Isaija 19:1-25

  • Messaġġ taʼ ġudizzju kontra l-Eġittu (1-15)

  • L-Eġittu se jsir jaf lil Ġeħova (16-25)

    • Altar lil Ġeħova fl-Eġittu  (19)

19  Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra l-Eġittu: Ġeħova riekeb fuq sħaba li għaddejja bil-ħeffa u ġej l-Eġittu. L-allat li ma jiswew għal xejn tal-Eġittu se jirtogħdu quddiemu,U l-Eġizzjani se jibżgħu ħafna.*  2  “Jien se nġiegħel l-Eġizzjani jiħduha kontra l-Eġizzjani,U huma se jiġġieldu kontra xulxin,Kull wieħed kontra ħuh u l-ġar tiegħu,Belt kontra belt, u saltna kontra saltna.  3  Dawk fl-Eġittu se jitħawdu,U jien se nfixkel il-pjanijiet tagħhom. Huma se jduru lejn allat li ma jiswew għal xejn,U lejn is-sħaħar, il-medji tal-ispirti, u n-nies li jbassru l-futur.  4  Lill-Eġizzjani se nagħtihom f’idejn sid kiefer,U re aħrax se jmexxi fuqhom,” jgħid il-Mulej il-veru, Ġeħova tal-armati.  5  L-ilma tal-baħar se jisparixxi,U x-xmara se tinxef u ssir qoxqox.  6  Ix-xmajjar se jintnu;Il-kanali tan-Nil tal-Eġittu se jitbaxxew u jinxfu. Il-qasab u l-ħaxix li jikbru fl-ilma se jitmermru.  7  Il-pjanti tul ix-Xmara Nil, mal-bokka tan-Nil,U l-art kollha li hi miżrugħa tul in-Nil se jinxfu. Dawn se jittajru u ma jibqgħux jeżistu.  8  U s-sajjieda se jagħmlu d-dwejjaq,Dawk li jitfgħu s-snanar fin-Nil se jibku,U dawk li jifirxu x-xbieki tagħhom fl-ilma se jonqsu.  9  Dawk li jagħmlu d-drapp mill-kittienU dawk li jagħmlu d-drapp abjad bil-magna tal-insiġ se jkollhom jistħu. 10  L-Eġizzjani li jinsġu se jħossuhom imkissrin,U l-ħaddiema kollha li huma mikrija se jsewdu qalbhom. 11  Il-mexxejja taʼ Sogħan huma boloh. L-iktar nies għorrief li jagħtu l-pariri lill-Fargħun jagħtu pariri bla sens. Kif tistgħu tgħidu lill-Fargħun: “Jien niġi min-nies għorriefU mir-rejiet tal-qedem”? 12  Allura fejn huma l-irġiel għorrief tiegħek? Ħa jgħidulek huma jekk jafu xi ddeċieda Ġeħova tal-armati dwar l-Eġittu. 13  Il-mexxejja taʼ Sogħan aġixxew bi bluha;Il-mexxejja taʼ Nof* ġew imqarrqin;Il-kapijiet tat-tribujiet tal-Eġittu żvijaw lin-nies. 14  Ġeħova se jitfaʼ lill-Eġizzjani f’konfużjoni;Dawk li jmexxu fl-Eġittu jiżvijaw lin-nies għalkollox,Bħal xi ħadd fis-sakra li jiżloq fir-remettar tiegħu. 15  U l-Eġizzjani mhux se jkollhom iktar xogħol x’jagħmlu,Kemm il-kbar u ż-żgħar,* u kemm l-importanti u mhumiex.* 16  Dakinhar l-Eġittu jsir bħal mara, jitriegħed u jibżaʼ minħabba li Ġeħova tal-armati jxejjer il-ponn kontrih. 17  U l-art taʼ Ġuda se ssir xi ħaġa li twerwer l-Eġittu. Anki jekk biss jisimgħu dwarha, l-Eġizzjani se jibżgħu minħabba dak li ddeċieda Ġeħova tal-armati kontrihom. 18  Dakinhar se jkun hemm ħamest ibliet fl-art tal-Eġittu li n-nies tagħhom jitkellmu bil-lingwa taʼ Kangħan u jaħilfu li se jkunu leali lejn Ġeħova tal-armati. Waħda mill-bliet se tissejjaħ Il-Belt tal-Qerda. 19  Dakinhar se jkun hemm artal għal Ġeħova f’nofs l-art tal-Eġittu, u kolonna għal Ġeħova fil-fruntiera tiegħu. 20  Dawn se jkunu bħala sinjal u xhieda għan-nies biex jiftakru f’Ġeħova tal-armati fl-art tal-Eġittu, għax in-nies se jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna minħabba dawk li jaħqruhom. Hu se jibagħtilhom lil xi ħadd impressjonanti biex isalvahom. 21  Ġeħova se jsir magħruf mal-Eġizzjani, u l-Eġizzjani se jsiru jafu lil Ġeħova dakinhar, u huma se joffru sagrifiċċji, jagħtu rigali, u jagħmlu wegħda lil Ġeħova u jżommuha. 22  Ġeħova se jikkastiga lill-Eġittu. Se jikkastigah u jfejjaq lin-nies tiegħu. Huma se jerġgħu lura lejn Ġeħova, u hu se jaċċetta t-talb bil-ħniena tagħhom u jfejjaqhom. 23  Dakinhar se jkun hemm triq prinċipali mill-Eġittu għall-Assirja. Imbagħad l-Assirjani jiġu l-Eġittu, u l-Eġizzjani jmorru l-Assirja, u l-Eġizzjani u l-Assirjani jaqdu lil Alla flimkien. 24  Dakinhar, in-nies t’Iżrael se jingħaqdu mal-Eġizzjani u l-Assirjani, huma se jkunu barka fl-art, 25  għax Ġeħova tal-armati se jberikhom u jgħid: “Ħa jkun imbierek l-Eġittu, li hu l-poplu tiegħi, l-Assirja li hi xogħol idejja, u Iżrael li hu l-wirt tiegħi.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “qalbhom se ddub.”
Jew “Memfi.”
Letteralment “ir-ras u d-denb.”
Letteralment “ir-rimja u l-ħaxix twil.” Jew forsi “l-friegħi tal-palm u l-qasab.”