Numri 28:1-31

  • Proċeduri għal diversi offerti (1-31)

    • Offerti taʼ kuljum (1-8)

    • Għas-Sabat (9, 10)

    • Offerti taʼ kull xahar (11-15)

    • Għall-Qbiż (16-25)

    • Għall-Festa tal-Ġimgħat (26-31)

28  Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: 2  “Ikkmanda lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Qisu li tippreżentawli l-offerta tiegħi, il-ħobż tiegħi. L-offerti tiegħi li jiġu maħruqin bħala riħa pjaċevoli* għalija għandhom isiru fiż-żmien stabbilit tagħhom.’ 3  “U għidilhom, ‘Din hi l-offerta li tiġi maħruqa u li għandkom tippreżentaw lil Ġeħova: żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, bħala offerta tal-ħruq kuljum, b’mod regolari. 4  Ħaruf wieħed toffrih filgħodu, u l-ħaruf l-ieħor toffrih bejn inżul ix-xemx u d-dlam, 5  flimkien maʼ għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt taż-żebbuġa bħala offerta taċ-ċereali.* 6  Din hi offerta tal-ħruq regolari, li kienet stabbilita fuq il-Muntanja Sinaj bħala riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, 7  flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha, kwart taʼ ħinn għal kull ħaruf. Ferraʼ x-xorb alkoħoliku fil-post qaddis bħala offerta tax-xorb lil Ġeħova. 8  U toffri l-ħaruf l-ieħor bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Toffrih bl-istess offerta taċ-ċereali bħal dik taʼ filgħodu u bl-istess offerta tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 9  “‘Madankollu, f’jum is-Sabat, l-offerta għandha tkun żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, u 20 fil-100 taʼ kejl t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali, flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha. 10  Din hi l-offerta tal-ħruq għas-Sabat, flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha. 11  “‘Fil-bidu taʼ kull xahar,* għandkom tippreżentaw dan lil Ġeħova bħala offerta tal-ħruq: żewġ barrin żgħar,* muntun, sebat iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, 12  30 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull barri, 20 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għall-muntun, 13  u għaxra fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull ħaruf, bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 14  U l-offerti tax-xorb li joffru magħhom għandhom ikunu nofs ħinn inbid għal barri, terz taʼ ħinn għall-muntun, u kwart taʼ ħinn għal ħaruf. Din hi l-offerta tal-ħruq taʼ kull xahar matul is-sena kollha. 15  Ukoll, għandu jiġi offrut gidi bħala offerta għad-dnub lil Ġeħova flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha. 16  “‘L-14-il jum tal-ewwel xahar ikun il-Qbiż taʼ Ġeħova. 17  U fil-15 taʼ dan ix-xahar ikun hemm festa. Għal sebat ijiem tieklu ħobż bla ħmira. 18  Fl-ewwel jum ikun hemm konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 19  U għandkom tippreżentaw bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Għandkom toffru annimali bla difett. 20  Għandek toffrihom mal-offerti taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal barri u 20 fil-100 t’efa għall-muntun. 21  Għandkom toffru għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief, 22  kif ukoll mogħża bħala offerta għad-dnub biex tagħmel tpattija għalikom. 23  Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu, li tiġi offruta regolarment. 24  Dawn toffruhom bl-istess mod kuljum għal sebat ijiem bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. Din għandha tiġi offruta mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha. 25  Fis-sebaʼ jum għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 26  “‘Fil-jum tal-ewwel prodott, meta tippreżentaw offerta ġdida taċ-ċereali lil Ġeħova, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa fil-festa tagħkom tal-ġimgħat. Tagħmlu ebda xogħol iebes. 27  Bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova għandkom tippreżentaw: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena, 28  u bħala l-offerta taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal kull barri, 20 fil-100 t’efa għall-muntun, 29  għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief, 30  kif ukoll gidi biex jagħmel tpattija għalikom. 31  Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb li joffru mal-annimali. L-annimali għandhom ikunu bla difett.

Noti taʼ taħt

^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Efa kienet daqs 22 litru. Ara App. B14.
^ Ħinn kien daqs 3.67 litri. Ara App. B14.
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Letteralment “tax-xhur tagħkom.”
^ Jew “għoġġiela.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Letteralment “ħobż.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”