Numri 14:1-45
14 Imbagħad il-ġemgħa kollha għolliet leħinha, u baqgħet tgħajjat u tibki dak il-lejl kollu.
2 L-Iżraelin kollha bdew igergru kontra Mosè u Aron, u l-ġemgħa kollha bdiet tgħid kontrihom: “Mhux li mitna fl-art tal-Eġittu, jew mhux li mitna f’dan id-deżert!
3 Ġeħova għala qed jiħodna f’din l-art biex immutu bix-xabla? In-nisa u t-tfal tagħna se jsiru lsiera. Mhux aħjar jekk immorru lura l-Eġittu?”
4 Saħansitra bdew jgħidu lil xulxin: “Ejja ninkarigaw mexxej u mmorru lura l-Eġittu!”
5 Għal dan, Mosè u Aron inxteħtu wiċċhom fl-art quddiem il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin li kienu miġburin hemmhekk.
6 Ġożwè bin Nun u Kaleb bin Ġefunne, li kienu fost dawk li tkixxfu l-art, ċarrtu ħwejjiġhom,
7 u lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin qalulha dan: “L-art li għaddejna minnha biex nitkixxfu x’fiha, hija art tajba ħafna u ħafna.
8 Jekk Ġeħova kuntent bina, żgur li jdaħħalna f’din l-art u jagħtihielna. Hija art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.
9 Imma tirribellawx kontra Ġeħova, u tibżgħux min-nies tal-pajjiż għax nistgħu nirbħulhom faċilment.* M’għandhomx min jipproteġihom, imma aħna għandna lil Ġeħova magħna. Tibżgħux minnhom.”
10 Madankollu, il-ġemgħa kollha qalet li kienet se twaddbilhom il-ġebel biex toqtolhom. Imma l-glorja taʼ Ġeħova dehret fuq it-tinda tal-laqgħa lill-poplu kollu t’Iżrael.
11 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Kemm se jdumu dawn in-nies ma jurunix rispett, u kemm se jdumu ma jurux fidi fija minkejja s-sinjali kollha li għamilt fosthom?
12 Ħa nibagħtilhom il-pesta u neqridhom, u ħa nagħmel lilek poplu akbar u iktar b’saħħtu minnhom.”
13 Imma Mosè qal lil Ġeħova: “Imbagħad l-Eġizzjani, li minn ġo nofshom ħriġt lil dan il-poplu bil-qawwa tiegħek, se jisimgħu b’dan,
14 u jgħiduh lin-nies taʼ din l-art. Ġeħova, huma semgħu li int qiegħed qalb dan il-poplu, u dhertlu wiċċ imb wiċċ. Semgħu li int Ġeħova, u li s-sħaba tiegħek qiegħda fuqhom, u li int timxi quddiemhom f’kolonna tas-sħab matul il-jum u f’kolonna tan-nar billejl.
15 Jekk int toqtol lil dan il-poplu f’daqqa,* il-ġnus li semgħu dwarek jgħidu:
16 ‘Ġeħova ma kellux il-ħila jdaħħal lil dan il-poplu fl-art li ħalef li jagħtihom, allura qatilhom fid-deżert.’
17 Issa, jekk jogħġbok, Ġeħova, ħa jidher il-kobor tal-qawwa tiegħek bħalma wegħedt meta għedt:
18 ‘Jien, Ġeħova, ma nirrabjax malajr u nuri ħafna mħabba u lealtà,* naħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi, imma bl-ebda mod ma neħles lil dak li jkun mill-kastig. Jien inġib il-kastig għall-iżball tal-missirijiet fuq it-tfal, fuq it-tielet u fuq ir-rabaʼ ġenerazzjoni.ʼ
19 Jekk jogħġbok, aħfer l-iżball taʼ dan il-poplu għax int turi ħafna mħabba u lealtà, bħalma ħfirtlu minn meta kien fl-Eġittu s’issa.”
20 Imbagħad Ġeħova qal: “Jien naħfrilhom skont kelmtek.
21 Mill-banda l-oħra, daqskemm jien ħaj, l-art kollha se timtela bil-glorja tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
22 Imma l-irġiel li raw il-glorja tiegħi u s-sinjali li għamilt fl-Eġittu u fid-deżert, u li baqgħu jgħadduni minn prova dawn l-għaxar darbiet u ma semgħux minn leħni,
23 mhumiex se jaraw l-art li dwarha ħlift lil missirijiethom. Le, l-ebda wieħed minn dawk li ma jirrispettawnix mhu se jaraha.
