Isaija 7:1-25

  • Messaġġ lir-Re Aħaż (1-9)

    • Segħar-ġasub (3)

  • Is-sinjal taʼ Emmanuwel (10-17)

  • Il-konsegwenzi taʼ nuqqas taʼ lealtà (18-25)

7  Fi żmien Aħaż, bin Ġotam, bin Użżija, ir-re taʼ Ġuda, telgħu biex jiggwerraw kontra Ġerusalemm ir-Re Resin tas-Sirja u Pekaħ bin Remalija r-re t’Iżrael, imma huma* ma setgħux jirbħuha. 2  Lid-dar taʼ David waslitilha l-aħbar li s-Sirja ngħaqdet m’Efrajm biex tiġġieled kontrihom. Aħaż u l-poplu tiegħu bdew jibżgħu u jirtogħdu bħal siġar tal-foresta fir-riħ. 3  Imbagħad Ġeħova qalli: “Isaija, jekk jogħġbok, ħu lit-tifel tiegħek Segħar-ġasub* u mur iltaqaʼ m’Aħaż f’tarf il-kanal tal-għadira taʼ fuq, li qiegħed fit-triq prinċipali li tagħti għall-għalqa tal-ħassiel. 4  Int għandek tgħidlu, ‘Ibqaʼ kalm. Tibżax u taqtax qalbek minħabba r-rabja kbira tar-Re Resin tas-Sirja u bin Remalija, għax dawn huma bħal żewġt izkuk li qed jaqbdu. 5  Għax is-Sirja, Efrajm, u bin Remalija ppjanaw li jagħmlulek il-ħsara billi qalu: 6  “Ejja nitilgħu kontra Ġuda, inwaqqgħuh,* nirbħuh,* u nagħmlu lit-tifel taʼ Tabel ir-re tiegħu.”  7  “‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid: “Dan mhux se jirnexxi,U lanqas se jiġri.  8  Għax il-belt kapitali tas-Sirja hi Damasku,U r-re taʼ Damasku hu Resin. Fi żmien 65 sena,Efrajm se jiġi mfarrak għalkollox u ma jibqax poplu.  9  Il-belt kapitali t’Efrajm hi s-Samarija,U r-re tas-Samarija hu t-tifel ta’ Remalija. Jekk ma jkollkomx fidi soda,Mhux se tkunu fis-sigurtà.”’” 10  Ġeħova kompla jgħid lil Aħaż: 11  “Itlob lili, Ġeħova l-Alla tiegħek, biex nagħtik sinjal li dawn l-affarijiet vera se jiġru. Anki jekk dan is-sinjal ikun fond daqs il-Qabar* jew għoli daqs is-sema, jien se nagħtihulek.” 12  Imma Aħaż qal: “Mhu se nitlob xejn, u lanqas mhu se nittestja lil Ġeħova.” 13  Imbagħad Isaija qal: “Jekk jogħġobkom, isimgħu dar taʼ David. Mhux biżżejjed li qed iddejqu lin-nies, għandkom iddejqu lil Alla wkoll? 14  Għalhekk, Ġeħova se jagħtikom sinjal: It-tfajla se toħroġ tqila, twelled tifel, u ssemmih Emmanuwel.* 15  Qabel ma jkun jaf kif jirrifjuta dak li hu ħażin u jagħżel dak li hu tajjeb, hu se jiekol butir u għasel biss. 16  Għax qabel ma t-tifel ikun jaf kif jirrifjuta dak li hu ħażin u jagħżel dak li hu tajjeb, l-art taż-żewġ rejiet li int tibżaʼ minnhom se tkun abbandunata għalkollox. 17  Ġeħova se jħalli lilek, il-poplu tiegħek, u d-dar taʼ missierek tgħixu fi żmien diffiċli li qatt ma kien hawn bħalu minn meta Efrajm infired minn maʼ Ġuda, għax Hu se jibgħat lir-re tal-Assirja biex jattakkakom. 18  “Dakinhar, Ġeħova se jsaffar biex jiġi d-dubbien mill-kanali ’l bogħod tan-Nil tal-Eġittu u n-naħal mill-art tal-Assirja, 19  u dawn se jiġu kollha u joqogħdu fil-widien fondi, fix-xquq tal-blat, fuq l-għollieq kollha, u l-postijiet kollha fejn hemm l-ilma. 20  “Dakinhar, Ġeħova se juża l-mus li kera Aħaż mir-reġjun tax-Xmara,* jiġifieri lir-re tal-Assirja, biex iqaxxrilkom raskom, is-suf taʼ saqajkom, u d-daqna wkoll. 21  “Dakinhar, persuna se żżomm ħajjin waħda mill-baqar żgħar tagħha u żewġ nagħġiet. 22  U peress li jkun hemm ħafna ħalib, din se tiekol il-butir, għax kull min jifdal fil-pajjiż se jiekol butir u għasel. 23  “Dakinhar, kull fejn kien hemm 1,000 dielja li jiswew 1,000 biċċa tal-fidda, se jkun hemm għollieq u ħaxix ħażin biss. 24  Kull min imur hemm ikun armat bil-qaws u l-vleġeġ, għax il-pajjiż kollu se jkun mimli għollieq u ħaxix ħażin. 25  Int mhux se tersaq viċin il-muntanji kollha li kienu jitnaddfu bl-imgħażqa, għax tibżaʼ mill-għollieq u l-ħaxix ħażin; dawn se jsiru post fejn imorru jieklu l-barrin u jgħaffġu fuqu n-nagħaġ.”

Noti taʼ taħt

Jew forsi “hu.”
Ifisser “Ftit biss se jerġgħu lura.”
Jew forsi “nwerwruh.”
Jew “nagħmlu fetħa fis-swar tiegħu.”
Jew “Il-Mulej Sovran Ġeħova.”
Jew “Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Ifisser “Alla Hu Magħna.”
Jiġifieri l-Ewfrat.