Dewteronomju 34:1-12
34 Imbagħad Mosè telaʼ mill-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab għal fuq il-Muntanja Nebo, fuq il-quċċata tal-Pisga, li hi faċċata taʼ Ġeriko. U Ġeħova wrieh l-art kollha, minn Gilegħad sa Dan,
2 u Naftali kollu u l-art t’Efrajm u Manasse, u l-art kollha taʼ Ġuda sal-baħar tal-Punent,*
3 u n-Negeb u d-distrett tal-Ġordan, il-pjanura fil-wied taʼ Ġeriko, il-belt tas-siġar tal-palm, sa Sogħar.
4 Imbagħad Ġeħova qallu: “Din hi l-art li dwarha ħlift lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb, u għedt, ‘Lid-dixxendenti tiegħek* se nagħtiha.’ Jien ħallejtek taraha b’għajnejk stess, imma m’intix se taqsam għal hemmhekk.”
5 Imbagħad Mosè, il-qaddej taʼ Ġeħova, miet hemmhekk fl-art taʼ Mowab bħalma kien qal Ġeħova.
6 Hu difnu fil-wied fl-art taʼ Mowab, faċċata taʼ Bet-pegħor, u sa dan il-jum ħadd ma jaf fejn hu l-qabar tiegħu.
7 Mosè kellu 120 sena meta miet. Hu kien għadu jara ċar u b’saħħtu.
8 In-nies t’Iżrael damu 30 jum jibku lil Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab. Imbagħad għaddew il-jiem tal-biki u tal-vistu għal Mosè.
9 Ġożwè bin Nun kien mimli bl-għerf,* għax Mosè kien qiegħed idu fuqu u inkarigah. U l-Iżraelin bdew jisimgħu minnu, u għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
10 Imma qatt ma reġaʼ kien hemm f’Iżrael profeta bħal Mosè, li Ġeħova kien jafu wiċċ imb wiċċ.
11 Hu għamel is-sinjali u l-mirakli kollha li Ġeħova bagħtu jagħmel fl-art tal-Eġittu quddiem il-Fargħun, il-qaddejja kollha tiegħu, u l-art kollha tiegħu,
12 u hu wera id b’saħħitha u qawwa tal-għaġeb quddiem għajnejn Iżrael kollu.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri l-Baħar il-Kbir, il-Mediterran.
^ Jew “Lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “bl-għerf li jiġi mill-ispirtu t’Alla.”

