Isaija 54:1-17

  • Sijon li ma setax ikollha tfal, ikollha ħafna tfal (1-17)

    • Ġeħova hu r-raġel taʼ Sijon (5)

    • It-tfal taʼ Sijon se jiġu mgħallmin minn Ġeħova (13)

    • L-armi kontra Sijon mhux se jirnexxu (17)

54  “Għajjat bil-ferħ, mara li ma jistax ikollok tfal! Ifraħ u ibki bil-ferħ, int li qatt ma kellek l-uġigħ tal-ħlas,Għax dik li hi abbandunata għandha ħafna iktar tfalMill-mara li għandha raġel,”* jgħid Ġeħova.  2  “Kabbar it-tinda tiegħek biex ikollok iktar spazju. Ġebbed il-biċċiet tad-drapp tat-tabernaklu kbir tiegħek. Iżżommx lura, tawwal il-ħbula tat-tinda tiegħek,U saħħaħ l-imsiemer tagħha.  3  Għax int se tinfirex lejn il-lemin u lejn ix-xellug. Dawk li se jiġu minnek se jmexxu lill-popliU jgħixu fil-bliet abbandunati.  4  Tibżax, għax mhux se jkollok għal xiex tistħi;Tħossokx umiljata, għax mhux se tiġi ddiżappuntata. Għax se tinsa l-mistħija taʼ meta kont żgħira,U mhux se tiftakar iżjed id-diżunur taʼ meta kont armla.”  5  “Għax il-Ħallieq Grandjuż qisu r-raġel tiegħek,*Ismu hu Ġeħova tal-armati,U l-Qaddis t’Iżrael hu Dak li Jixtrik Lura. Hu se jissejjaħ l-Alla tal-art kollha.  6  Meta Ġeħova għajjatlek, int kont bħal mara abbandunata u mdejqa ħafna,*Bħal mara li żżewġet meta kienet żgħira u mbagħad ġiet imwarrba,” jgħid l-Alla tiegħek.  7  “Abbandunajtek għal ftit biss,Imma se nġibek lura bi ħniena kbira.  8  Jien irrabjajt ħafna u ħbejt wiċċi minnek għal ftit,Imma se nħenn għalik bi mħabba u lealtà* li jibqgħu għal dejjem,” jgħid Ġeħova, Dak li Jixtrik Lura.  9  “Għalija, dan hu bħal żmien Noè. Bħalma ħlift li l-ilmijiet taʼ Noè mhux se jiksu iżjed l-art,Naħlef li ma nkunx irrabjat iżjed miegħek jew nikkastigak. 10  Il-muntanji jistgħu jitneħħewU l-għoljiet jistgħu jitriegħdu,Imma l-imħabba u l-lealtà li nurik ma jitneħħewx minnek,U lanqas il-patt taʼ paċi tiegħi mhu se jitriegħed,” jgħid Ġeħova, il-Wieħed li jurik ħniena. 11  “Mara li qed tbati minħabba t-tempesti u li m’intix imfarrġa,Jien qed inqiegħed il-ġebel tiegħek b’tajn b’saħħtuU l-pedament tiegħek biż-żaffir. 12  Jien se nagħmel is-swar tiegħek tar-rubini,Il-bibien tiegħek tal-ħaġar ileqq,*U l-fruntieri tiegħek tal-ħaġar prezzjuż. 13  It-tfal kollha tiegħek se jiġu mgħallmin minn Ġeħova,U huma se jkollhom ħafna paċi. 14  Int se tkun b’saħħtek għax tagħmel dak li hu ġust. Ħadd mhu se jaħqrek,Mhu se tibżaʼ minn xejn u ma jkollokx għal xiex titwerwer,Għax mhu se jersaq lejk xejn tal-biżaʼ. 15  Jekk xi ħadd jattakkak,Dan ma jkunx għax ikkmandajtu jien. Kull min jiġi biex jattakkak se jitlef.” 16  “Jien stess ħlaqt il-ħaddiem tas-sengħaLi jonfoħ fuq in-nar tal-faħam u jagħmel arma. Jien stess ħlaqt ukoll il-wieħed li juża l-armi biex jeqred. 17  Għalhekk, ebda arma li ssir biex tagħmillek il-ħsara mhu se tirnexxi,U int se tikkundanna lil kull min jakkużak. Dan hu l-wirt li jien, Ġeħova, qed nagħti lill-qaddejja tiegħi. Jien inqishom ġusti,” jgħid Ġeħova.

Noti taʼ taħt

Jew “sid.”
Jew “sidek.”
Letteralment “bi spirtu mweġġaʼ.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “tal-ħaġar kulur in-nar.”