Isaija 34:1-17

  • Ġeħova jivvendika ruħu mill-popli (1-4)

  • L-art t’Edom se tinqered (5-17)

34  Ġnus, ejjew viċin ħalli tisimgħu,U intom il-popli, oqogħdu attenti. Ħa tismaʼ l-art u kulma fiha,Id-dinja u kull ħaġa li tgħix fiha.  2  Għax Ġeħova hu rrabjat għall-ġnus kollha,U hu inkorlat għall-armati kollha tagħhom. Hu se jeqridhom għalkollox;Se joqtolhom.  3  Il-maqtulin tagħhom se jintremew,U l-intiena tal-iġsma mejtin tagħhom se tkun kullimkien;Il-muntanji se jinħallu minħabba d-demm* tagħhom.  4  L-armata kollha tas-sema se titħassar,U s-sema se tiġi mgerba bħal skroll. L-armata kollha tagħhom se tinxef u taqaʼ,Bħalma werqa niexfa taqaʼ mid-dieljaU tina niexfa mis-siġra tat-tin.  5  “Għax fis-sema x-xabla tiegħi se tkun mimlija bid-demm. Biha se nagħmel ġudizzju fuq Edom,Fuq il-poplu li jien irrid neqred għalkollox.  6  Jien, Ġeħova, għandi xabla; din se tkun miksija bid-demm. Se tkun miksija bix-xaħam,Bid-demm tal-imtaten żgħar u l-bdabad,Bix-xaħam tal-kliewi tal-imtaten. Għax jien, Ġeħova, se nagħmel sagrifiċċju f’BosraU qatla kbira fl-art t’Edom.  7  Il-barrin slavaġ se jinżlu magħhom,Il-barrin żgħar mal-barrin kbar u b’saħħithom. L-art t’Edom se tkun imxarrba għasra bid-demm,U t-trab tagħha se jkun mgħarraq bix-xaħam.”  8  Għax Ġeħova għażel jum biex jagħmel vendetta mill-għedewwa tiegħu,Għażel sena biex jikkastiga lin-nies li għamlu l-ħsara lil Sijon.  9  Ix-xmajjar tagħha* se jinbidlu f’żift,It-trab tagħha f’kubrit,*U l-art tagħha se ssir bħal żift jaqbad. 10  Din mhux se tintefa, la billejl u lanqas binhar;Id-duħħan tagħha se jibqaʼ tielaʼ għal dejjem. Se tibqaʼ mħarbta minn ġenerazzjoni għal oħra;Ħadd mhu se jgħaddi minnha għal dejjem taʼ dejjem. 11  Se tkun post għall-pellikan u l-porkuspin,*U l-kokka tal-qrun u ċ-ċawlun se jgħixu fiha. Alla se jkejjilha b’ħabel tal-kejl u b’lenza biċ-ċombBiex juri li se ssir vojta u ma tiswa xejn. 12  M’hemm ħadd min-nies importanti tagħha li se jsir re,U l-mexxejja kollha tagħha se jiġu fix-xejn. 13  Fit-torrijiet iffortifikati tagħha se jitlaʼ x-xewk,U fil-fortizzi tagħha l-ħurrieq u l-għollieq. Se ssir post fejn jinħbew il-klieb slavaġU post fejn jgħix in-ngħam.* 14  L-annimali tad-deżert se jiltaqgħu mal-annimali li jgħajtu,U l-mogħoż slavaġ* se jgħajtu lil xulxin. Iva, hemmhekk il-buqrajq* jissetilja u jsib post taʼ mistrieħ. 15  Hemmhekk is-serp se jagħmel il-bejta tiegħu, ibid,Ifaqqas il-bajd, u jipproteġi liż-żgħar. Iva, hemmhekk se jinġabru l-isqra, kull seqer mas-sieħba tiegħu. 16  Fittxu fil-ktieb taʼ Ġeħova u aqrawh b’leħen għoli: L-ebda wieħed minnhom mhu se jonqos;Ħadd minnhom mhu se jkun mingħajr is-sieħba,Għax hu Ġeħova li ta l-kmand,U l-ispirtu tiegħu li ġabarhom flimkien. 17  Hu l-Wieħed li tefaʼ x-xorti għalihom,U idu stess kejlet il-post li tahom.* Dan se jkun tagħhom għal dejjem;Se jibqgħu jgħixu fih, jgħaddi kemm jgħaddi żmien.

Noti taʼ taħt

Jew “se jkunu mgħarrqin bid-demm.”
Milli jidher qed jirreferi għal Bosra, il-belt kapitali t’Edom.
Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.
Dan hu annimal li għandu x-xewk u li jixbah lil qanfud.
Jiġifieri ostriches.
Jew forsi “d-demonji li qishom mogħoż.”
Dan hu għasfur li jixbah lil kokka.
Letteralment “qassmitilhom il-post bil-ħabel tal-kejl.”