Numri 32:1-42
-
Jissetiljaw fil-Lvant tal-Ġordan (1-42)
32 Issa t-tfal taʼ Ruben u taʼ Gad kellhom kwantità kbira taʼ bhejjem, u raw li l-artijiet taʼ Ġagħżer u taʼ Gilegħad kienu reġjun tajjeb għall-bhejjem.
2 Għalhekk, it-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben marru għand Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-kapijiet tal-ġemgħa u qalu:
3 “Għatarot, Dibon, Ġagħżer, Nimra, Ħesbon, Elegħale, Sebam, Nebo, u Begħon,
4 it-territorju li Ġeħova rebaħ quddiem il-ġemgħa t’Iżrael, hu art tajba għall-bhejjem, u aħna, il-qaddejja tiegħek, għandna ħafna bhejjem.”
5 U komplew jgħidu: “Jekk taqbel, ħa tingħata lilna din l-art. Iġġegħelniex naqsmu l-Ġordan.”
6 Imbagħad Mosè qal lit-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben: “Għandhom ħutkom imorru għall-gwerra waqt li intom tibqgħu tgħixu hawnhekk?
7 Għala għandkom taqtgħu qalb in-nies t’Iżrael biex ma jaqsmux għall-art li Ġeħova żgur se jagħtihom?
8 Hekk għamlu missirijietkom meta bgħatthom minn Kades-barnegħa biex jaraw l-art.
9 Meta telgħu lejn il-Wied t’Eskol u raw l-art, huma qatgħu qalb in-nies t’Iżrael sabiex ma jidħlux fl-art li Ġeħova kien se jagħtihom.
10 Ġeħova tant irrabja dakinhar li ħalef:
11 ‘L-irġiel li telgħu mill-Eġittu minn 20 sena ’l fuq ma jarawx l-art li ħlift li nagħti lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, għaliex ma mxewx warajja b’qalbhom kollha,
12 ħlief Kaleb bin Ġefunne l-Keneżi u Ġożwè bin Nun, għaliex imxew warajja, Ġeħova, b’qalbhom kollha.’
13 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna kontra Iżrael u ġegħelhom jiġġerrew fid-deżert għal 40 sena, sakemm intemmet il-ġenerazzjoni kollha li kienet qed tagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.
14 Intom irġiel midinbin* bħal missirijietkom li żżidu r-rabja taʼ Ġeħova kontra Iżrael.
15 Jekk ma tibqgħux timxu warajh, hu żgur li jerġaʼ jitlaq lill-Iżraelin fid-deżert, u intom iġġibu qerda fuqhom kollha.”
16 Iktar tard, resqu lejh u qalulu: “Ħallina nibnu hawnhekk imqawel tal-ġebel għan-nagħaġ tagħna u bliet għat-tfal tagħna.
17 Imma aħna nibqgħu lesti għall-battalja u mmorru quddiem l-Iżraelin sakemm indaħħluhom f’arthom, filwaqt li t-tfal tagħna jgħixu fil-bliet iffortifikati, u b’hekk ikunu protetti min-nies li joqogħdu fil-pajjiż.
18 Ma nerġgħux lura lejn djarna qabel ma kull Iżraeli jkun irċieva l-art tiegħu bħala wirt.
19 Għax aħna mhux se nirċievu wirt magħhom in-naħa l-oħra tal-Ġordan, għaliex irċivejna l-wirt tagħna fuq in-naħa tal-Lvant tal-Ġordan.”
20 Mosè wiġibhom: “Jekk tieħdu l-armi biex tiggwerraw quddiem Ġeħova,
21 u jekk kull wieħed minnkom jieħu l-armi u jaqsam il-Ġordan quddiem Ġeħova hekk kif ikeċċi lill-għedewwa tiegħu minn quddiemu
22 sakemm l-art tiġi mrażżna quddiem Ġeħova, imbagħad tkunu tistgħu terġgħu lura u tkunu meħlusin mill-ħtija quddiem Ġeħova u Iżrael. Imbagħad din l-art issir il-wirt tagħkom quddiem Ġeħova.
