Dewteronomju 8:1-20

  • Jiġu mfakkrin il-barkiet mingħand Ġeħova (1-9)

    • “Il-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss” (3)

  • Tinsiex lil Ġeħova (10-20)

8  “Għandek toqgħod attent li tobdi kull kmandament li qed nagħtik illum, sabiex tibqaʼ ħaj, ikollok it-tfal, u tidħol u tieħdu l-art li dwarha Ġeħova ħalef lil missirijietek. 2  Ftakar fit-triq twila li Ġeħova l-Alla tiegħek mexxiek dawn l-40 sena fid-deżert, biex jgħallmek tkun umli u jkun jaf x’kellek f’qalbek, jekk kontx se tobdi l-kmandamenti tiegħu jew le. 3  Għalhekk, għallmek tkun umli u ħalliek tbati l-ġuħ u temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu tafu biha, sabiex iġiegħlek tkun taf li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss imma b’kull kelma li jgħid Ġeħova. 4  Il-ħwejjeġ li lbist ma qdimux fuqek, u saqajk ma ntefħux dawn l-40 sena. 5  Int taf tajjeb li bħalma raġel jikkoreġi lil ibnu, Ġeħova l-Alla tiegħek kien qed jikkoreġi lilek. 6  “Issa int għandek tobdi l-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek billi tgħix fi qbil magħhom u tirrispettah ħafna.* 7  Għax Ġeħova l-Alla tiegħek qed idaħħlek f’art tajba, art li fiha widien bl-ilma, għejun u ilmijiet fondi ħerġin għal ġol-pjanura fil-wied u ġor-reġjun muntanjuż, 8  art b’abbundanza taʼ qamħ, xgħir,* dwieli, siġar tat-tin, rummien, żejt taż-żebbuġa, u għasel, 9  art li fiha l-ikel ma jkunx skars u ma jkun jonqsok xejn, art li l-ġebel tagħha fih il-ħadid u mill-muntanji tagħha taqtaʼ r-ram. 10  “Meta tkun kilt u xbajt, faħħar lil Ġeħova l-Alla tiegħek għall-art tajba li tak. 11  Oqgħod attent li ma tinsiex lil Ġeħova l-Alla tiegħek billi ma tobdix il-kmandamenti, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u l-liġijiet tiegħu li qed nikkmandak illum. 12  Meta tiekol u tixbaʼ u tibni djar sbieħ u tgħix fihom, 13  u meta l-baqar u n-nagħaġ tiegħek jiżdiedu u jiżdidulek il-fidda u d-deheb u jkollok abbundanza minn kollox, 14  tħallix lil qalbek titkabbar u b’hekk tinsa lil Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu fejn kont ilsir, 15  li mexxiek fid-deżert kbir, tal-biżaʼ, bla ilma, u bi sriep u skorpjuni velenużi. Hu ħareġ l-ilma mill-blata taż-żnied 16  u temgħek il-manna fid-deżert, li missirijietek ma kinux jafu biha, biex jgħallmek tkun umli u jgħaddik minn prova ħalli jkun taʼ benefiċċju għalik fil-futur. 17  Jekk tgħid f’qalbek, ‘Bil-qawwa u bis-saħħa tiegħi ksibt dan il-ġid,’ 18  ftakar li hu Ġeħova l-Alla tiegħek li jagħtik il-qawwa biex tikseb il-ġid, sabiex iżomm il-patt tiegħu li ħalef lil missirijietek, bħalma għamel sal-lum. 19  “Jekk tinsew lil Ġeħova l-Alla tagħkom u timxu wara allat oħrajn, taqduhom, u tmilu quddiemhom, jien inwissikom illum li żgur tmutu. 20  Tmutu bħall-popli li Ġeħova qed jeqred minn quddiemkom, għaliex ma tkunux smajtu minn leħen Ġeħova l-Alla tagħkom.

Noti taʼ taħt

Letteralment “tibżaʼ minnu.”
Jiġifieri barley.