Dewteronomju 16:1-22

  • Il-Qbiż; il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira (1-8)

  • Il-Festa tal-Ġimgħat (9-12)

  • Il-Festa tal-Għerejjex (13-17)

  • Jiġu inkarigati mħallfin (18-20)

  • Oġġetti taʼ qima pprojbiti (21, 22)

16  “Ftakar li x-xahar taʼ Abib* hu importanti, u ċċelebra l-Qbiż lil Ġeħova l-Alla tiegħek, għax fix-xahar taʼ Abib, Ġeħova l-Alla tiegħek ħarġek mill-Eġittu billejl. 2  U offri s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova l-Alla tiegħek min-nagħaġ u mill-baqar fil-post li jagħżel Ġeħova biex jiġi mfaħħar ismu. 3  Mas-sagrifiċċju tiekol xejn li fih il-ħmira. Għal sebat ijiem għandek tiekol ħobż bla ħmira, il-ħobż tat-tbatija, għax int ħriġt mill-art tal-Eġittu bl-għaġla. Agħmel dan biex kemm iddum ħaj tiftakar fil-jum li ħriġt mill-art tal-Eġittu. 4  Ebda għaġina bil-ħmira m’għandha tinstab fit-territorju kollu tiegħek għal sebat ijiem, u ebda laħam li toffri bħala sagrifiċċju filgħaxija fl-ewwel jum m’għandu jitħalla l-lejl kollu sa filgħodu. 5  Ma tistax toffri s-sagrifiċċju tal-Qbiż fi kwalunkwe belt li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek. 6  Imma għandek toffrih fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek biex jiġi mfaħħar ismu. Għandek toffri s-sagrifiċċju tal-Qbiż filgħaxija malli tinżel ix-xemx, fiż-żmien stabbilit li ħriġt mill-Eġittu. 7  U sajru u kulu fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek, u filgħodu tkun tistaʼ tmur lura lejn it-tined tiegħek. 8  Għal sitt ijiem għandek tiekol ħobż bla ħmira, u fis-sebaʼ jum ikun hemm assemblea speċjali għal Ġeħova l-Alla tiegħek. Tagħmel ebda xogħol. 9  “Għandek tgħodd sebaʼ ġimgħat. Tibda tgħodd sebaʼ ġimgħat mill-ewwel darba li taħsad iċ-ċereali* fl-għalqa. 10  Imbagħad iċċelebra l-Festa tal-Ġimgħat lil Ġeħova l-Alla tiegħek bl-offerta volontarja minn idek, mogħtija skont il-barka li jkun tak Ġeħova l-Alla tiegħek. 11  U ifraħ quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek, flimkien m’ibnek, bintek, l-ilsir tiegħek, l-ilsira tiegħek, il-Levita li qiegħed fil-bliet* tiegħek, ir-resident barrani, l-orfni,* u l-armla, li qegħdin f’nofsok, fil-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu. 12  Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu, u obdi bir-reqqa dawn ir-regoli. 13  “Għandek tiċċelebra l-Festa tal-Għerejjex* għal sebat ijiem meta tiġbor mill-prodott tal-għelieqi, miż-żejt taż-żebbuġa, u mill-inbid tiegħek. 14  Ifraħ matul il-festa tiegħek, flimkien m’ibnek, bintek, l-ilsir tiegħek, l-ilsira tiegħek, il-Levita, ir-resident barrani, l-orfni, u l-armla, li qegħdin fil-bliet tiegħek. 15  Għandek tiċċelebra l-festa lil Ġeħova l-Alla tiegħek għal sebat ijiem fil-post li jagħżel Ġeħova, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierek il-prodott kollu tiegħek u kulma tagħmel, u ħlief ferħ ma jkollokx. 16  “Tliet darbiet fis-sena, l-irġiel kollha tiegħek għandhom jidhru quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek fil-post li jagħżel: fil-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, fil-Festa tal-Ġimgħat, u fil-Festa tal-Għerejjex.* Ħadd minnhom m’għandu jidher quddiem Ġeħova b’idu vojta. 17  Ir-rigal li kull wieħed iġib għandu jkun skont il-barka li jkun tah Ġeħova l-Alla tiegħek. 18  “Għandek tinkariga mħallfin u uffiċjali għal kull tribù fil-bliet kollha* li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik, u dawn iridu jiġġudikaw lin-nies b’ġudizzju ġust. 19  M’għandekx tgħawweġ il-ġustizzja, turi preferenzi, jew taċċetta tixħim, għax it-tixħim jagħmi għajnejn l-għorrief u jgħawweġ il-kliem tan-nies sewwa. 20  Tfittex xejn ħlief il-ġustizzja, sabiex tibqaʼ ħaj u tieħu f’idejk l-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek. 21  “Tħawwel ebda tip taʼ siġra bħala arblu sagru* ħdejn l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek li tagħmel għalik. 22  “Lanqas m’għandek twaqqaf għalik pilastru sagru, xi ħaġa li Ġeħova l-Alla tiegħek jobgħod.

Noti taʼ taħt

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “it-tifel bla missier.”
Jew “tat-Tined Temporanji.”
Jew “tat-Tined Temporanji.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien kollha tiegħek.”