Numri 18:1-32

  • Id-dmirijiet tal-qassisin u l-Leviti (1-7)

  • Arranġamenti għall-qassisin (8-19)

    • Patt għal dejjem (19)

  • Il-Leviti jirċievu u jagħtu għaxra fil-100 (20-32)

18  Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: “Int, it-tfal tiegħek, u l-familja min-naħa taʼ missierek tbatu l-konsegwenzi għal kull regola tas-santwarju li tiksru, u int u t-tfal tiegħek tbatu l-konsegwenzi għal kull regola li tiksru li għandha x’taqsam max-xogħol tagħkom taʼ qassisin. 2  Ġib qrib lil ħutek tat-tribù taʼ Levi, it-tribù taʼ missirijietek, biex jingħaqdu miegħek u jagħtu servizz lilek u lit-tfal tiegħek quddiem it-tinda tat-Testimonjanza. 3  U jridu jagħmlu x-xogħol li tqabbadhom int u s-servizz kollu tat-tinda. Madankollu, ma jistgħux jersqu viċin l-għodod tal-post qaddis u lejn l-artal, sabiex la jmutu huma u lanqas intom. 4  Huma jgħinuk u jagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mat-tinda tal-laqgħa u s-servizz kollu tat-tinda, u ebda individwu mhux awtorizzat* ma jistaʼ jersaq lejkom. 5  Intom tridu tagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mal-post qaddis u l-artal, biex ma nkomplix nirrabja kontra l-poplu t’Iżrael. 6  Jien stess ħadt lil ħutek, il-Leviti, minn fost l-Iżraelin bħala rigal għalikom. Huma ngħataw lil Ġeħova biex jieħdu ħsieb is-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 7  Int u t-tfal tiegħek responsabbli biex bħala qassisin tagħmlu d-dmirijiet tagħkom li għandhom x’jaqsmu mal-artal u maʼ dak li hemm wara l-purtiera,* u tridu tagħtu dan is-servizz. Jien tajtkom l-inkarigu taʼ qassisin bħala rigal, u kwalunkwe individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jinqatel.” 8  Ġeħova kompla jgħid lil Aron: “Jien stess inkarigajtek biex tieħu ħsieb il-kontribuzzjonijiet li jagħtuni. Jien tajt lilek u lit-tfal tiegħek sehem mill-affarijiet qaddisin kollha li jagħtu l-Iżraelin. Dan hu arranġament għal żmien twil. 9  Dan ikun tiegħek mill-offerti l-iktar qaddisa li jiġu maħruqin: kull offerta li jagħmlu, inkluż l-offerti taċ-ċereali,* l-offerti għad-dnub, u l-offerti għall-ħtija li jġibuli. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa għalik u għat-tfal tiegħek. 10  Għandek tieklu f’post mill-iktar qaddis. Jistaʼ jieklu kull raġel. Ikun xi ħaġa qaddisa għalik. 11  Anki r-rigali li jagħtu l-Iżraelin flimkien mal-offerti li jiġu mxejrin ikunu tiegħek. Tajthom lilek u lit-tfal tiegħek subien u bniet bħala arranġament għal żmien twil. Kull min hu nadif f’darek jistaʼ jikolhom. 12  “Jien nagħtik l-aħjar kollu taż-żejt, tal-inbid ġdid, u taċ-ċereali, jiġifieri l-ewwel prodott tagħhom, li huma jagħtu lil Ġeħova. 13  L-ewwel prodott minn kulma hemm f’arthom, li se jġibu lil Ġeħova, isir tiegħek. Kull min hu nadif f’darek jistaʼ jieklu. 14  “Kull ħaġa ddedikata* f’Iżrael għandha ssir tiegħek. 15  “Kull l-ewwel imwieled taʼ bniedem jew t’annimal li huma jippreżentaw lil Ġeħova, għandu jsir tiegħek. Madankollu, żgur li għandek tifdi* lill-ewwel imwieled tal-bniedem u tal-annimal mhux nadif. 16  Għandek tifdih bil-prezz tal-ħelsien meta jkollu xahar jew iktar, skont il-valur stmat taʼ ħames xwiekel* fidda, skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu 20 gera.