Numri 5:1-31

  • Il-kwarantina taʼ dawk mhux nodfa (1-4)

  • Jammettu d-dnub u jagħtu kumpens (5-10)

  • Test tal-ilma għal min ikun issuspettat li għamel adulterju (11-31)

5  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2  “Ikkmanda lill-Iżraelin biex jibagħtu ’l barra mill-kampijiet lil kull min ikollu l-ġdiem, kull min ikollu tnixxija, u kull min ma jkunx nadif għax ikun mess persuna* mejta. 3  Sew jekk ikun raġel u sew jekk tkun mara, għandkom tibagħtuhom ’il barra mill-kampijiet. Dan tridu tagħmluh sabiex ma jniġġsux il-kampijiet taʼ dawk li qed ngħix f’nofshom.” 4  Għaldaqstant l-Iżraelin hekk għamlu, bagħtuhom ’il barra mill-kampijiet. L-Iżraelin għamlu bħalma Ġeħova kien qal lil Mosè. 5  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 6  “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi ħadd, raġel jew mara, jagħmel xi dnub billi jaġixxi b’nuqqas taʼ lealtà lejn Ġeħova, dan isir ħati. 7  Hu* jrid jammetti d-dnub li jkun għamel u jagħti lura l-ammont sħiħ bħala kumpens għall-ħtija tiegħu u jżid ukoll 20 fil-100 tal-valur tiegħu. Dan irid jagħtih lil dak li jkun dineb kontrih. 8  Imma jekk il-vittma tmut u ma jkollhiex min jiġi minnha mill-qrib li jistaʼ jirċievi l-kumpens, dan għandu jingħata lura lil Ġeħova u jkun tal-qassis, minbarra l-muntun tat-tpattija li l-qassis jagħmel tpattija bih għal dak li għamel id-dnub. 9  “‘Kull kontribuzzjoni qaddisa mill-Iżraelin li tiġi ppreżentata lill-qassis, għandha ssir tiegħu. 10  L-affarijiet qaddisin li kull wieħed ikollu, jibqgħu tiegħu. Kulma jagħti lill-qassis, isir tal-qassis.’” 11  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 12  “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Jekk mart xi raġel tidneb u ma tkunx leali lejh 13  u raġel ieħor ikollu x’jaqsam magħha, imma żewġha ma jkunx jaf u dak li għamlet jibqaʼ ma jinkixifx, u b’hekk tkun tniġġset imma ma jkunx hemm xhud kontriha u hi ma tinqabadx, għandu jsir hekk: 14  Jekk żewġha jibda jgħir u jissuspetta mil-lealtà taʼ martu, kemm jekk tkun tniġġset u kemm jekk le, 15  ir-raġel irid jieħu lil martu għand il-qassis u magħha jieħu wkoll offerta għaliha, għaxra fil-100 t’efa* dqiq tax-xgħir. La għandu jitfaʼ żejt u lanqas inċens abjad fuq l-offerta, għaliex din tkun offerta taċ-ċereali* tal-għira, offerta taċ-ċereali li turi jekk il-mara hix ħatja jew le. 16  “‘Il-qassis iressaq lill-mara quddiem Ġeħova. 17  Il-qassis jieħu l-ilma qaddis f’reċipjent tal-fuħħar u jieħu ftit mit-trab li jkun hemm fl-art tat-tabernaklu u jitfgħu fl-ilma. 18  U l-qassis iqiegħed lill-mara quddiem Ġeħova, iħollilha xagħarha, u jqiegħed fuq il-pali taʼ jdejha l-offerta taċ-ċereali bħala tfakkira, jiġifieri l-offerta taċ-ċereali tal-għira. Il-qassis ikollu f’idu l-ilma morr li jġib is-saħta. 19  “‘Imbagħad il-qassis iġegħelha taħlef u jgħidilha: “Jekk ebda raġel ieħor ma kellu x’jaqsam miegħek waqt li kont taħt l-awtorità taʼ żewġek u int ma dnibtx u ma tniġġistx, ħa tkun ħielsa mill-effett taʼ dan l-ilma morr li jġib is-saħta. 20  Imma jekk dnibt waqt li kont taħt l-awtorità taʼ żewġek billi tniġġist u kellek x’taqsam maʼ raġel ieħor, is-saħta se tiġi fuqek.” 21  Imbagħad il-qassis iġiegħel lill-mara taħlef li jekk veru għamlet hekk, tkun misħuta. Il-qassis irid jgħid lill-mara: “Jalla Ġeħova jġiegħlek tissemma bħala eżempju taʼ saħta u tissemma fil-ħalf fost niesek, hekk kif Ġeħova jnixxiflek* koxxtok,* u jneffaħlek żaqqek. 22  Dan l-ilma li jġib is-saħta jidħol fi msarnek biex ineffaħlek żaqqek u jnixxiflek* koxxtok.”* Għal dan il-mara għandha tgħid: “Ammen! Ammen!”* 23  “‘Imbagħad il-qassis għandu jikteb dawn is-saħtiet fil-ktieb u jħassarhom fl-ilma morr. 24  Hu mbagħad iġiegħel lill-mara tixrob l-ilma morr li jġib is-saħta, u dan l-ilma jidħol fiha u jġib l-uġigħ. 25  U l-qassis għandu jieħu l-offerta taċ-ċereali tal-għira minn id il-mara u jxejjer l-offerta taċ-ċereali ’l quddiem u lura quddiem Ġeħova, u jiħodha ħdejn l-artal. 26  Il-qassis irid jaqbad ponn mill-offerta taċ-ċereali bħala simbolu tal-offerta sħiħa u jaħarqu* fuq l-artal, u mbagħad iġiegħel lill-mara tixrob l-ilma. 27  Meta jġegħelha tixrob l-ilma, jiġri li jekk tkun tniġġset u aġixxiet b’nuqqas taʼ lealtà lejn żewġha, l-ilma li jġib is-saħta jidħol fiha, iġib l-uġigħ, żaqqha tintefaħ, u tinxfilha* koxxitha.* Il-mara ssir eżempju taʼ saħta fost niesha. 28  Madankollu, jekk il-mara ma tkunx tniġġset u tkun nadifa, hi tkun ħielsa minn dan il-kastig, u tkun tistaʼ toħroġ tqila u jkollha t-tfal. 29  “‘Din hi l-liġi dwar l-għira meta mara tidneb u titniġġes waqt li tkun taħt l-awtorità taʼ żewġha, 30  jew meta raġel jibda jgħir u jissuspetta mil-lealtà taʼ martu. Hu jrid jieħu lil martu quddiem Ġeħova, u l-qassis jagħmlilha kulma titlob din il-liġi. 31  Ir-raġel ma jkunx ħati, imma martu jkollha tagħti kont għall-ħtija tagħha.’”

Noti taʼ taħt

Jew “ruħ.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “Huma.”
Għaxra fil-100 t’efa kien daqs 2.2 litri. Ara App. B14.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “iwaqqagħlek.” Dan jistaʼ jirreferi għal li mara ma jibqax jistaʼ jkollha t-tfal.
Milli jidher dan jirreferi għall-organi riproduttivi.
Jew “iwaqqagħlek.” Dan jistaʼ jirreferi għal li mara ma jibqax jistaʼ jkollha t-tfal.
Milli jidher dan jirreferi għall-organi riproduttivi.
Jew “Hekk ikun! Hekk ikun!”
Letteralment “jagħmlu jdaħħan.”
Jew “taqgħalha.” Dan jistaʼ jirreferi għal li mara ma jibqax jistaʼ jkollha t-tfal.
Milli jidher dan jirreferi għall-organi riproduttivi.