23 Imma jekk ma tagħmlux hekk, intom tkunu dnibtu kontra Ġeħova. F’dan il-każ, kunu afu li se tbatu l-konsegwenzi tad-dnub tagħkom.
24 Għalhekk, tistgħu tibnu bliet għat-tfal tagħkom u mqawel għan-nagħaġ tagħkom, imma tridu tagħmlu dak li wegħedtu.”
25 It-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben qalu lil Mosè: “Sidna, aħna se nagħmlu bħalma qed tikkmanda.
26 It-tfal tagħna, in-nisa tagħna, l-imrieħel, u l-annimali kollha tagħna se joqogħdu hemmhekk fil-bliet taʼ Gilegħad,
27 imma aħna, il-qaddejja tiegħek, se naqsmu lkoll bl-armi għall-battalja biex niggwerraw quddiem Ġeħova, bħalma qed tgħidilna.”
28 B’hekk, Mosè ta kmand dwarhom lil Elegħażar il-qassis, lil Ġożwè bin Nun, u lill-kapijiet tal-familji tat-tribujiet t’Iżrael.
29 Mosè qalilhom: “Jekk it-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben jaqsmu l-Ġordan magħkom ilkoll armati għall-gwerra quddiem Ġeħova, u l-art tiġi mrażżna quddiemkom, imbagħad tridu tagħtuhom l-art taʼ Gilegħad biex tkun tagħhom.
30 Imma jekk ma jiħdux l-armi u ma jaqsmux magħkom, huma jgħixu f’nofskom fl-art taʼ Kangħan.”
31 U t-tfal taʼ Gad u taʼ Ruben wieġbu: “Aħna, il-qaddejja tiegħek, se nagħmlu dak li qal Ġeħova.
32 Aħna se nieħdu l-armi u naqsmu quddiem Ġeħova lejn l-art taʼ Kangħan, imma l-wirt li se nirċievu jkun fuq din in-naħa tal-Ġordan.”
33 U lit-tfal taʼ Gad, lit-tfal taʼ Ruben, u lil nofs it-tribù taʼ Manasse bin Ġużeppi, Mosè tahom is-saltna taʼ Siħon ir-re tal-Amurrin, u s-saltna t’Għog ir-re tal-Basan, jiġifieri l-art tal-bliet f’dawn it-territorji u l-bliet taʼ madwar l-art.
34 U t-tfal taʼ Gad bnew* Dibon, Għatarot, Għarogħer,
35 Għatrot-sofan, Ġagħżer, Ġogbegħa,
36 Bet-nimra, u Bet-ħaran, bliet iffortifikati, u bnew imqawel tal-ġebel għan-nagħaġ.
37 U t-tfal taʼ Ruben reġgħu bnew Ħesbon, Elegħale, Kirjatajm,
38 Nebo, u Bagħal-megħon, li isimhom ġie mibdul, u Sibma. Huma bdew jagħtu ismijiet ġodda lill-bliet li reġgħu bnew.
39 It-tfal taʼ Makir bin Manasse attakkaw Gilegħad u ħaduha taħt idejhom u keċċew ’il barra lill-Amurrin li kienu fiha.
40 Għalhekk, Mosè ta Gilegħad lil Makir bin Manasse u dan beda jgħix fiha.
41 U Ġajir bin Manasse attakka u ħa taħt idejh l-irħula taʼ Gilegħad, u semmiehom Ħawwot-ġajir.*
42 U Noba attakka u ħa taħt idejh lil Kenat u l-bliet li jiddependu minnha,* u semmieha Noba għalih stess.
Noti taʼ taħt
^ Jew “irġiel li tagħmlu d-dnub.”
^ Jew “reġgħu bnew.”
^ Ifisser “Irħula tat-Tined taʼ Ġajir.”
^ Jew “taʼ madwarha.”

