Numri 21:1-35
21 Meta r-re Kangħani t’Għarad, li kien jgħix fin-Negeb, semaʼ li Iżrael kien ġie mit-triq li tagħti għal Atarim, hu attakka lil Iżrael u ħa ftit minnhom bħala lsiera.
2 Għalhekk, Iżrael għamel din il-wegħda lil Ġeħova: “Jekk tagħtini f’idi lil dan il-poplu, jien żgur li neqred il-bliet tagħhom.”
3 U Ġeħova semaʼ l-Iżraelin u tahom f’idejhom il-Kangħanin, u huma qerdu lilhom u l-bliet tagħhom. Għaldaqstant, dan il-post semmewh Ħorma.*
4 Hekk kif komplew jivvjaġġaw mill-Muntanja Ħor billi għaddew mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar biex iduru mal-art t’Edom, in-nies għejew minħabba l-vjaġġ.
5 U n-nies baqgħu jgħidu kontra Alla u Mosè: “Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? La hawn ikel u lanqas ilma, u dan il-ħobż li ma jiswa xejn spiċċajna nobogħduh.”*
6 Għalhekk, Ġeħova bagħat sriep velenużi fost in-nies u gidmuhom. B’hekk mietu ħafna Iżraelin.
7 Allura, in-nies marru għand Mosè u qalulu: “Aħna dnibna għaliex tkellimna kontra Ġeħova u kontrik. Idħol għalina quddiem Ġeħova biex ineħħilna s-sriep.” U Mosè talab għan-nies.
8 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Agħmel forma ta’ serp velenuż u poġġih fuq arblu fejn jidher. Imbagħad meta xi ħadd jingidem, irid iħares lejh sabiex jibqaʼ ħaj.”
9 Mosè minnufih għamel serp tar-ram u poġġieh fuq l-arblu, u kull meta serp kien jigdem lil xi ħadd u dan kien iħares lejn is-serp tar-ram, kien jibqaʼ ħaj.
10 Wara dan, l-Iżraelin telqu u kkampjaw f’Obot.
11 Imbagħad telqu minn Obot u kkampjaw f’Ijje-għabarim, fid-deżert li qiegħed quddiem Mowab, lejn il-Lvant.
12 Minn hemm telqu u kkampjaw ħdejn il-Wied taʼ Żered.
13 U minn hemm telqu u kkampjaw fir-reġjun tal-Arnon, li qiegħed fid-deżert u li jibda mill-fruntiera tal-Amurrin. L-Arnon hu l-fruntiera taʼ Mowab, bejn Mowab u l-Amurrin.
14 Huwa għalhekk li l-ktieb tal-Gwerer taʼ Ġeħova jitkellem dwar “Waħeb f’Sufa u l-widien tal-Arnon,
15 u x-xaqliba* tal-widien, li tasal lejn il-post fejn hemm Ar u tmiss mal-fruntiera taʼ Mowab.”
16 Imbagħad marru f’post jismu Bir. Dan hu fejn hemm il-bir li dwaru Ġeħova qal lil Mosè: “Iġbor il-poplu ħa nagħtih l-ilma.”
17 Dakinhar, Iżrael kanta din l-għanja:
“Fawwar bir! Kantawlu!*
18 Dan hu l-bir li l-kapijiet ħaffru, li n-nobbli tal-poplu fetħu,Bil-bastun taʼ kmandant u bil-bsaten tagħhom stess.”
Imbagħad, huma telqu mid-deżert għal Mattana,
19 minn Mattana għal Naħaljel, u minn Naħaljel għal Bamot.
20 Huma telqu minn Bamot għall-wied li qiegħed fit-territorju* taʼ Mowab, fuq Pisga, li tħares lejn il-Ġesimon.*
21 Iżrael issa bagħat messaġġiera għand Siħon, ir-re tal-Amurrin, u qalulu:
22 “Ħallina ngħaddu minn artek. M’aħniex se nidħlu f’xi għalqa jew qasam tad-dwieli. Mhux se nixorbu ilma minn xi bir. Se ngħaddu minn Triq ir-Re sakemm noħorġu mit-territorju tiegħek.”
23 Imma Siħon ma ħalliex lil Iżrael jgħaddi mit-territorju tiegħu. Minflok, ġabar lin-nies kollha tiegħu, ħareġ għall-Iżraelin fid-deżert, wasal f’Ġaħas, u beda jiġġieled kontrihom.
24 Imma l-Iżraelin rebħulu u ħadu f’idejhom l-art tiegħu mill-Arnon sal-Ġabbok, ħdejn l-Għammonin, għaliex Ġagħżer hi mal-fruntiera tal-Għammonin.
25 Għalhekk, Iżrael ħadu dawn il-bliet kollha, u bdew jgħixu fil-bliet kollha tal-Amurrin, f’Ħesbon u fil-bliet kollha li jiddependu minnha.*
26 Għax Ħesbon kienet il-belt taʼ Siħon, ir-re tal-Amurrin, li kien iġġieled kontra r-re taʼ Mowab u ħadlu l-art kollha sal-Arnon.
27 Kien għalhekk li kien hemm dan il-proverbju sarkastiku:
“Ejjew Ħesbon.
Ħa tinbena l-belt taʼ Siħon u tkun b’saħħitha.
28 Għax ħareġ nar minn Ħesbon, fjamma mill-belt taʼ Siħon.
Qered lil Ar taʼ Mowab u lill-mexxejja tal-għoljiet tal-Arnon.
29 Gwaj għalik, Mowab! Int se tinqered, poplu taʼ Kemos!
Minħabba fih it-tfal tiegħu subien ikunu maħrubin u t-tfal tiegħu bniet isiru lsiera taʼ Siħon, ir-re tal-Amurrin.
30 Ejja nattakkawhom.
Ħesbon se tinqered sa Dibon;Ejja nħarbtuha sa Nofa.
Nar se jinfirex sa Medeba.”
31 Għalhekk, l-Iżraelin bdew jgħixu fl-art tal-Amurrin.
32 Imbagħad Mosè bagħat lil xi rġiel jitkixxfu x’fiha l-belt taʼ Ġagħżer. L-Iżraelin ħadu taħt idejhom il-bliet li jiddependu minnha* u keċċew l-Amurrin li kien hemm.
33 Wara dan, daru u telgħu minn Triq il-Basan. U Għog, ir-re tal-Basan, ħareġ mal-poplu kollu tiegħu biex jiġġieled magħhom f’Edrej.
34 Ġeħova qal lil Mosè: “Tibżax minnu, għax jien se nagħti f’idejk lilu, lill-poplu kollu tiegħu, u lil artu. Int tagħmillu bħalma għamilt lil Siħon, ir-re tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon.”
35 Għalhekk, l-Iżraelin qatlu lilu, lit-tfal tiegħu, u lill-poplu kollu tiegħu, sakemm ma kien baqaʼ ħadd ħaj, u ħadu f’idejhom l-art tiegħu.
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Iddedikat għall-Qerda.”
^ Jew “nistmerruh.”
^ Letteralment “il-ħalq.”
^ Letteralment “Wiġbuh!”
^ Letteralment “fl-għalqa.”
^ Jew forsi “d-deżert; ix-xagħri.”
^ Jew “taʼ madwarha.”
^ Jew “taʼ madwarha.”

