Dewteronomju 19:1-21

  • Il-ħtija taʼ qtil u l-bliet taʼ refuġju (1-13)

  • M’għandhomx iċaqalqu l-marki tal-fruntiera (14)

  • Xhieda fil-qorti (15-21)

    • Irid ikun hemm żewġ xhieda jew tlieta (15)

19  “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek jeqred il-popli li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik arthom, u int tkun ħadtilhom il-propjetà tagħhom u tkun qed tgħix fi bliethom u fi djarhom, 2  agħżel tlett ibliet għalik f’nofs artek li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk. 3  Aqsam fi tlieta t-territorju tal-art li tak Ġeħova l-Alla tiegħek, u pprepara t-toroq biex kull min joqtol ikun jistaʼ jaħrab f’waħda minn dawn il-bliet. 4  “Dak li joqtol ikun jistaʼ jaħrab hemm biex jgħix jekk ikun ta daqqa bi żball lil sieħbu li ma kienx jobogħdu qabel. 5  Pereżempju, jekk imur fil-foresta maʼ sieħbu biex jiġbor l-injam, u jgħolli l-mannara biex jaqtaʼ siġra, imma l-ħadida tal-mannara ttir minn mal-manku u tolqot lil sieħbu u jmut, dak li jkun qatel għandu jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet ħalli jibqaʼ ħaj. 6  Imma li kieku t-triq lejn il-belt tkun twila wisq, dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, f’mument taʼ rabja* jistaʼ jitlaq jiġri wara dak li jkun qatel, jilħqu, u joqtlu. Madankollu, ma jkunx jistħoqqlu jmut għaliex ma kienx jobgħod lil sieħbu qabel. 7  Huwa għalhekk li qed nikkmandak biex tagħżel tlett ibliet. 8  “Ġeħova l-Alla tiegħek se jkabbar it-territorju tiegħek bħalma ħalef lil missirijietek u jagħtik l-art kollha li wegħedhom. 9  Imma biex jiġri dan, int għandek tobdi b’lealtà l-kmandamenti kollha li qed nagħtik illum. Dan ifisser li għandek tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek u dejjem timxi fi triqatu. Imbagħad meta jkollok iktar art, żid tlett ibliet oħrajn taʼ refuġju. 10  B’dan il-mod, ma jixxerred ebda demm taʼ nies innoċenti fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt, u ma tkunx ħati tal-mewt taʼ xi ħadd. 11  “Imma jekk raġel ikun jobgħod lil sieħbu, u kien qed ifittex opportunità biex joqtlu u tah daqqa u miet, u r-raġel jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet, 12  l-anzjani* taʼ beltu jridu jibagħtu għalih minn hemmhekk u jagħtuh f’idejn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, u għandu jmut. 13  M’għandekx titħassru. B’hekk Iżrael ma jkunx ħati taʼ qtil taʼ xi ħadd innoċenti, u tirnexxi. 14  “Meta tirċievi l-wirt tiegħek fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek biex tiħodha f’idejk, tressaqx il-marka tal-fruntiera tal-ġar tiegħek mill-post fejn l-antenati jkunu għamlu l-fruntieri. 15  “Xhud wieħed m’għandux jikkundanna* lil xi ħadd għal xi żball jew dnub li għandu mnejn għamel. Il-kwistjoni għandha tiġi stabbilita skont ix-xhieda taʼ żewġ persuni jew tlieta. 16  Jekk xhud li jippjana l-ħsara kontra raġel jixhed kontrih u jakkużah li kiser il-liġi, 17  dawn iż-żewġt irġiel li jkollhom l-argument iridu jmorru quddiem Ġeħova, jiġifieri quddiem il-qassisin u l-imħallfin li jkunu qed jaqdu dak iż-żmien. 18  L-imħallfin iridu jinvestigaw sew, u jekk ix-xhud ikun gideb u jkun akkuża lil ħuh b’mod falz, 19  agħmlulu bħalma kellu f’moħħu li jagħmel lil ħuh. Tridu tneħħu dak li hu ħażin minn ġo nofskom. 20  Il-bqija tan-nies se jisimgħu u jibżgħu, u qatt ma jerġgħu jagħmlu xi ħaġa ħażina bħal din f’nofsok. 21  M’għandekx titħassru. Għandek tagħti ħajja għal ħajja, għajn għal għajn, sinna għal sinna, id għal id, u sieq għal sieq.

Noti taʼ taħt

Letteralment “minħabba li qalbu tkun taħraq.”
Letteralment “iqum kontra.”