Dewteronomju 32:1-52

  • L-għanja taʼ Mosè (1-47)

    • Ġeħova, il-Blata (4)

    • Iżrael jinsa l-Blata tiegħu (18)

    • “Il-vendetta hi tiegħi” (35)

    • “Ġnus, ifirħu mal-poplu tiegħu” (43)

  • Mosè se jmut fuq il-Muntanja Nebo (48-52)

32  “Isma’ sema, u jien nitkellem,U ħa tismaʼ l-art dak li ngħid jien.  2  L-istruzzjoni tiegħi tinżel bħax-xita,Kliemi joqtor bħan-nida,Bħal irxiex fuq il-ħaxixU bħal ħalbiet tax-xita spissi fuq il-ħdura.  3  Għax jien se niddikjara l-isem taʼ Ġeħova. Nitkellem dwar il-kobor tal-Alla tagħna!  4  Hu l-Blata, dak li jagħmel hu perfett,Għax triqatu kollha huma ġusti. Hu Alla taʼ min jafdah li qatt mhu inġust;Hu ġust u sewwa.  5  Intom aġixxejtu b’mod mill-agħar. M’intomx it-tfal tiegħu, it-tort hu tagħkom stess. Intom ġenerazzjoni qarrieqa u mgħawġa!  6  Hekk għandek tittrattah lil Ġeħova,Poplu stupidu u bla għerf? Mhuwiex hu Missierek li ħalqek,Il-Wieħed li għamlek u saħħek?  7  Ftakar f’jiem il-qedem;Ikkunsidra s-snin tal-ġenerazzjonijiet tal-passat. Staqsi lil missierek u jgħidlek;Lil uħud imdaħħlin fiż-żmien u jinformawk.  8  Meta l-Iktar Għoli ta lill-popli l-wirt tagħhom,Meta fired lit-tfal t’Adam* minn xulxin,Hu għamel il-fruntiera tal-popliSkont kemm kienu t-tfal t’Iżrael.  9  Għax sehem Ġeħova hu l-poplu tiegħu;Ġakobb hu l-wirt tiegħu. 10  Hu sabu fid-deżert,U f’deżert vojt, li fih kien jinstemaʼ l-għajjat. Hu pproteġieh, ħa ħsiebu,U ddefendieh bħall-mimmi t’għajnejh. 11  Bħalma ajkla tgħallem il-frieħ tagħha jtiru,Ittir fuq il-frieħ tagħha,Tiftaħ ġwinħajha, taqbadhom,U ġġorrhom fuq ġwinħajha, 12  Ġeħova waħdu baqaʼ jmexxih;*Ma kien hemm ebda alla barrani miegħu. 13  Hu rikkbu fuq il-postijiet għoljin tal-art,U b’hekk kiel il-prodott tal-għelieqi. Tah jiekol l-għasel mill-irdumU ż-żejt minn blata taż-żnied, 14  Butir mill-merħla tal-baqar u ħalib mill-merħla tan-nagħaġ,Flimkien mal-aqwa* nagħaġ,U mtaten tal-Basan, u bdabad,Flimkien mal-aqwa* qamħ;U tah jixrob l-inbid mid-demm* tal-għeneb. 15  Meta Ġesurun* ħxien, hu rribella kontra sidu. Hu ħxien, simen, u mtela. Għalhekk, hu abbanduna lill-Alla li għamlu,U stmerr il-Blata tas-salvazzjoni tiegħu. 16  Hu ġiegħlu jirrabja billi qiem allat barranin;Beda joffendih b’affarijiet moqżieża. 17  Beda joffri sagrifiċċji lid-demonji, u mhux lil Alla,Lill-allat li ma kienx jaf,Allat ġodda li daħlu dan l-aħħar,Lill-allat li missirijietu ma kinux jafu. 18  Hu nesa l-Blata, lil Missieru,U ma ftakarx fl-Alla li welldu. 19  Meta Ġeħova ra dan, hu warrbu,Għax it-tfal tiegħu subien u bniet offendewh. 20  Għalhekk qal, ‘Jien se naħbi wiċċi minnhom;Ħa nara x’se jiġri minnhom. Għax huma ġenerazzjoni mħassra,Tfal li ma tistax tafdahom. 21  Huma ġegħluni nirrabja* billi qiemu allat foloz;Offendewni bl-idoli tagħhom li ma jiswew għal xejn. Allura jien se nqanqalhom jgħiru għal nies li mhumiex poplu;B’poplu stupidu se noffendihom. 22  Għax ir-rabja tiegħi qabbdet narLi se jaqbad sal-qiegħ tal-Qabar,*U se jeqred l-art u l-prodott tagħhaU jagħti n-nar lil kulma hemm taħt il-muntanji. 23  Se nżid il-gwaj tagħhom;Se nuża l-vleġeġ tiegħi fuqhom. 24  Huma jkunu dgħajfin minħabba l-ġuħ,Jittieklu minn deni qawwi, u jinqerdu għalkollox. Se nibgħat snien il-bhejjem kontrihomU l-velenu tas-sriep* tat-trab. 25  Barra, ix-xabla se tiħdilhom it-tfal;Ġewwa, se jkun hemm twerwirKemm għaż-żagħżugħ u kemm għall-verġni,Kemm għat-tarbija u kemm għal dak b’xagħru abjad. 26  Kieku kont ngħid: “Inxerridhom;Sabiex in-nies ma jiftakruhomx iktar,” 27  Imma m’għedtx hekk għax bżajt mir-reazzjoni tal-għadu,Għax l-għedewwa jistgħu jinterpretaw dan ħażin. Forsi jgħidu: Bil-qawwa tagħna rbaħna;Ma kienx Ġeħova li għamel dan kollu.” 28  Għax Iżrael hu poplu nieqes mill-għaqal,*U fosthom m’hemmx min hu kapaċi jifhem. 