Numri 23:1-30

  • L-ewwel messaġġ taʼ Balgħam (1-12)

  • It-tieni messaġġ taʼ Balgħam (13-30)

23  Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Ibnili f’dan il-post sebaʼ artali u ppreparali sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten.” 2  Balak minnufih għamel bħalma qallu. U huma t-tnejn offrew barri u muntun fuq kull artal. 3  Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Oqgħod ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħek, u jien immur. Forsi Ġeħova jidhirli. Kulma jgħidli, ngħidhulek.” Għalhekk, mar fuq għolja. 4  Imbagħad Alla kkomunika maʼ Balgħam, u Balgħam qallu: “Jien qegħedt is-sebaʼ artali f’ringieli, u offrejt barri u muntun fuq kull artal.” 5  Ġeħova qal lil Balgħam x’għandu jgħid* u qallu: “Mur lura għand Balak, u għidlu dak li se ngħidlek.” 6  Għalhekk, mar lura u ra lil Balak u l-kapijiet kollha taʼ Mowab weqfin ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħu. 7  Imbagħad qal dan il-messaġġ: “Balak ir-re taʼ Mowab ġabni minn Aram,Mill-muntanji tal-Lvant: ‘Ejja biex tisħet lil Ġakobb għalija. Iva, ejja kkundanna lil Iżrael.’  8  Kif nistaʼ nisħet lil dawk li Alla ma seħitx? U kif nistaʼ nikkundanna lil dawk li Ġeħova ma kkundannax?  9  Mill-quċċata tal-blat narahom,U minn fuq l-għoljiet narahom. Bħala poplu huma jgħixu hemmhekk għalihom,Ma jgħoddux lilhom infushom mal-popli l-oħra. 10  Min jistaʼ jgħodd lil Ġakobb li hu daqs it-trab,Jew saħansitra jgħodd kwart minn Iżrael? Ħa mmut bħall-ġusti,U ħa jkun tmiemi bħal tagħhom.” 11  Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “X’għamiltli? Jien ġibtek biex tisħet lill-għedewwa tiegħi, imma int m’għamilt xejn ħlief berikthom.” 12  Hu wieġbu: “Mhux kulma Ġeħova jgħidli* rrid ngħid?” 13  Balak qallu: “Jekk jogħġbok, ejja miegħi f’post ieħor minn fejn tistaʼ tarahom. Se tara biss parti minnhom; ma tarahomx kollha. Isħithom għalija minn hemmhekk.” 14  Għalhekk, ħadu fl-għalqa taʼ Sofim, fuq il-quċċata tal-Pisga, u bena sebaʼ artali u offra barri u muntun fuq kull artal. 15  U Balgħam qal lil Balak: “Oqgħod hawnhekk ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħek sakemm nara x’jgħidli Alla hemmhekk.” 16  U Ġeħova kkomunika maʼ Balgħam u qallu x’għandu jgħid.* Imbagħad qallu: “Mur lura għand Balak, u għidlu dak li għedtlek.” 17  Għalhekk, wasal ħdejh u ra li kien qiegħed jistenna ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħu, u miegħu kien hemm il-kapijiet taʼ Mowab. Balak staqsieh: “X’qal Ġeħova?” 18  Imbagħad Balgħam qal dan il-messaġġ: “Qum, Balak, u ismaʼ. Ismagħni bin Siffur. 19  Alla mhuwiex xi bniedem li jgħid il-gideb,Lanqas xi bin il-bniedem li jerġaʼ jibdielu.* Jgħid hu xi ħaġa u ma jagħmilhiex? Jgħid kelma u ma jżommhiex? 20  Jien qiegħed hawn biex inbierek,Issa Hu bierek, u jien ma nistaʼ nbiddel xejn. 21  Hu ma jittollera ebda magħmul kontra Ġakobb,U ma jippermetti ebda inkwiet kontra Iżrael. Ġeħova l-Alla tiegħu hu miegħu,Hu jiġi mfaħħar bħala re fosthom. 22  Alla ħariġhom mill-Eġittu. Hu qisu l-qrun taʼ barri salvaġġ għalihom. 23  Għax m’hemmx sinjali taʼ qerda kontra Ġakobb,Lanqas teħbir kontra Iżrael. Issa jistaʼ jintqal dwar Ġakobb u Iżrael: ‘Araw Alla x’għamel!’ 24  Hawn poplu li se jqum bħal iljun,U bħall-iljun iqum. Hu ma jimteddx qabel ma jiekol dak li jkun ikkaċċja,U jixrob id-demm tal-maqtulin.” 25  Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “Jekk ma tistax tisħtu, almenu tbirkux.” 26  Balgħam wieġbu: “M’għedtlekx jien li kulma jgħidli Ġeħova se nagħmel?” 27  Balak qal lil Balgħam: “Jekk jogħġbok, ejja ħa nieħdok post ieħor. Forsi jkun sewwa f’għajnejn l-Alla l-veru li int tisħithom għalija minn hemmhekk.” 28  Allura Balak ħa lil Balgħam fuq il-quċċata taʼ Pegħor, li tħares lejn il-Ġesimon.* 29  Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Ibnili f’dan il-post sebaʼ artali u ppreparali sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten.” 30  Għalhekk, Balak għamel bħalma qallu, u offra barri u muntun fuq kull artal.

Noti taʼ taħt

Letteralment “qed iqiegħed kelma f’ħalq Balgħam.”
Letteralment “iqegħedli f’ħalqi.”
Letteralment “qegħedlu kelma f’ħalqu.”
Jew “li jiddispjaċih.”
Jew forsi “d-deżert; ix-xagħri.”