Dewteronomju 23:1-25

  • Dawk li ma jistgħux isiru parti mill-kongregazzjoni t’Alla (1-8)

  • L-indafa fil-kampijiet (9-14)

  • Ilsiera li jaħarbu (15, 16)

  • Ipprojbita l-prostituzzjoni (17, 18)

  • L-imgħax u l-wegħdi (19-23)

  • X’jistgħu jieklu dawk li jgħaddu minn għalqa (24, 25)

23  “Ebda raġel li jiġi kkastrat billi jkollu t-testikoli mgħaffġin jew ikollu l-organu maskili maqtugħ ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. 2  “Ebda iben barra ż-żwieġ ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. Saħansitra sal-għaxar ġenerazzjoni, ħadd minn dawk li jiġu minnu ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. 3  “Ħadd mill-Għammonin jew mill-Mowabin ma jistaʼ jsir parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. Saħansitra sal-għaxar ġenerazzjoni, dawk li jiġu minnhom qatt ma jistgħu jsiru parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova, 4  għax huma ma tawkomx ikel u ilma biex jgħinukom fit-triq meta kontu ħerġin mill-Eġittu, u għaliex krew lil Balgħam, bin Begħor minn Petor tal-Mesopotamja, biex jisħtek. 5  Imma Ġeħova l-Alla tiegħek ma riedx jismaʼ lil Balgħam. Minflok, Ġeħova l-Alla tiegħek biddillek is-saħta f’barka, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek ħabbek. 6  Sakemm iddum ħaj, tgħinhomx biex ikollhom il-paċi jew il-ġid. 7  “Tobgħodx lil Edomi, għax hu ħuk. “Tobgħodx lil Eġizzjan, għax int kont resident barrani f’pajjiżu. 8  It-tielet ġenerazzjoni tat-tfal li jitwildulhom jistgħu jsiru parti mill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. 9  “Meta tikkampja għall-gwerra kontra l-għedewwa tiegħek, qis li tevita kull ħaġa ħażina.* 10  Jekk raġel ma jibqax nadif minħabba li toħroġlu l-isperma billejl, irid joħroġ ’il barra minn fejn il-kampijiet u ma jerġax jidħol. 11  Għall-ħabta taʼ filgħaxija, għandu jinħasel bl-ilma, u mbagħad ikun jistaʼ jmur lura lejn il-kampijiet fi nżul ix-xemx. 12  Għandu jkun hemm post privat* ’il barra mill-kampijiet biex tużah meta jkollok bżonn, hemm għandek tmur. 13  Għandu jkollok pala mal-għodod tiegħek. Meta titbaxxa barra, trid tħaffer ħofra biha u mbagħad tgħatti ħmieġek. 14  Għax Ġeħova l-Alla tiegħek qiegħed fil-post fejn int ikkampjat biex jeħilsek u jagħtik f’idejk l-għedewwa tiegħek, u l-kampijiet tiegħek għandhom ikunu qaddisin, sabiex ma jara xejn indiċenti fik, u b’hekk jibqaʼ miegħek. 15  “Meta lsir jaħrab mingħand sidu u jiġi għandek, tagħtihx lura lil sidu. 16  Hu jistaʼ jgħix f’nofsok fi kwalunkwe post li jagħżel f’waħda mill-bliet tiegħek, kull fejn jogħġbu. Tittrattahx ħażin. 17  “Ebda waħda mill-bniet t’Iżrael m’għandha ssir prostituta tat-tempju, u ebda wieħed mis-subien t’Iżrael m’għandu jsir prostitut tat-tempju. 18  Iddaħħalx il-prezz li jitħallas għal prostituta jew il-prezz* li jitħallas għal prostitut* fid-dar taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek biex tagħmel dak li wegħedt, għax it-tnejn huma xi ħaġa moqżieża għal Ġeħova l-Alla tiegħek. 19  “Iġġegħelx lil ħuk iħallas l-imgħax, kemm jekk ikun imgħax fuq il-flus, fuq l-ikel, jew fuq kwalunkwe ħaġa li għaliha jistaʼ jintalab l-imgħax. 20  Lil barrani tistaʼ ġġiegħlu jħallas l-imgħax, imma lil ħuk iġġegħlux iħallsu, sabiex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek f’kull xogħol li tagħmel fl-art li se tieħu f’idejk. 21  “Titnikkirx biex tagħmel dak li wegħedt lil Ġeħova l-Alla tiegħek, għaliex Ġeħova l-Alla tiegħek żgur li jitlobha mingħandek. Jekk ma tagħmilx dak li wegħedt, tkun dnibt. 22  Imma jekk ma tagħmilx wegħda, ma tkunx ħati taʼ dnub. 23  Għandek iżżomm kelmtek, u dak li wegħedt bħala offerta volontarja lil Ġeħova l-Alla tiegħek għandek tagħmlu. 24  “Jekk tidħol fl-għalqa tad-dwieli taʼ xi ħadd, tistaʼ tiekol l-għeneb sakemm tixbaʼ, imma tqiegħed xejn fil-basket tiegħek. 25  “Jekk tidħol fl-għalqa taʼ xi ħadd li jkun fiha ċ-ċereali,* aqtaʼ biss is-sbul misjur b’idek, imma m’għandekx taqtaʼ ċ-ċereali tiegħu bil-minġel.

Noti taʼ taħt

Jew “li tniġġes.”
Jiġifieri latrina.
Jew “il-qligħ.”
Letteralment “kelb.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.