Dewteronomju 24:1-22

  • Iż-żwieġ u d-divorzju (1-5)

  • Rispett lejn il-ħajja (6-9)

  • Konsiderazzjoni lejn il-foqra (10-18)

  • Regoli dwar dak li jifdal (19-22)

24  “Jekk raġel jiżżewweġ mara imma ma jkunx iridha iktar għax ikun sar jaf li għamlet ħaġa indiċenti, irid jiktbilha ċertifikat tad-divorzju, jagħtihulha, u jibgħatha ’l barra minn daru. 2  Wara li titlaq minn daru, hi tistaʼ ssir mart raġel ieħor. 3  Jekk it-tieni raġel jobgħodha* u jiktbilha ċertifikat tad-divorzju, jagħtihulha, u jibgħatha ’l barra minn daru, jew jekk it-tieni raġel li żżewwiġha jmut, 4  l-ewwel raġel li bagħatha ma jistax jerġaʼ jiħodha lura bħala martu wara li tkun tniġġset, għax din hi xi ħaġa moqżieża għal Ġeħova. M’għandekx iddaħħal id-dnub fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt. 5  “Meta raġel ikun għadu kif iżżewweġ, m’għandux jaqdi fl-armata jew jingħata xi xogħol ieħor. Għandu jibqaʼ ħieles minn dan għal sena sħiħa u jibqaʼ d-dar u jferraħ lil martu. 6  “Ħadd m’għandu jieħu mitħna tal-idejn jew il-ġebla taʼ fuq tagħha bħala garanzija taʼ self, għax ikun qed jieħu l-mezz t’għajxien* taʼ dak li jkun bħala garanzija. 7  “Jekk issiru tafu li raġel ħataf lil wieħed minn ħutu l-Iżraelin u ttrattah ħażin u biegħu, dan ir-raġel għandu jmut. Għandek tneħħi dak li hu ħażin minn nofsok. 8  “Meta jkun hemm każ taʼ ġdiem,* ħudu ħsieb li tagħmlu bir-reqqa dak kollu li jgħidulkom il-qassisin Leviti. Oqogħdu attenti li tagħmlu eżatt bħalma kkmandajthom jien. 9  Ftakru f’dak li Ġeħova l-Alla tagħkom għamel lil Mirjam fit-triq meta kontu ħerġin mill-Eġittu. 10  “Jekk tislef xi ħaġa lil xi ħadd, tidħolx f’daru biex tiħodlu dak li jkun offrielek bħala garanzija. 11  Int għandek toqgħod barra, u r-raġel li jkun issellef għandu jġiblek dak li jkun qed jagħti bħala garanzija. 12  U jekk ir-raġel ikun fil-bżonn, m’għandekx tmur torqod u żżomm għandek dak li jkun tak bħala garanzija. 13  Qis li tagħtih lura dak li jkun tak bħala garanzija malli tinżel ix-xemx, u hu jmur jorqod bil-libsa tiegħu, u jbierkek. Ġeħova l-Alla tiegħek se jikkunsidra dan bħala xi ħaġa ġusta. 14  “Timbroljax ħaddiem mikri li jkun fil-bżonn u fqir, sew jekk ikun wieħed minn ħutek u sew jekk ikun resident barrani fil-bliet* tiegħek. 15  Għandek tagħtih il-paga dakinhar stess, qabel ma tinżel ix-xemx, għaliex qiegħed fil-bżonn u ħajtu tiddependi mill-paga tiegħu. Inkella hu jitlob lil Ġeħova u jakkużak, u int tkun ħati taʼ dnub. 16  “Il-missirijiet m’għandhomx jinqatlu minħabba dak li jagħmlu t-tfal tagħhom, u t-tfal m’għandhomx jinqatlu minħabba dak li jagħmlu missirijiethom. Individwu għandu jinqatel biss għad-dnub tiegħu stess. 17  “Iċċaħħadx lir-resident barrani jew lill-orfni* mid-drittijiet tiegħu, u tiħux il-libsa taʼ xi armla bħala garanzija taʼ self. 18  Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu u Ġeħova l-Alla tiegħek fdiek* minn hemmhekk. Għalhekk qed nikkmandak biex tagħmel dan. 19  “Meta taħsad l-għalqa tiegħek u tkun insejt qatta fl-għalqa, tmurx lura għaliha. Għandha titħalla għar-resident barrani, għall-orfni, u għall-armla, sabiex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek f’kulma tagħmel. 20  “Meta twaqqaʼ ż-żebbuġ mis-siġra tiegħek biex tiġbru, m’għandekx tirrepeti din il-proċedura. Dak li jifdal trid tħallih għar-resident barrani, għall-orfni, u għall-armla. 21  “Meta tiġbor l-għeneb mill-għalqa tad-dwieli tiegħek, tmurx lura biex tiġbor dak li jifdal. Għandek tħallih għar-resident barrani, għall-orfni, u għall-armla. 22  Ftakar li int kont ilsir fl-art tal-Eġittu. Għalhekk qed nikkmandak biex tagħmel dan.

Noti taʼ taħt

Jew “iwarrabha.”
Jew “jieħu l-ħajja.”
Il-kelma Ebrajka tradotta “ġdiem” għandha diversi tifsiriet u tistaʼ tinkludi diversi mard tal-ġilda li jittieħed. Tistaʼ tinkludi wkoll ċerti infezzjonijiet fil-ħwejjeġ u fid-djar.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “lit-tifel bla missier.”