* 17  Huwa biss l-ewwel ferħ tal-baqra, nagħġa, u mogħża li m’għandekx tifdi. Huma xi ħaġa qaddisa. Għandek troxx demmhom fuq l-artal, u x-xaħam tagħhom għandek taħarqu bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* lil Ġeħova. 18  U laħamhom għandu jsir tiegħek, bħalma jsiru tiegħek is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq il-leminija. 19  Il-kontribuzzjonijiet qaddisin kollha li l-Iżraelin jagħtu lil Ġeħova, tajthom lilek u lit-tfal tiegħek subien u bniet, bħala arranġament għal żmien twil. Dan hu patt għal dejjem* quddiem Ġeħova għalik u għal dawk li se jiġu minnek.” 20  Ġeħova kompla jgħid lil Aron: “Mhux se jkollok wirt f’arthom, u ma jkollok ebda sehem minnha fosthom. Jien is-sehem u l-wirt tiegħek f’nofs l-Iżraelin. 21  “Jien tajt lit-tfal taʼ Levi kull għaxra fil-100 tal-prodott f’Iżrael bħala wirt għas-servizz li qed jagħmlu, is-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 22  L-Iżraelin m’għandhomx jibqgħu jersqu lejn it-tinda tal-laqgħa, inkella jagħmlu dnub u jmutu. 23  Il-Leviti stess jagħmlu s-servizz tat-tinda tal-laqgħa, u jkunu huma li jbatu l-konsegwenzi tal-iżbalji li jagħmel il-poplu kontra l-post qaddis. Huma m’għandhomx jieħdu wirt fost l-Iżraelin. Din hi liġi li tibqaʼ matul il-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom. 24  Għax bħala wirt jien tajt lil-Leviti l-għaxra fil-100 li jagħtu n-nies t’Iżrael lil Ġeħova. Huwa għalhekk li għedtilhom, ‘M’għandkomx tieħdu wirt f’nofs l-Iżraelin.’” 25  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 26  “Għid lil-Leviti, ‘Se tirċievu mingħand l-Iżraelin l-għaxra fil-100 li tajtkom mingħandhom bħala l-wirt tagħkom, u tridu tagħtu minnha għaxra fil-100 bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova. 27  U din tkun ikkunsidrata bħala l-kontribuzzjoni tagħkom, bħallikieku kienet miċ-ċereali, l-inbid, jew iż-żejt tagħkom. 28  B’dan il-mod, intom ukoll tagħtu kontribuzzjoni lil Ġeħova minn kull għaxra fil-100 li tirċievu mingħand l-Iżraelin, u minnhom tridu tagħtu lil Aron il-qassis il-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova. 29  Intom tagħtu kull tip taʼ kontribuzzjoni lil Ġeħova mill-aqwa nett tar-rigali kollha li tingħataw bħala xi ħaġa qaddisa.’ 30  “U għidilhom, ‘Meta intom il-Leviti tagħtu l-aħjar minnhom, imbagħad il-kontribuzzjoni tiġi kkunsidrata bħallikieku kienet miċ-ċereali, l-inbid, jew iż-żejt tagħkom. 31  Intom u n-nies taʼ darkom tistgħu tieklu l-bqija ta’ dak li tirċievu mill-Iżraelin fi kwalunkwe post, għaliex hu l-ħlas tagħkom għas-servizz li tagħmlu fit-tinda tal-laqgħa. 32  Sakemm tagħtu l-aħjar minnhom, ma tagħmlux dnub f’dan, u m’għandkomx tiddiżonoraw l-affarijiet qaddisin tal-Iżraelin, għax inkella tmutu.’”

Noti taʼ taħt

Letteralment “ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
Jiġifieri l-purtiera taʼ quddiem l-Iktar Qaddis.
Letteralment “kwalunkwe stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jiġifieri kull ħaġa li ssir qaddisa lil Alla billi tkun iddedikata lilu b’mod li din ma tistax titħassar u ma tistax tiġi mifdija.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “ix-xekel qaddis.”
Gera kien daqs 0.57 grammi. Ara App. B14.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Letteralment “patt tal-melħ.”