Isaija 38:1-22

  • Ħeżekija jimrad u jirkupra (1-22)

    • Għanja li turi l-apprezzament tiegħu (10-20)

38  Dak iż-żmien Ħeżekija marad u kien wasal biex imut. Il-profeta Isaija bin Għamoż daħal ħdejh u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Agħti istruzzjonijiet lil taʼ darek, għax se tmut; mhux se jgħaddilek.’” 2  Għalhekk, Ħeżekija dar wiċċu mal-ħajt u beda jitlob lil Ġeħova: 3  “Nitolbok bil-ħniena Ġeħova, jekk jogħġbok ftakar kif jien imxejt quddiemek lealment u b’qalb sħiħa, u għamilt dak li hu tajjeb f’għajnejk.” U Ħeżekija beka fuq li beka. 4  Imbagħad Ġeħova qal lil Isaija: 5  “Erġaʼ lura u għid lil Ħeżekija, ‘Hekk jgħid Ġeħova l-Alla tal-antenat tiegħek David: “Jien smajt it-talba tiegħek u rajt id-dmugħ tiegħek. Jien se nżidlek 15-il sena oħra maʼ ħajtek, 6  u neħles lilek u lil din il-belt minn idejn ir-re tal-Assirja, u niddefendi lil din il-belt. 7  Dan hu s-sinjal mingħand Ġeħova biex Ġeħova jurik li se jagħmel dak li qal: 8  Jien se nagħmel li d-dell tax-xemx li niżel fuq it-taraġ* t’Aħaż imur lura għaxar tarġiet.”’” Għalhekk, id-dell li kien diġà niżel mar lura għaxar tarġiet. 9  Kompożizzjoni li ġiet miktuba mir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda meta marad u rkupra mill-marda tiegħu. 10  Jien għedt: “F’nofs ħajtiSe jkolli mmur fil-Qabar.* Se niġi mċaħħad mill-kumplament tas-snin li baqagħli.” 11  Jien għedt: “M’iniex se nara lil Jah,* mhux se nkun fost dawk li huma ħajjin u li jaraw lil Jah. Mhux se nħares iktar lejn il-bnedminMeta nkun maʼ dawk li qegħdin fil-post fejn m’hemmx ħajja. 12  Il-post fejn noqgħod hu bħat-tinda tar-ragħajjaLi żżarmat u nġarret. Kebbibt ħajti bħalma xi ħadd li jinseġ bin-newl ikebbeb biċċa drapp li tkun lesta;Hu jaqtagħni bħalma biċċa drapp titneħħa minn man-newl. Minn filgħodu sa filgħaxija tibqaʼ ġġibni fix-xejn. 13  Jien nipprova nibqaʼ kalm sa filgħodu. Bħal iljun, hu jibqaʼ jkisser l-għadam tiegħi kollu;Minn filgħodu sa filgħaxija tibqaʼ ġġibni fix-xejn. 14  Bħar-rundun u l-għasfur tal-għana,* jien se nibqaʼ npespes;Jien se nibqaʼ ngorr bħall-ħamiema. Għajejt nistennieh biex jgħinni u għedt: ‘Ġeħova, jien qed inbati ħafna. Jekk jogħġbok, għinni.’* 15  X’nistaʼ ngħid? Hu tkellem miegħi u aġixxa. Jien se nkun umli sakemm indum ħajMinħabba l-inkwiet kbir li kelli.* 16  ‘Ġeħova, permezz taʼ dawn l-affarijiet* jgħix kull bniedem,U bihom nieħu n-nifs. Int se tagħtini saħħti lura u żżommni ħaj. 17  Minflok ma kelli l-paċi, kelli inkwiet kbir;Imma għax tħobbni,*Int salvajtni mill-mewt.* Int tfajt id-dnubiet kollha tiegħi wara dahrek.* 18  Għax il-Qabar* ma jistax jigglorifikak,Il-mewt ma tistax tfaħħrek. Dawk li jinżlu fil-ħofra ma jistgħux jittamaw fil-lealtà tiegħek. 19  Il-ħajjin biss jistgħu jfaħħruk,Bħalma jien nistaʼ nagħmel dan illum. Missier jistaʼ jagħti l-għarfien lit-tfal tiegħu dwar il-lealtà tiegħek. 20  Ġeħova, salvani,U l-jiem kollha taʼ ħajjitna ndoqqulek l-għanjietBl-istrumenti tal-korda fid-dar tiegħek, Ġeħova.’” 21  Imbagħad Isaija qal: “Ġibu ċappa tin niexef u ppressat u idilkuha fuq il-musmar tiegħu ħalli jfiq.” 22  Ħeżekija kien staqsa: “X’inhu s-sinjal li se nitlaʼ fid-dar taʼ Ġeħova?”

Noti taʼ taħt

Aktarx dan it-taraġ kien jintuża biex ikunu jafu l-ħin, bħalma jintuża arloġġ tax-xemx.
Letteralment “fil-bibien taʼ Xeol.” Xeol hu l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
“Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.
Jew forsi “ajrun.”
Letteralment “aqbeż għalija.”
Jew “taʼ ruħi.”
Jiġifieri dak li jgħid u jagħmel Alla.
Jew “tħobb lil ruħi.”
Jew “mill-ħofra tal-qerda.”
Jew “neħħejt id-dnubiet kollha tiegħi minn quddiem għajnejk.”
Jew “Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.