Dewteronomju 25:1-19
25 “Meta jinqalaʼ argument bejn tnejn min-nies, huma jistgħu jmorru quddiem l-imħallfin, u dawn jiġġudikawhom u jiddikjaraw lill-ġust innoċenti u lil dak mill-agħar ħati.
2 Jekk dak li hu mill-agħar ikun jistħoqqlu jiġi msawwat, l-imħallef iġiegħlu joqgħod mimdud, u dan jiġi msawwat quddiemu. Hu jaqlaʼ daqqiet skont kemm ikun gravi dak li għamel.
3 Hu jistaʼ jagħtih sa 40 daqqa, u mhux iktar. Jekk ikompli jagħtih iktar minn hekk, ħuk li għamel il-ħażen jiġi ddiżonorat quddiem għajnejk.
4 “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-barri meta jkun qed jidres* iċ-ċereali.*
5 “Jekk l-aħwa jkunu jgħixu viċin taʼ xulxin u wieħed minnhom imut mingħajr ma jkollu tifel, mart dak li miet m’għandhiex tiżżewweġ lil xi ħadd barra mill-familja. Ħu żewġha għandu jmur għandha, jiżżewwiġha, u jaqdi dmiru bħala ħu żewġha.
6 L-ewwel imwieled jiġi kkunsidrat bħala iben ir-raġel li miet, sabiex ismu ma jinqeridx minn Iżrael.
7 “Issa jekk ir-raġel ma jkunx irid jiżżewweġ l-armla taʼ ħuh, hi għandha tmur ħdejn bieb il-belt għand l-anzjani* u tgħid, ‘Ħu żewġi ma jridx iżomm isem ħuh ħaj f’Iżrael. Ma qabilx li jiżżewwiġni u jaqdi dmiru bħala ħu żewġi.’
8 L-anzjani taʼ beltu għandhom jgħajtulu u jkellmuh. Jekk hu jinsisti u jgħid, ‘Ma rridx niżżewwiġha,’
9 l-armla taʼ ħuh għandha tersaq lejh quddiem l-anzjani, tneħħilu s-sandlija minn siequ, tobżoqlu f’wiċċu, u tgħid, ‘Hekk għandhom jagħmlulu lir-raġel li ma jkunx irid ikollu iben għal ħuh.’
10 Wara dan, isem il-familja tiegħu* f’Iżrael ikun magħruf bħala: ‘Id-dar taʼ dak li tneħħietlu s-sandlija.’
11 “Jekk żewġt irġiel jibdew jiġġieldu flimkien u mart wieħed minnhom tersaq qrib biex tipproteġi lil żewġha minn dak li qed isawtu u hi toħroġ idha u taqbdu mill-partijiet privati tiegħu,
12 għandek taqtgħalha idha barra. M’għandux jiddispjaċik.
13 “Fil-basket tiegħek m’għandux ikollok żewġ ġebliet differenti li tiżen bihom, jiġifieri waħda tqila u oħra ħafifa.
14 F’darek m’għandux ikollok żewġ reċipjenti differenti li tkejjel bihom,* jiġifieri wieħed kbir u ieħor żgħir.
15 Għandu jkollok użin eżatt u ġust u kejl eżatt u ġust, sabiex tgħix ħajja twila fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek.
16 Għax kull bniedem inġust li jagħmel dawn l-affarijiet hu moqżież għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
17 “Ftakru x’għamlulkom l-Għamalekin fit-triq intom u ħerġin mill-Eġittu.
18 Meta ltaqgħu magħkom, attakkaw lil dawk kollha li nqatgħu lura minnkom waqt li kontu dgħajfin u għajjenin. Huma ma rrispettawx lil* Alla.
19 Meta Ġeħova l-Alla tagħkom ikun serraħkom mill-għedewwa kollha taʼ madwarkom, fl-art li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom bħala wirt, għandkom teqirdu għalkollox lill-Għamalekin ħalli qatt ma jiġu mfakkrin taħt is-sema. M’għandkomx tinsew.
Noti taʼ taħt
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “isem id-dar tiegħu.” Letteralment “ismu.”
^ Letteralment “ma beżgħux minn.”

