Numri 36:1-13

  • Liġi dwar lil min għandhom jiżżewġu l-werrieta nisa (1-13)

36  Il-kapijiet tal-familji taʼ Gilegħad bin Makir bin Manasse, mill-familji tat-tfal taʼ Ġużeppi, resqu u tkellmu quddiem Mosè u l-kapijiet tal-Iżraelin. 2  Huma qalu: “Ġeħova kkmanda lilek, sidna, biex tqassam l-art bix-xorti bħala wirt lill-Iżraelin, u kont ikkmandat minn Ġeħova biex tagħti l-wirt taʼ ħuna Selofeħad lill-bniet tiegħu. 3  Jekk jiżżewġu rġiel minn tribù ieħor t’Iżrael, il-wirt tan-nisa jitnaqqas mill-wirt taʼ missirijietna u jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu, u b’hekk jitnaqqas mill-wirt tagħna. 4  Issa meta jkun hemm il-Ġublew għall-poplu t’Iżrael, il-wirt tan-nisa jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu, u b’hekk il-wirt tagħhom jitnaqqas mill-wirt tat-tribù taʼ missirijietna.” 5  Imbagħad Mosè kkmanda lill-Iżraelin skont il-kmand taʼ Ġeħova: “Sew qed jgħid it-tribù tat-tfal taʼ Ġużeppi. 6  Hekk ikkmanda Ġeħova għall-bniet taʼ Selofeħad: ‘Huma jistgħu jiżżewġu lil min iridu. Madankollu, għandhom jiżżewġu lil xi ħadd mill-familja tat-tribù taʼ missierhom. 7  Ebda wirt tal-Iżraelin m’għandu jgħaddi minn tribù għal ieħor, għax l-Iżraelin għandhom iżommu l-wirt tat-tribù taʼ missirijiethom. 8  U kull bint li għandha wirt fost it-tribujiet t’Iżrael għandha tiżżewweġ lil xi ħadd mit-tribù taʼ missierha, sabiex l-Iżraelin iżommu l-wirt taʼ missirijiethom. 9  Ebda wirt m’għandu jgħaddi minn tribù għal ieħor, għax it-tribujiet t’Iżrael għandhom iżommu l-wirt tagħhom stess.’” 10  Il-bniet taʼ Selofeħad għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 11  Għalhekk, Maħla, Tirsa, Ħogla, Milka, u Nogħa, il-bniet taʼ Selofeħad, iżżewġu kuġini min-naħa taʼ missierhom. 12  Iżżewġu rġiel mill-familji taʼ Manasse bin Ġużeppi sabiex il-wirt tagħhom jibqaʼ fit-tribù tal-familja taʼ missierhom. 13  Dawn huma l-kmandamenti u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li Ġeħova ta lill-Iżraelin permezz taʼ Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan f’Ġeriko.

Noti taʼ taħt