Għamos 5:1-27
5 “Poplu t’Iżrael, isimgħu dak li se ngħid kontrikom bħala għanja taʼ swied il-qalb:
2 ‘Il-verġni, Iżrael, waqgħet;Ma tistax terġaʼ tqum.
Hi ġiet abbandunata fuq artha stess;M’hemm ħadd biex iqajjimha.’
3 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*
‘Il-belt li bagħtet elf suldat għall-gwerra se jifdlilha mija;U l-wieħed li ħareġ maʼ mija se jifdallu għaxra.
Hekk se jiġrilu l-poplu t’Iżrael.’
4 “Għax hekk jgħid Ġeħova lill-poplu t’Iżrael:
‘Fittxuni u tibqgħu tgħixu.
5 Tmorrux Betel għall-għajnuna,U lanqas għandkom tmorru Gilgal jew tgħaddu minn Bir-xeba,Għax Gilgal żgur li se tmur fl-eżilju,U Betel se tispiċċa fix-xejn.*
6 Fittxu lil Ġeħova u tibqgħu tgħixu,Ħalli hu ma jiġix u jeqred lid-dar taʼ Ġużeppi bħal nar,Li jaħraq għalkollox lil Betel u ma jkun hemm ħadd li jistaʼ jitfih.
7 Intom tbiddlu l-ġustizzja fi pjanta morra,U titfgħu s-sewwa mal-art.
8 Il-Wieħed li għamel il-gruppi taʼ stilel li jissejħu Kima* u l-gruppi taʼ stilel li jissejħu Kesil,*Il-Wieħed li jbiddel id-dlam ċappa fid-dawl taʼ filgħodu,Il-Wieħed li jbiddel il-ġurnata u jagħmilha mudlama bħal-lejl,Il-Wieħed li jiġbor l-ilmijiet tal-baħarBiex jitfagħhom fuq wiċċ l-art,Hu Ġeħova. Dan hu ismu.
9 Hu se jġib qerda f’daqqa fuq dawk b’saħħithom,Se jġib qerda fuq il-postijiet iffortifikati.
10 Dawn in-nies jobogħdu lil dawk li jagħtu korrezzjoni fil-bieb tal-belt,U ma jaħmlux lil dawk li jgħidu l-verità.
11 Peress li titolbu l-kera tar-rabaʼ* mingħand il-fqir,U tieħdu ċ-ċereali* tiegħu bħala ħlas,Intom mhux se tibqgħu tgħixu fid-djar li bnejtu b’ġebel maqtugħ bl-għoddaU lanqas se tixorbu l-inbid tal-aqwa dwieli li ħawwiltu.
12 Jien naf kemm-il darba rribellajtu*U kemm huma kbar id-dnubiet tagħkom:Intom taħqru lill-ġusti,Tieħdu t-tixħim,*U ma tagħmlux ġustizzja mal-foqra f’bieb il-belt.
13 Għalhekk, dawk li huma għaqlin se jibqgħu kwieti dak iż-żmien,Għax se jkun żmien taʼ diżastru.
14 Fittxu dak li hu tajjeb, u mhux dak li hu ħażin,Ħalli b’hekk tibqgħu tgħixu.
Imbagħad Ġeħova l-Alla tal-armati jkun magħkom,Bħalma tgħidu li qiegħed.
15 Obogħdu dak li hu ħażin, u ħobbu dak li hu tajjeb,U ħa ssir il-ġustizzja f’bieb il-belt.
Għandu mnejn Ġeħova l-Alla tal-armatiJuri ħniena maʼ dawk li fadal mid-dar taʼ Ġużeppi.’
16 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova l-Alla tal-armati, Ġeħova:
‘Fil-pjazez kollha se jkun hemm ħafna biki,U fit-toroq kollha se jgħidu: “Ħażin għalina!”
Huma se jsejħu lill-bdiewa biex isewdu qalbhom,U lill-bikkejja professjonali biex jibku.’
17 ‘Se jkun hemm ħafna biki f’kull għalqa tad-dwieli;Għax jien se ngħaddi minn ġo nofskom,’ jgħid Ġeħova.
18 ‘Ħażin għal dawk li jħarsu ’l quddiem għall-jum taʼ Ġeħova!
Mela x’se jkun ifisser għalikom il-jum taʼ Ġeħova?
Dan se jkun jum taʼ dlam u mhux taʼ dawl.
19 Se jkun bħal meta raġel jaħrab minħabba ljun u jiltaqaʼ m’ors,U meta jidħol fid-dar tiegħu u jqiegħed idu mal-ħajt, jigdmu serp.
20 Il-jum taʼ Ġeħova se jkun jum taʼ dlam u mhux taʼ dawl;Se jkun imdallam u mhux imdawwal.
21 Jien nobgħod il-festi tagħkom, ma naħmilhomx,U ma niħux pjaċir bir-riħa tal-offerti li tagħmlu fl-assembleat speċjali tagħkom.
22 Jien mhux se nieħu pjaċir bikom,Lanqas jekk toffru offerti sħaħ tal-ħruq u offerti oħrajn;U mhux se nkun kuntent bl-annimali msemmnin li toffru bħala s-sagrifiċċji tal-paċi.
23 Tibqgħux tkantaw l-għanjiet storbjużi tagħkom;U tħallunix nismaʼ l-melodiji tal-istrumenti tal-korda tagħkom.
24 Minflok, ħallu l-ġustizzja tinżel bħall-ilmijiet,U s-sewwa bħal xmara li dejjem ikollha l-ilma għaddej.
25 Poplu t’Iżrael, intom qatt ma ġibtuli xi sagrifiċċju jew xi offertaGħal dawk l-40 sena li għamiltu fid-deżert.
26 Issa se jkollkom iġġorru lir-re tagħkom Sikkut u lil Kewan,*L-istatwi li għamiltu għalikom infuskom tal-istilla tal-alla tagħkom.
27 U se nibgħatkom fl-eżilju f’pajjiż li hu ’l bogħod ħafna minn Damasku,’Jgħid dak li ismu hu Ġeħova l-Alla tal-armati.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”
^ Jew forsi “se ssir post taʼ qawwiet mill-agħar.”
^ Jistaʼ jirreferi għall-istilel Pleadi fil-kostellazzjoni Tawru.
^ Jistaʼ jirreferi għall-kostellazzjoni Orjun.
^ Jew “it-taxxa tal-art.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Letteralment “inqastu.”
^ Jew “flus minn taħt.”
^ Dawn l-allat jistaʼ jkun li t-tnejn li huma jirreferu għall-pjaneta Saturnu, li kienet tiġi meqjuma bħala alla.

