Isaija 20:1-6

  • Sinjal kontra l-Eġittu u l-Etjopja (1-6)

20  Fis-sena li r-Re Sargon tal-Assirja bagħat lit-Tartan* f’Asdod, hu ġġieled kontra Asdod u rebaħha. 2  Dak iż-żmien Ġeħova kien tkellem permezz t’Isaija bin Għamoż, u qallu: “Mur, neħħi l-libsa tal-ixkora minn maʼ ġenbejk, u neħħi s-sandli.” Hu hekk għamel, u mexa għarwien* u ħafi. 3  Imbagħad Ġeħova qal: “Bħalma l-qaddej tiegħi Isaija mexa għarwien u ħafi għal tliet snin bħala sinjal u twissija taʼ x’se jiġri lill-Eġittu u l-Etjopja, 4  hekk ir-re tal-Assirja se jmexxi lill-Eġizzjani u l-Etjopjani li jieħu fl-eżilju. Se jieħu lis-subien u l-irġiel akbar fl-età, għarwenin, ħafjin, u bil-warrani jidher. Iva, l-Eġittu se jkollu jistħi. 5  Dawk li ttamaw fl-Etjopja u li kienu kburin bl-Eġittu* żgur li se jibżgħu u se jkollhom jistħu. 6  Dakinhar in-nies li jgħixu f’din l-art taʼ mal-baħar se jgħidu, ‘Ara x’ġara lil dawk li ttamajna fihom, li ħrabna għandhom biex jgħinuna u jeħilsuna mir-re tal-Assirja! Issa kif se naħarbu?’”

Noti taʼ taħt

Jew “lill-kmandant.”
Jew “kemxejn imlibbes.”
Jew “jammiraw is-sbuħija tal-Eġittu.”