpra meta mqabblin miegħu.

Noti taʼ taħt

Milli jidher tirreferi għal Ġuda u Ġerusalemm.
Jew forsi “tinxef.”
Jew “il-patt tal-qedem.”
Jew “Mill-Punent.”
Letteralment “quddiem l-anzjani tiegħu.”