Isaija 44:1-28

  • Il-poplu magħżul t’Alla jiġi mbierek (1-5)

  • M’hemmx Alla ħlief Ġeħova (6-8)

  • Hu bla sens li l-bniedem jagħmel l-idoli (9-20)

  • Ġeħova hu Dak li Jixtri Lura lil Iżrael (21-23)

  • Jerġgħu lura pajjiżhom permezz taʼ Ċiru (24-28)

44  “Ismaʼ, Ġakobb il-qaddej tiegħi,U Iżrael li jien għażilt.  2  Ġeħova, il-Ħallieq tiegħek u Dak li għamlek,Li għenek minn mindu kont f’żaqq ommok,* jgħid: ‘Tibżax, Ġakobb il-qaddej tiegħi,Ġesurun* li jien għażilt.  3  Għax jien se nitfaʼ l-ilma fuq l-art bil-għatx,U n-nixxigħat tal-ilma fuq art niexfa. Jien se nagħti l-ispirtu tiegħi lit-tfal tiegħek,U l-barka tiegħi lid-dixxendenti tiegħek.  4  Huma se jinbtu bħall-ħaxix,Bħas-siġar tal-luq ħdejn nixxigħat tal-ilma.  5  Wieħed se jgħid: “Jien taʼ Ġeħova.” Ieħor se jsejjaħ lilu nnifsu Ġakobb,U jerġaʼ ieħor se jikteb fuq idu: “Jien taʼ Ġeħova.” U jieħu isem Iżrael.’  6  Ġeħova, ir-Re t’IżraelU Dak li Jixtrih Lura, Ġeħova tal-armati jgħid: ‘Jien l-ewwel u l-aħħar, M’hemmx Alla ħliefi.  7  Jekk hemm xi ħadd bħali, Ħa jitkellem, jgħidli, u jagħtini prova! Hemm xi ħadd minn dakinhar li jien għażilt il-poplu taʼ żmien twil ilu,Li jistaʼ jgħid l-affarijiet li se jiġru daqtU li għad iridu jiġru?  8  TitwerwruxU tħallux il-biżaʼ twaqqafkom milli taġixxu. Jien għedt minn qabel u informajt dwar dan lil kull wieħed minnkom. Intom ix-xhieda tiegħi. Hemm Alla ieħor ħliefi? Le, m’hemmx Blata oħra li naf biha.’”  9  Dawk kollha li jagħmlu l-istatwi minquxin mhuma xejn,U l-affarijiet li tant jgħożżu mhux se jkunu taʼ benefiċċju. Bħala xhieda tagħhom, dawn* ma jarawx u ma jafu xejn. Għalhekk, dawk li jagħmluhom se jiġu mġiegħla jistħu. 10  Min se jifforma alla jew jagħmel statwa tal-metall*Li mhix taʼ benefiċċju? 11  Dawk li jagħmluha miegħu se jiġu mġiegħla jistħu. Il-ħaddiema tas-sengħa huma sempliċi bnedmin. Ħa jinġabru flimkien u jieħdu posthom. Huma se jiġu mwerwrin u mġiegħla jistħu flimkien. 12  Il-ħaddied jaħdem il-ħadid fuq il-ġamar bl-għodda tiegħu. Hu jifformah bl-imrietel,U jaħdmu bis-saħħa t’idu. Imbagħad jaqbdu l-ġuħ u jiġi bla saħħa;Hu ma jixrobx ilma, u għalhekk jegħja. 13  Dak li jonqox l-injam jiftaħ il-ħabel tal-kejl u jimmarka l-forma bil-ġibs aħmar. Hu jaħdimha bil-furmatur u jimmarkaha bil-kumpass. Jagħmilha fil-forma sabiħa taʼ bniedemBiex ipoġġiha f’dar.* 14  Hemm wieħed li xogħlu hu li jaqtaʼ s-siġar taċ-ċedri. Hu jagħżel ċertu tip taʼ siġra, is-siġra tal-ballut,U jieħu ħsiebha biex tikber b’saħħitha fost is-siġar tal-foresta. Hu jħawwel siġra tar-rand, u tkabbarha x-xita. 15  Imbagħad titqattaʼ biċċiet biex il-bniedem iqabbad in-nar. Ftit minnha jużah biex isaħħan lilu nnifsu;Jagħmel nar u jaħmi l-ħobż. Imma minnha jagħmel ukoll alla, u jqimu. Hu jagħmilha statwa minquxa, u jinżel għarkupptejh quddiemha. 