29  Mhux li kienu għorrief! Kieku kienu jirriflettu dwar dan. Kienu jaħsbu dwar il-konsegwenzi tagħhom. 30  Kif jistaʼ wieħed jiġri wara 1,000,U tnejn iġiegħlu 10,000 jaħarbu,Li kieku ma kienx għax il-Blata tagħhom kien biegħhomU Ġeħova kien tahom f’idejn l-għedewwa? 31  Għax il-blata tagħhom mhijiex bħall-Blata tagħna,Anki l-għedewwa tagħna fehmu dan. 32  Għax id-dielja tagħhom hi mid-dielja taʼ SodomaU mill-għelieqi tad-dwieli taʼ Gomorra. L-għeneb tagħhom għeneb velenuż,L-għenieqed tagħhom morri. 33  L-inbid tagħhom hu l-velenu tas-sriep,Il-velenu qattiel tal-kobri. 34  Mhuwiex dak kollu li għamlu maħżun għandi,Magħluq sew fil-maħżen tiegħi? 35  Il-vendetta hi tiegħi, anki t-tpattija,Għaż-żmien stabbilit meta sieqhom togħtor,Għax jum id-diżastru tagħhom hu qrib,U dak li qed jistenniehom ġej malajr.’ 36  Għax Ġeħova se jiġġudika lill-poplu tiegħu,U se jitħassar* lill-qaddejja tiegħu,Meta jara li s-saħħa tagħhom naqset,U li fadal biss dawk bla ħila u dgħajfin. 37  Imbagħad hu jgħid, ‘Fejn huma allathom,Il-blata li fittxew il-kenn fiha, 38  Li kienu jieklu x-xaħam tas-sagrifiċċji* tagħhomU jixorbu l-inbid tal-offerti tax-xorb tagħhom? Ħa jqumu jgħinukom. Ħa jsiru għalikom post taʼ kenn. 39  Araw issa li jien—jien Alla,U m’hemmx allat ħliefi. Jien nagħti l-mewt, u jien nagħti l-ħajja. Jien nagħmel ferita, u jien infejjaq,U ħadd ma jistaʼ jeħles lil ħaddieħor minn idi. 40  Għax nerfaʼ idi lejn is-sema,U naħlef: “Daqskemm jien ħaj għal dejjem,” 41  Jekk insinn ix-xabla tleqq tiegħi,U nlesti idi għall-ġudizzju,Jien nagħmel vendetta mill-avversarji tiegħiU npattiha lil dawk li jobogħduni. 42  Inġiegħel il-vleġeġ tiegħi jiskru bid-demm,Bid-demm tal-maqtulin u tal-ilsiera. U x-xabla tiegħi tiekol il-laħamMill-irjus tal-mexxejja tal-għadu.’ 43  Nies ta’ popli oħra, ifirħu mal-poplu tiegħu,Għax hu se jitħallas għad-demm tal-qaddejja tiegħu,U jagħmel vendetta mill-avversarji tiegħuU jagħmel tpattija għall-art* tal-poplu tiegħu.” 44  B’hekk Mosè, flimkien maʼ Ħosegħa* bin Nun, mar u reġaʼ qal il-kliem kollu taʼ din l-għanja biex jisimgħuh in-nies. 45  Wara li Mosè spiċċa jgħid dan il-kliem kollu lill-Iżraelin kollha, 46  hu qalilhom: “Ħudu bis-serjetà l-kliem kollu li llum qed ngħidilkom bħala twissija, sabiex tikkmandaw lit-tfal tagħkom biex ikunu ċerti li jagħmlu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi. 47  Għax dan mhux kliem vojt, imma jfisser ħajjitkom, u b’dan il-kliem tistgħu tgħixu ħajja twila fl-art li se taqsmu l-Ġordan biex tiħduha f’idejkom.” 48  Ġeħova kellem lil Mosè dakinhar stess u qallu: 49  “Itlaʼ fuq din il-muntanja t’Għabarim, il-Muntanja Nebo, li qiegħda fl-art taʼ Mowab faċċata taʼ Ġeriko, u ħares lejn l-art taʼ Kangħan, li qed nagħti lill-Iżraelin biex tkun tagħhom. 50  Imbagħad int tmut fuq il-muntanja li se titlaʼ fuqha u tinġabar maʼ niesek,* bħalma miet ħuk Aron fuq il-muntanja Ħor u nġabar maʼ niesu, 51  għax it-tnejn li intom ma kontux leali lejja fost l-Iżraelin ħdejn l-ilmijiet taʼ Meriba taʼ Kades fid-deżert taż-Żin, għax ma qaddistunix quddiem il-poplu t’Iżrael. 52  Se tara l-art mill-bogħod, imma m’intix se tidħol fl-art li qed nagħti lill-poplu t’Iżrael.”

Noti taʼ taħt

Jew forsi “lir-razza umana.”
Jiġifieri lil Ġakobb.
Letteralment “max-xaħam taʼ.”
Letteralment “max-xaħam tal-kilwa taʼ.”
Jew “mill-meraq.”
Ifisser “Wieħed Ġust,” titlu onorarju għal Iżrael.
Jew “ngħir.”
Jew “taʼ Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “tar-rettilli.”
Jew forsi “li ma jismax il-parir.”
Jew “jiddispjaċih għal.”
Jew “jieklu l-aqwa sagrifiċċji.”
Jew “inaddaf l-art.”
L-isem oriġinali taʼ Ġożwè. Ħosegħa hu forma mqassra taʼ Ħosajja li jfisser “Salvat minn Jah; Jah Salva.”
Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.