Dewteronomju 30:1-20

  • Iduru lura lejn Ġeħova (1-10)

  • Il-kmandamenti taʼ Ġeħova mhumiex diffiċli wisq (11-14)

  • L-għażla bejn il-ħajja u l-mewt (15-20)

30  “Waqt li tkun fost il-popli kollha li Ġeħova l-Alla tiegħek ikun xerrdek fihom, se tesperjenza l-barka jew is-saħta u tiftakar* dak li għedtlek dwarhom. 2  Meta int, flimkien mat-tfal tiegħek, terġaʼ lura lejn Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek u b’ruħek* kollha u tismaʼ minnu skont kulma qed nikkmandak illum, 3  imbagħad Ġeħova l-Alla tiegħek iġibek lura minn fejn tkun ilsir, iħenn għalik, u jerġaʼ jiġbrok minn fost il-popli kollha li Ġeħova l-Alla tiegħek ikun xerrdek fihom. 4  Anki jekk in-nies tiegħek ikunu mxerrdin sa tarf is-sema, Ġeħova l-Alla tiegħek jiġbrok minn hemmhekk u jġibek lura. 5  Ġeħova l-Alla tiegħek se jdaħħlek fl-art li missirijietek kienu ħadu f’idejhom, u int tiħodha f’idejk. Hu jagħmillek il-ġid u jżidek iktar minn missirijietek. 6  Ġeħova l-Alla tiegħek inaddaf qalbek* u qalb dawk li se jiġu minnek, sabiex tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek u b’ruħek* kollha, u b’hekk tgħix. 7  Imbagħad Ġeħova l-Alla tiegħek iġib dawn is-saħtiet kollha fuq l-għedewwa tiegħek, li kienu jobogħduk u jippersegwitawk. 8  “Int imbagħad iddur lura u tismaʼ minn leħen Ġeħova u tobdi l-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak illum. 9  Ġeħova l-Alla tiegħek ibierek bil-kbir ix-xogħol kollu taʼ jdejk u jagħtik ħafna tfal, annimali, u prodotti tal-art, għaliex Ġeħova se jerġaʼ jieħu pjaċir bik u jagħmillek il-ġid, bħalma ħa pjaċir b’missirijietek. 10  Għax imbagħad int se tismaʼ minn Ġeħova l-Alla tiegħek u tobdi l-kmandamenti u l-liġijiet tiegħu miktubin f’dan il-ktieb tal-Liġi, u terġaʼ lura lejn Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek u b’ruħek* kollha. 11  “Issa dan il-kmandament li qed nikkmandak illum la hu diffiċli wisq għalik, u lanqas mhu ’l bogħod minnek. 12  Mhuwiex fis-sema, sabiex tgħid, ‘Min se jitlaʼ fis-sema biex iġibhulna, ħalli nisimgħuh u nagħmluh?’ 13  Lanqas mhu n-naħa l-oħra tal-baħar, sabiex tgħid, ‘Min se jaqsam għan-naħa l-oħra tal-baħar biex iġibhulna, ħalli nisimgħuh u nagħmluh?’ 14  Għax il-messaġġ tal-liġi hu qribek ħafna, f’ħalqek u f’qalbek stess, biex tkun tistaʼ tagħmlu. 15  “Illum qed nagħtikom l-għażla bejn il-ħajja u t-tajjeb, u l-mewt u l-ħażin. 16  Jekk tismaʼ mill-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek li qed nikkmandak illum, billi tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek, timxi fi triqatu, u tobdi l-kmandamenti, il-liġijiet, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu, int tgħix u tiżdied, u Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek fl-art li se tieħu f’idejk. 17  “Imma jekk qalbek titbiegħed u int ma tismax, u tiġi mħajjar biex tmil quddiem allat oħrajn u taqdihom, 18  jien ngħidlek illum li żgur tinqered. Ma tgħixx ħajja twila fl-art li se taqsam il-Ġordan biex tiħodha f’idejk. 19  Jien qegħedt il-ħajja u l-mewt quddiemek, il-barka u s-saħta. Dawk kollha fis-sema u fl-art huma xhieda kontrik. Trid tagħżel il-ħajja sabiex tgħix int u dawk li se jiġu minnek 20  billi tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek, tismaʼ minnu, u tintrabat miegħu, għax hu jagħti l-ħajja, u jistaʼ jagħtik ħajja twila fl-art li Ġeħova ħalef li jagħti lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “iġġib lura f’qalbek.”
Letteralment “jagħmillek iċ-ċirkonċiżjoni f’qalbek.”