Isaija 42:1-25

  • Il-qaddej t’Alla u l-inkarigu tiegħu (1-9)

    • ‘Ismi hu Ġeħova’ (8)

  • Għanja ġdida li tfaħħar lil Ġeħova (10-17)

  • Iżrael ma jarax u ma jismax (18-25)

42  Dan hu l-qaddej tiegħi, li jien ngħin! Dak li għażilt u li jien ferħan ħafna bih!* Jien tajtu l-ispirtu tiegħi. Hu se juri lill-popli x’inhi ġustizzja.  2  Hu mhux se jgħajjat u lanqas jgħolli leħnu. Mhux se jsemmaʼ leħnu fit-triq.  3  Qasba mkissra ma jaqsamhiex,U lampa tnemnem ma jitfihiex. Hu se jkun leali u se jġib il-ġustizzja.  4  Hu mhux se jegħja u lanqas mhu se jaqtaʼ qalbu. Hu se jagħmel il-ġustizzja fuq l-art;U n-nies tal-gżejjer se jibqgħu jistennew il-liġi* tiegħu.  5  L-Alla l-veru Ġeħova,Dak li Ħalaq is-sema u l-Alla l-Grandjuż li firixha,Il-Wieħed li għamel l-art u dak li tipproduċi,Il-Wieħed li jagħti n-nifs lin-nies fiha,U l-ħajja* lil dawk li jimxu fuqha, jgħid:  6  “Jien, Ġeħova, għajjattlek biex tagħmel il-ġustizzja;Żammejtlek idek. Se nipproteġik u se tkun bħal patt bejni u n-nies,U bħal dawl għall-popli,  7  Biex tiftaħ għajnejn dawk li ma jarawx,U biex toħroġ lill-ħabsi mill-ħabs taħt l-artU lil dawk li huma bilqiegħda fid-dlam mill-ħabs.  8  Jien Ġeħova. Dan hu ismi. Il-glorja tiegħi mhu se nagħtiha lil ħadd,*Lanqas it-tifħir tiegħi lill-istatwi minquxin.  9  L-affarijiet li għedtilkom dwarhom żmien ilu ġraw;Issa qed ngħidilkom affarijiet ġodda, U se nagħmel dan qabel ma jibdew jidhru.” 10  Kantaw għanja ġdida lil Ġeħova,Faħħruh sat-trufijiet tal-art,Intom li tkunu fuq il-baħar u kulma fih,Intom il-gżejjer u n-nies li joqogħdu fihom. 11  Ħa jgħollu leħinhom id-deżert u l-bliet taʼ ġo fih,L-irħula fejn jgħix Kedar. Ħa jgħajtu bil-ferħ in-nies li jgħixu fil-blat. Ħa jgħajtu minn fuq il-qċaċet tal-muntanji. 12  Ħa jagħtu glorja lil Ġeħova,U jfaħħruh fil-gżejjer. 13  Ġeħova se joħroġ biex jiġġieled bħal raġel b’saħħtu. Hu se jkun bħal gwerrier ħerqan biex imur għall-battalja. Hu se jgħajjat, iva, se jgħajjat għajta taʼ gwerra;Hu se juri li hu iktar b’saħħtu mill-għedewwa tiegħu. 14  Alla jgħid: “Ilni ħafna nżomm kwiet. Bqajt m’għedt xejn u żammejt lura. Bħal mara li qed twelled,Jien se nokrob, nonfoħ, u nieħu nifsijiet fil-fond. 15  Se nkisser il-muntanji u l-għoljiet,U nnixxef il-ħaxix kollu tagħhom. Ix-xmajjar se nbiddilhom f’art niexfa*U l-għadajjar bil-qasab innixxifhom. 16  Se mmexxi lil dawk li ma jarawx fi triq li ma jafuxU nġegħelhom jgħaddu minn toroq li mhumiex familjari magħhom. Se nbiddel quddiemhom id-dlam f’dawl,U l-art imħarbta f’art lixxa. Dawn l-affarijiet se nagħmel għalihom, u mhux se nabbandunahom.” 17  Dawk li jafdaw fl-istatwi minquxin,Dawk li jgħidu lill-istatwi tal-metall:* “Intom l-allat tagħna,”Se jkollhom imorru lura jistħu ħafna. 18  Isimgħu, intom li ma tisimgħux;Ħarsu u agħtu kas, intom li ma tarawx. 19  Hemm xi ħadd li ma jarax ħlief il-qaddej tiegħi? Min ma jismax bħall-messaġġier li nibgħat? Hemm xi ħadd li ma jarax bħal dak li ġie ppremjat? Min ma jarax bħall-qaddej taʼ Ġeħova? 20  Int tara ħafna affarijiet, imma ma tagħtix kas. Int tismaʼ, imma ma tobdix. 21  Minħabba li hu ġust,Ġeħova jrid juri kemm il-liġi* hi tajba u glorjuża. 22  Imma dan hu poplu li serquh u ħadulu kollox;Kollha huma maqbudin fl-għerien u moħbijin fil-ħabsijiet. Huma ġew misruqin, imma m’hemm ħadd biex isalvahom,Ħadulhom kollox u m’hemm ħadd biex jgħid: “Ġibuhom lura!” 23  Min fostkom se jismaʼ dan? Min se jagħti kas u jobdi biex jibbenefika fiż-żmien li ġej? 24  Min ta lil Ġakobb biex jiħdulu kolloxU lil Iżrael biex jisirquh? Mhux Ġeħova, il-Wieħed li dnibna kontrih? Huma jirrifjutaw li jgħixu bil-mod kif irid hu,U ma jobdux il-liġi* tiegħu. 25  Hu kien irrabjat ħafna magħhomU kkastigahom bi gwerra. Din ħarqet kulma kien hemm madwarhom, imma ma tawx kas. Il-fjammi tagħha telgħu kontrihom, imma ma ħabblux rashom.

Noti taʼ taħt

Jew “li ruħi approvat!”
Jew “l-istruzzjoni.”
Letteralment “l-ispirtu.”
Jew “mhu se naqsamha maʼ ħadd.”
Letteralment “fi gżejjer.”
Jew “lill-istatwi minn metall imdewweb.”
Jew “l-istruzzjoni.”
Jew “l-istruzzjoni.”