Isaija 49:1-26

  • Inkarigu għall-qaddej taʼ Ġeħova (1-12)

    • Dawl tal-popli (6)

  • Iżrael jiġi mfarraġ (13-26)

49  Intom li toqogħdu fil-gżejjer, isimgħuni,Intom popli li toqogħdu ’l bogħod, agħtu kas. Ġeħova għajjatli qabel twilidt. Hu semma ismi minn meta kont għadni f’żaqq ommi.  2  Hu għamilli lsieni bħal xabla taqtaʼ;Ħbieni fid-dell t’idu. Hu għamilni bħal vleġġa misnuna;Ħbieni fil-barżakka tiegħu.  3  Hu qalli: “Iżrael, int il-qaddej tiegħi. Permezz tiegħek, se nuri s-sbuħija tiegħi.”  4  Imma jien għedt: “Ħdimt iebes għalxejn. Użajt saħħti għal xi ħaġa li ma teżistix, li ma tiswa għal xejn. Imma Ġeħova żgur se jagħmel ġustizzja miegħi,U l-Alla tiegħi se jagħtini l-premju.”*  5  U issa Ġeħova, il-Wieħed li għamilni f’żaqq ommi bħala l-qaddej tiegħu,Qalli biex nerġaʼ nġib lil Ġakobb quddiemu,Biex l-Iżraelin ikunu miġburin għandu. Jien se niġi gglorifikat f’għajnejn Ġeħova,U l-Alla tiegħi se jkun sar is-saħħa tiegħi.  6  Hu qalli: “Int m’intix biss il-qaddej tiegħiBiex tqajjem it-tribujiet taʼ ĠakobbU biex terġaʼ ġġib in-nies t’Iżrael li baqgħu ħajjin, Imma bgħattek ukoll bħala d-dawl tal-popli,Biex tkun il-mezz kif insalva n-nies tal-art kollha.” 7  Ġeħova, Dak li Jixtri Lura lil Iżrael, il-Qaddis tiegħu, jgħid hekk lil dak li ġie mmaqdar, lill-wieħed li l-poplu jobogħdu, lill-qaddej tal-mexxejja: “Minħabba dak li se jaraw, ir-rejiet se jqumuU l-mexxejja se jinżlu għarkopptejhom,Għax Ġeħova, li hu leali,Il-Qaddis t’Iżrael, għażlek.”  8  Ġeħova jgħid: “Jien wiġibtek meta kien iż-żmien biex nurik ħniena,U għentek meta kien iż-żmien biex tiġi salvat;Bqajt nipproteġik biex tkun bħal patt bejni u bejn in-nies,U terġaʼ tirranġa l-art kif kienetĦalli jerġgħu jieħdu l-wirt tagħhom li kien abbandunat,  9  Biex tgħid ukoll lill-ħabsin, ‘Oħorġu!’ U lil dawk li qegħdin fid-dlam, ‘Ejjew fid-dawl!’ Huma se jkunu bħal nagħaġSe jkollhom x’jieklu maġenb it-toroq, u fil-passaġġi* kollha se jsibu x’jieklu. 10  La se jkunu bil-ġuħ u lanqas bil-għatx,La tixwihom is-sħana u lanqas ma tisreġ fuqhom ix-xemx. Għax jien Dak li qed nurihom ħniena se mmexxihom,U se niggwidahom lejn għejun tal-ilma. 11  Il-muntanji tiegħi kollha se nagħmilhom toroq,U se ngħolli t-toroq prinċipali tiegħi. 12  In-nies ġejjin mill-bogħod ħafna,Hemm minnhom ġejjin mit-Tramuntana u mill-Punent,U oħrajn ġejjin mill-art taʼ Sinim.” 13  Sema, għajjat bil-ferħ, u art ifraħ. Ħalli l-muntanji jifirħu b’għajjat taʼ ferħ. Għax Ġeħova farraġ lill-poplu tiegħu,U hu juri ħniena man-nies tiegħu li qed ibatu. 14  Imma Sijon baqgħet tgħid: “Ġeħova abbandunani, u Ġeħova nsieni.” 15  Tistaʼ omm tinsa lit-tarbija tagħha,Jew ma turix ħniena mat-tifel li welldet? Anki jekk dawn in-nisa jinsew, jien qatt ma ninsiek. 16  Ismek miktub fuq il-pali taʼ jdejja. Is-swar tiegħek huma dejjem quddiemi. 17  It-tfal tiegħek se jħaffu biex jiġu lura. Dawk li ħarbtuk u qerduk, jitilqu minnek. 18  Ħares madwarek. Kollha qed jinġabru flimkien. Ġejjin għandek. Ġeħova jgħid: “Naħlef bija nnifsi l-Alla l-ħaj,Li se tiżżejjen bihom qisek qed tilbes ħwejjeġ sbieħ,U se torbothom miegħek bħalma għarusa tilbes ġiżirana. 19  Għalkemm kont meqruda u abbandunata, u l-art tiegħek kienet ħerba,Issa tant se jkun hemm nies jgħixu fik li se jkunu mrassin,U dawk li belgħuk se jkunu ’l bogħod ħafna. 20  It-tfal li twildulek meta mitulek it-tfal l-oħra se jgħidulek,‘Dan il-post mimli nies. Għandi bżonn l-ispazju biex ngħix hawn.’ 21  U int tgħid f’qalbek,‘Jien mara li mituli t-tfal u ma jistax ikolli iktar,Eżiljata u priġuniera,Allura min hu l-missier taʼ dawn it-tfal li ngħatawli? Min rabbiehom? Lili ħallewni waħdi,Allura minn fejn ġew?’” 22  Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid: “Se nagħmel sinjal b’idi għall-ġnus,U se ngħolli l-arblu bħala sinjal għall-popli. Huma se jerfgħu u jġibu lis-subien tiegħek,U lill-bniet tiegħek se jġorruhom fuq spallejhom. 23  Ir-rejiet se jieħdu ħsiebek,U l-prinċipessi tagħhom se jkunu l-qaddejja tiegħek. Se jmilu quddiemek b’wiċċhom mal-artU jilagħqu t-trab taʼ saqajk;U se jkollok tkun taf li jien Ġeħova;Dawk li jittamaw fija mhux se jkollhom għal xiex jistħu.” 24  Jistaʼ xi ħadd jieħu lil min diġà nqabad minn raġel b’saħħtu,Jew jistgħu jinħelsu l-ħabsin minn idejn it-tirann? 25  Imma Ġeħova jgħid: “Anki l-ħabsin taʼ raġel b’saħħtu se jinħelsuU dawk maqbudin mit-tirann se jiġu salvati minn taħt idejh. Jien se niħodha kontra dawk li jiħduha kontrikU se nsalva lit-tfal tiegħek. 26  Se nġiegħel lil dawk li jittrattawk ħażin jieklu laħamhom stess,U se jiskru b’demmhom stess bħalma jiskru bi nbid ħelu. U n-nies kollha se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova,Dak li Nsalvak u Dak li Nixtrik Lura,L-Alla b’Saħħtu taʼ Ġakobb.”

Noti taʼ taħt

Jew “il-ħlas.”
Jew forsi “fl-għoljiet bla ħaxix.”
Jew “Il-Mulej Sovran Ġeħova.”