Dewteronomju 21:1-23
21 “Jekk jinstab xi ħadd maqtul f’għalqa fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk u ma jkunux jafu min qatlu,
2 l-anzjani* u l-imħallfin tiegħek joħorġu u jkejlu d-distanza mill-ġisem mejjet sal-bliet li qegħdin madwaru.
3 Imbagħad l-anzjani tal-belt li hi l-eqreb tal-ġisem mejjet għandhom jieħdu mill-merħla baqra żgħira li qatt ma jkunu ħadmu biha u qatt ma ġibdet madmad,
4 u jiħduha lejn wied bl-ilma ġieri fejn l-art ma tinħadimx u ma tinżerax, u għandhom jiksru għonq il-baqra żgħira fil-wied.
5 “U l-qassisin Leviti jridu jkunu hemm ukoll għax Ġeħova l-Alla tiegħek għażilhom biex jaqduh u biex ibierku f’isem Ġeħova. Huma jiddikjaraw kif għandu jissolva kull argument li jinvolvi l-vjolenza.
6 Imbagħad l-anzjani kollha tal-belt li hi l-eqreb tal-ġisem mejjet tal-persuna għandhom jaħslu jdejhom fuq il-baqra żgħira, li kisrulha għonqha fil-wied,
7 u għandhom jiddikjaraw, ‘Idejna ma xerrdux dan id-demm u għajnejna ma rawhx jixxerred.
8 Ġeħova titlobx kont taʼ dan mill-poplu tiegħek Iżrael, li lilu fdejt,* u eħilsu mill-ħtija taʼ qtil* taʼ persuna innoċenti.’ Imbagħad huma ma jintalbux jagħtu kont tal-qtil.
9 B’dan il-mod tneħħi l-ħtija taʼ qtil taʼ persuna innoċenti minn nofsok billi tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.
10 “Jekk toħroġ għall-gwerra kontra l-għedewwa tiegħek u Ġeħova l-Alla tiegħek jirbħilhom għalik u int tiħodhom fil-jasar,
11 u tara fost l-ilsiera mara sabiħa u tinġibed lejha u tkun trid tiżżewwiġha,
12 int tkun tistaʼ ddaħħalha f’darek. Hi mbagħad trid tqaxxar xagħarha, taqtaʼ difrejha,
13 tneħħi l-ilbies tal-jasar tagħha, u tgħix f’darek. Hi tibki lil missierha u lil ommha għal xahar sħiħ, u wara jistaʼ jkollok x’taqsam magħha. Int issir żewġha u hi ssir martek.
14 Imma jekk ma tkunx kuntent biha, għandek tħalliha titlaq fejn tixtieq hi. Imma ma tistax tbigħha jew tittrattaha bl-aħrax, ladarba tkun umiljajtha.
15 “Jekk raġel ikollu żewġ nisa, u jkun iħobb waħda iktar mill-oħra* u jkollu t-tfal mit-tnejn li huma u l-ewwel tifel ikun taʼ dik inqas maħbuba,
16 dakinhar li jagħti l-wirt lit-tfal tiegħu, hu ma jistax jittratta lit-tifel tal-maħbuba bħala l-ewwel imwieled tiegħu, u b’hekk imur minn taħt it-tifel taʼ dik inqas maħbuba, li hu l-ewwel imwieled.
17 Hu għandu jirrikonoxxi lit-tifel taʼ dik inqas maħbuba bħala l-ewwel imwieled billi jagħtih sehem doppju taʼ kulma għandu, għaliex dan hu l-ewwel tifel tiegħu.* Id-dritt tal-ewwel imwieled hu tiegħu.
18 “Jekk raġel ikollu tifel ribelluż, rasu iebsa, ma jobdix lilu jew lil ommu, u ma semax minnhom għalkemm ipprovaw jikkoreġuh,
19 missieru u ommu jridu jaqbduh u jiħduh għand l-anzjani f’bieb il-belt tiegħu,
20 u jgħidulhom, ‘Dan it-tifel ribelluż, rasu iebsa, u ma jridx jobdina. Hu għandu l-vizzju li jiekol iżżejjed u sakranazz.’
21 Imbagħad l-irġiel kollha tal-belt tiegħu jridu jwaddbulu l-ġebel sakemm imut. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo nofsok, u Iżrael kollu jismaʼ u jibżaʼ.
22 “Jekk raġel jagħmel dnub li jistħoqqlu l-mewt, u jinqatel, u int iddendlu maʼ zokk,
23 il-ġisem tiegħu m’għandux jibqaʼ l-lejl kollu mdendel maz-zokk. Minflok qis li tidfnu dakinhar stess, għaliex min jiġi mdendel ikun xi ħaġa misħuta minn Alla. Int m’għandekx tniġġes l-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt.
Noti taʼ taħt
^ Jew “mill-ħtija taʼ demm.”
^ Letteralment “żewġ nisa, waħda maħbuba u l-oħra mibgħuda.”
^ Jew “il-bidu tal-qawwa riproduttiva tiegħu.”

