Dewteronomju 11:1-32

  • Intom rajtu l-kobor taʼ Ġeħova (1-7)

  • L-Art Imwiegħda (8-12)

  • Jekk jobdu jiġu mberkin (13-17)

  • Daħħlu l-kliem t’Alla f’qalbkom (18-25)

  • “Barka jew saħta” (26-32)

11  “Ħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek u dejjem agħmel dak li jitlob minnek u obdi l-liġijiet, id-deċiżjonijiet ġudizzjali, u l-kmandamenti tiegħu. 2  Intom tafu li llum qed inkellem lilkom u mhux lit-tfal tagħkom li m’esperjenzawx jew ma rawx id-dixxiplina taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, il-kobor tiegħu, u l-id b’saħħitha u l-qawwa tiegħu. 3  Huma ma rawx is-sinjali tiegħu u dak li għamel fl-Eġittu lill-Fargħun ir-re tal-Eġittu u lil artu kollha; 4  jew dak li għamel lill-armati tal-Eġittu, liż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra tal-Fargħun, li għattiehom bl-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar meta kienu qed jiġru warajkom, u li Ġeħova qeridhom darba għal dejjem. 5  Huma ma rawx x’għamel għalikom* fid-deżert sakemm ġejtu f’dan il-post, 6  jew x’għamel lil Datan u lil Abiram, it-tfal t’Eljab bin Ruben, meta l-art infetħet u belgħet lilhom, lin-nies taʼ darhom, it-tined tagħhom, u kull ħaġa ħajja li mxiet warajhom, quddiem għajnejn Iżrael kollu. 7  Intom rajtu b’għajnejkom stess l-affarijiet kbar kollha li għamel Ġeħova. 8  “Obdu l-kmandamenti kollha li qed nagħtikom illum, sabiex issiru poplu b’saħħtu u tidħlu fl-art biex tiħduha f’idejkom, 9  u sabiex tgħixu ħajja twila fl-art li Ġeħova ħalef li jagħti lil missirijietkom u lil dawk li kienu se jiġu minnhom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. 10  “L-art li se tieħdu f’idejkom mhix bħall-art tal-Eġittu li ħriġtu minnha, fejn kontu tiżirgħu ż-żerriegħa u taħdmu iebes ħafna biex issaqquha,* bħalma ssaqqu ġnien tal-ħxejjex. 11  Imma l-art li daqt sejrin fiha u li se tieħdu hi art bil-muntanji u bil-pjanuri fil-widien. Din tixrob l-ilma li jinżel mis-sema. 12  Din hi art li jieħu ħsiebha Ġeħova l-Alla tiegħek. Għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek huma l-ħin kollu fuqha, matul is-sena kollha. 13  “U jekk tobdu bir-reqqa l-kmandamenti t’Alla* li qed jispjegalkom illum, tħobbu lil Ġeħova l-Alla tagħkom, u taqduh b’qalbkom u b’ruħkom* kollha, 14  hu* wkoll jagħti x-xita lill-għelieqi tagħkom fiż-żmien xieraq, xita tal-ħarifa u xita tar-rebbiegħa, u intom tiġbru ċ-ċereali,* l-inbid ġdid, u ż-żejt tagħkom. 15  U hu jipprovdilkom il-ħaxix fl-għelieqi għall-imrieħel tagħkom, u intom tieklu u tixbgħu. 16  Oqogħdu attenti li ma tħallux lil qalbkom tiżvija u tqimu allat oħrajn u tmilu quddiemhom. 17  Inkella, Ġeħova jirrabja ħafna magħkom, u jagħlaq is-sema sabiex ma tagħmilx xita u l-art ma tagħtix il-prodott tagħha, u intom malajr tmutu fl-art tajba li Ġeħova qed jagħtikom. 18  “U daħħlu dan il-kliem tiegħi f’qalbkom u f’ruħkom* u orbtuh bħala sinjal m’idkom, u jrid ikun bħala sinjal* fuq moħħkom.* 19  Għallmuh lit-tfal tagħkom billi titkellmu dwaru meta toqogħdu bilqiegħda f’darkom, meta timxu fit-triq, meta timteddu, u meta tqumu. 20  Iktbuh fuq il-koxox tal-bieb taʼ darkom u fuq il-bibien taʼ beltkom, 21  sabiex intom u t-tfal tagħkom tgħixu ħajja twila fl-art li Ġeħova ħalef li jagħti lil missirijietkom, sakemm is-sema tibqaʼ fuq l-art. 22  “Jekk iżżommu bir-reqqa mal-kmandamenti li qed nagħtikom, tobduhom, tħobbu lil Ġeħova l-Alla tagħkom, timxu fit-triqat kollha tiegħu, u tintrabtu miegħu, 23  Ġeħova jkeċċi lil dawn il-popli kollha minn quddiemkom, u intom tieħdu l-propjetà taʼ popli akbar u aqwa minnkom. 24  Kull post li tirfsu fuqu jsir tagħkom. Il-fruntiera tagħkom tkun mid-deżert sal-Libanu, u mix-Xmara Ewfrat sal-baħar tal-Punent.* 25  Ħadd ma jwaqqafkom. Ġeħova l-Alla tagħkom se jġiegħel lin-nies tal-art kollha li timxu fiha jitkexkxu u jibżgħu minnkom, bħalma wegħedkom. 26  “Illum qed nagħtikom għażla, tistgħu tagħżlu barka jew saħta. 27  Ikollkom il-barka jekk tobdu l-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom li qed nikkmandakom illum. 28  U jkollkom is-saħta jekk ma tobdux il-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom, jekk twarrbu mit-triq li qed nikkmandakom timxu fiha llum, u jekk timxu wara allat li ma tafux. 29  “Meta Ġeħova l-Alla tagħkom idaħħalkom fl-art li se tieħdu f’idejkom, tridu tgħidu x’inhuma l-barkiet lin-nies minn fuq il-Muntanja Geriżim u x’inhuma s-saħtiet lin-nies fuq il-Muntanja Għebal. 30  Dawn qegħdin fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan lejn il-Punent,* fl-art tal-Kangħanin li jgħixu fl-Għaraba, faċċata taʼ Gilgal, ħdejn is-siġar il-kbar taʼ More. 31  Għax intom se taqsmu l-Ġordan biex tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art li qed jagħtikom Ġeħova l-Alla tagħkom. Meta tiħduha f’idejkom u tgħixu fiha, 32  qisu li tobdu r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha li qed inpoġġi quddiemkom illum.

Noti taʼ taħt

Jew “lilkom.”
Letteralment “issaqquha b’sieqkom,” jiġifieri b’xi ħaġa li titħaddem bis-saqajn, sew jekk b’xi rota tal-ilma u sew billi jsiru u jinfetħu kanali tal-ilma.
Letteralment “tiegħi.”
Letteralment “jien.” Hawn u fil-vers li jmiss “hu” qed tirreferi għal Alla.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “strixxa.”
Letteralment “bejn għajnejkom.”
Jiġifieri l-Baħar il-Kbir, il-Mediterran.
Jew “inżul ix-xemx.”