Isaija 21:1-17

  • Messaġġ taʼ ġudizzju kontra d-deżert li qisu baħar (1-10)

    • Joqgħod għassa mit-torri tal-għassa (8)

    • “Waqgħet Babilonja!” (9)

  • Messaġġ taʼ ġudizzju kontra Duma u d-deżert (11-17)

    • “Għassies, kemm se jdum biex jisbaħ?” (11)

21  Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra d-deżert li qisu baħar:* Ġej diżastru bħal riħ taʼ tempesta li se jkaxkar min-Nofsinhar,Minn deżert, minn pajjiż tal-biżaʼ.  2  Jien rajt viżjoni li tbeżżaʼ: Dak li jqarraq, qed iqarraq,U dak li jeqred, qed jeqred. Itlaʼ, Għelam! Assedja, Medja! Jien se nwaqqaf it-tbatija kollha li ġabet* fuq in-nies.  3  Hu għalhekk li qed inbati ħafna.* Għandi wġigħ f’daqqa,Bħal taʼ mara li qed twelled. Jien inkwetat wisq biex nismaʼ;U mħawwad wisq biex nara.  4  Qalbi qed tgħaġġel; jien qed nirtogħod bil-biżaʼ. Il-ħin taʼ bejn inżul ix-xemx u d-dlam li tant kont inħobb qed iwerwirni.  5  Armaw il-mejda u rranġaw is-siġġijiet! Kulu u ixorbu! Mexxejja, qumu u idilku t-tarka* biż-żejt.  6  Għax Ġeħova qalli: “Poġġi lil xi ħadd għassa biex jgħidlek dak li jara.”  7  Hu ra karru tal-gwerra b’żewġt iżwiemel,Karru tal-gwerra bil-ħmir,U karru tal-gwerra bl-iġmla. Hu qagħad għassa u kien attent ħafna.  8  Imbagħad bħal iljun, għajjat: “Ġeħova, jien qiegħed fuq it-torri tal-għassa l-ġurnata kollha,U kull lejl inkun fil-post tal-għassa.  9  Qed nara ġejjin Irġiel fuq karru tal-gwerra b’żewġt iżwiemel!” Imbagħad qal b’leħen għoli: “Waqgħet! Waqgħet Babilonja! L-istatwi minquxin kollha tal-allat tagħha qegħdin imfarrkin mal-art!” 10  Poplu tiegħi li ġejt midrus bħaċ-ċereali,*Il-prodott* tal-post tiegħi fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,*Jien għedtlek dak li smajt mingħand Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael. 11  Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra Duma:* Xi ħadd qed jgħajjatli mis-Segħir: “Għassies, kemm se jdum biex jisbaħ? Għassies, kemm se jdum biex jisbaħ?” 12  L-għassies iwieġeb: “Filgħodu jrid jiġi, u l-lejl ukoll. Jekk intom tridu tistaqsu, staqsu. Erġgħu ejjew!” 13  Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra d-deżert:* Grupp taʼ nies minn Dedan li qed tivvjaġġaw,Intom se tqattgħu l-lejl fil-foresta li hemm fid-deżert. 14  Nies li toqogħdu fil-pajjiż taʼ Tema,Ġibu l-ilma għal min hu bil-għatxU ħobż għal dawk li qed ifittxu post taʼ protezzjoni. 15  Għax huma ħarbu mix-xwabel, mix-xabla li taqtaʼ,Mill-qaws milwi,* u mill-krudeltà tal-gwerra. 16  Għax Ġeħova qalli: “Fi żmien sena, bħall-perjodu taʼ żmien taʼ ħaddiem mikri,* il-glorja kollha taʼ Kedar se tiġi fix-xejn. 17  Dawk li jifdal mill-gwerriera taʼ Kedar li jużaw il-qaws se jkunu ftit, għax dan qalu Ġeħova l-Alla t’Iżrael.”

Noti taʼ taħt

Milli jidher dan qed jirreferi għar-reġjun taʼ Babilonja tal-qedem.
Milli jidher qed jirreferi għal Babilonja.
Letteralment “li ġenbejja qed juġgħuni ħafna.”
Jistaʼ jkun li t-tarka tirrappreżenta r-re li se jkun hemm.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “Bin.”
Jew “tal-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Ifisser “Silenzju.” Dan hu l-isem profetiku għal Edom.
Milli jidher jirreferi għall-Arabja.
Jew “lest biex jispara.”
Jew “magħduda bir-reqqa bħalma jgħoddha ħaddiem mikri”; jiġifieri sena eżatt.