16  Nofsha jaħraqha fin-nar;B’dan in-nofs hu jixwi l-laħam li jiekol, u jkun sodisfatt. Ukoll isaħħan lilu nnifsu permezz tan-nar u jgħid: “X’naqra nar għandi biex isaħħanni!” 17  Imma l-bqija taz-zokk jagħmlu alla, statwa minquxa. Hu jinżel għarkupptejh quddiemha u jqimha. Jitlob lilha u jgħid: “Salvani, għax int l-alla tiegħi.” 18  Dawn in-nies ma jafu xejn u ma jifhmux,Għax għajnejhom magħluqin u ma jistgħux jaraw,U l-kundizzjoni taʼ qalbhom ma tħallihomx jifhmu. 19  Ħadd ma joqgħod jaħsebJew għandu l-għarfien jew l-abbiltà li jifhem biex jgħid: “Nofs iz-zokk ħraqtu fin-nar,U fuq il-ġamar tiegħu ħmejt il-ħobż u xwejt il-laħam biex niekol. Allura, għandi nagħmel il-bqija tiegħu f’xi ħaġa moqżieża? Għandi nqim biċċa njama minn siġra?” 20  Hu bħal xi ħadd li qed jiekol l-irmied. Il-qalb qarrieqa tiegħu fixklitu. Hu ma jistax isalva lilu nnifsu, u lanqas jgħid: “F’idi* għandi xi ħaġa ma tiswa għal xejn.” 21  “Ġakobb, Iżrael, ftakar f’dawn l-affarijiet,Għax int il-qaddej tiegħi. Jien għamiltek, u int il-qaddej tiegħi. Jien mhux se ninsiek, Iżrael. 22  Se nħassar in-nuqqasijiet tiegħekU ngħatti d-dnubiet tiegħek bi sħaba. Ejja lura għandi, għax jien se nixtrik lura. 23  Sema, għajjat bil-ferħ,Għax Ġeħova għamel dan! Postijiet fondi tal-art, għajtu bil-ferħ taʼ rebħa! Muntanji, foresta,U s-siġar kollha tagħkom, għajtu bil-ferħ! Għax Ġeħova reġaʼ xtara lil Ġakobb,U wera s-sbuħija tiegħu permezz t’Iżrael.” 24  Ġeħova, Dak li Jixtrik Lura,Li fformak minn meta kont f’żaqq ommok, jgħid: “Jien Ġeħova, li għamilt kollox. Jien frixt is-sema waħdi,U għamilt l-art. Min kien hemm miegħi? 25  Jien qed infixkel is-sinjali taʼ dawk li jparlaw fil-vojt,*U jien il-Wieħed li qed inġiegħel l-isħaħar jaġixxu bħal boloh;Il-Wieħed li qed infixkel lin-nies għorriefU nbiddel l-għarfien tagħhom fi bluha. 26  Jien il-Wieħed li qed inwettaq dak li jgħid il-qaddej tiegħiU nagħmel kulma jbassru l-messaġġiera tiegħi. Jien il-Wieħed li dwar Ġerusalemm ngħid, ‘Se jkun hemm in-nies jgħixu fiha,’ U dwar il-bliet taʼ Ġuda, ‘Se jerġgħu jinbnew,U se nerġaʼ nibni dak li sar ħerba’. 27  Jien il-Wieħed li ngħid lill-ilmijiet fondi, ‘Evaporaw,U jien se nnixxef ix-xmajjar kollha tagħkom’. 28  Jien il-Wieħed li ngħid dwar Ċiru, ‘Hu r-ragħaj li għażilt. Hu se jagħmel dak kollu li rrid jien. Jien il-Wieħed li ngħid dwar Ġerusalemm, ‘Se terġaʼ tinbena,’ U dwar it-tempju, ‘Se jitqiegħed il-pedament tiegħu.’”

Noti taʼ taħt

Jew “mit-twelid.”
Ifisser “Wieħed Ġust,” titlu li jonora lil Iżrael.
Jiġifieri l-istatwi.
Jew “statwa minn metall imdewweb.”
Jew “f’niċċa.”
Letteralment “F’idi l-leminija.”
Jew “tal-profeti foloz.”