24 Imma peress li l-qaddej tiegħi Kaleb kellu attitudni* differenti u baqaʼ miexi warajja b’qalbu kollha, jien żgur li ndaħħlu fl-art li mar fiha, u dawk li se jiġu minnu se jiħduha f’idejhom.
25 Peress li l-Għamalekin u l-Kangħanin qed jgħixu fil-wied,* għada għandkom idduru lura u tmorru lejn id-deżert mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar.”
26 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè u lil Aron:
27 “Kemm se ddum din il-ġemgħa mill-agħar tgerger kontrija? Jien smajt it-tgergir tal-Iżraelin kontrija.
28 Għidilhom, ‘“Daqskemm jien ħaj,” jgħid Ġeħova, “se nagħmlilkom eżatt bħalma smajtkom tgħidu!
29 F’dan id-deżert jaqgħu l-iġsma mejtin tagħkom, iva, dawk kollha minnkom li ġew irreġistrati minn 20 sena ’l fuq u li gergirtu kontrija.
30 Ħadd minnkom ma jidħol fl-art li jien ħlift* li se tgħixu fiha, ħlief Kaleb bin Ġefunne u Ġożwè bin Nun.
31 “‘“U jien se ndaħħal lit-tfal tagħkom li għedtu li se jsiru lsiera, u huma se jgawdu l-art li ċħadtu intom.
32 Imma l-iġsma mejtin tagħkom stess se jaqgħu f’dan id-deżert.
33 U t-tfal tagħkom isiru ragħajja fid-deżert għal 40 sena, u jkollhom ibatu l-konsegwenzi tan-nuqqas taʼ lealtà* tagħkom sakemm l-aħħar wieħed minnkom imut fid-deżert.
34 Tridu tbatu l-konsegwenzi għall-iżbalji tagħkom għal 40 sena, sena għal kull ġurnata li domtu titkixxfu x’fiha l-art. B’hekk, tkunu tafu x’jiġifieri li tiħduha kontrija.*
35 “‘“Jien, Ġeħova, tkellimt. Hekk se nagħmlilha lil din il-ġemgħa mill-agħar kollha, dawk li nġemgħu flimkien kontrija: F’dan id-deżert se jintemmu, u hawnhekk se jmutu.
36 L-irġiel li ntbagħtu minn Mosè biex jitkixxfu x’fiha l-art u li ġiegħlu lill-ġemgħa kollha tgerger kontrih meta ġew lura b’rapport ħażin kontra l-art,
37 iva, dawn se jiġu kkastigati u jmutu quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
38 Imma Ġożwè bin Nun u Kaleb bin Ġefunne, li kienu fost dawk l-irġiel li marru jitkixxfu x’fiha l-art, żgur li jibqgħu ħajjin.”’”
39 Meta Mosè qal dan il-kliem lill-Iżraelin kollha, qabduhom dwejjaq kbar.
40 Iktar minn hekk, qamu kmieni filgħodu u pprovaw jitilgħu sal-quċċata tal-muntanja, u qalu: “Aħna dnibna. Imma issa lesti biex nitilgħu lejn il-post li tkellem dwaru Ġeħova.”
41 Imma Mosè qalilhom: “Għala qed tiksru l-kmand taʼ Ġeħova? Mhux se tirnexxu f’dak li beħsiebkom tagħmlu.
42 Titilgħux, għax Ġeħova mhux qiegħed magħkom, u l-għedewwa tagħkom se jirbħulkom.
43 Għax l-Għamalekin u l-Kangħanin lesti għalikom, u intom se tmutu bix-xabla. Minħabba li m’obdejtux lil Ġeħova, Ġeħova m’għadux magħkom.”
44 Madankollu, huma webbsu rashom u telgħu sal-quċċata tal-muntanja, imma l-arka tal-patt taʼ Ġeħova u Mosè ma ċċaqalqux minn nofs il-kampijiet.
45 Imbagħad, l-Għamalekin u l-Kangħanin li kienu qed jgħixu fuq dik il-muntanja niżlu, rebħulhom, u xerrduhom sa Ħorma.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “huma ħobż għalina.”
^ Letteralment “bħal bniedem wieħed.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “spirtu.”
^ Jew “fil-pjanura l-baxxa.”
^ Letteralment “għollejt idi.”
^ Letteralment “tal-prostituzzjoni.”
^ Jew “inkun l-għadu tagħkom.”

