Għamos 7:1-17
7 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* urieni dan: Hu bagħat qatgħa ġurati meta kien qed jinbet il-ħsad tal-aħħar.* Dak iż-żmien kien diġà ġie maqtugħ il-ħaxix għall-annimali tar-re.
2 Meta l-ġurati kielu l-ħxejjex tal-pajjiż, jien għedt: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, jekk jogħġbok, aħfer lill-poplu tiegħek. Kif jistaʼ l-poplu taʼ Ġakobb jibqaʼ ħaj? Għax huma dgħajfin!”
3 Għalhekk, Ġeħova biddel fehmtu.* “Mhux se jiġri hekk,” qal Ġeħova.
4 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox urieni dan: Ġeħova s-Sid taʼ Kollox bagħat nar bħala kastig. Dan baqaʼ jaqbad sakemm nixxef il-baħar u ħaraq għalkollox parti mill-pajjiż.
5 Imbagħad jien għedt: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, jekk jogħġbok tkomplix. Kif jistaʼ l-poplu taʼ Ġakobb jibqaʼ ħaj? Għax huma dgħajfin!”
6 Għalhekk, Ġeħova biddel fehmtu.* “Lanqas dan mhu se jiġri,” qal Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
7 Hu wrieni dan: Ġeħova kien qiegħed fuq ħajt mibni dritt b’lenza biċ-ċomb, u kellu lenza biċ-ċomb f’idu.
8 Imbagħad Ġeħova qalli: “Għamos, x’int tara?” Jien għedt: “Lenza biċ-ċomb.” Imbagħad Ġeħova qalli: “Jien qed inqiegħed lenza biċ-ċomb fost il-poplu tiegħi Iżrael. M’iniex se nibqaʼ naħfrilhom.
9 Il-postijiet għall-qima falza taʼ Iżakk se jsiru abbandunati, u s-santwarji t’Iżrael se jsiru ħerba; u jien se niġi kontra l-familja taʼ Ġerobogħam bix-xabla.”
10 Amażija l-qassis taʼ Betel bagħat dan il-messaġġ lir-Re Ġerobogħam t’Iżrael: “Għamos qed jikkonfoffa kontrik f’nofs il-poplu t’Iżrael. In-nies tal-pajjiż ma jistgħux jissaportu iktar kliemu.
11 Għax Għamos qed jgħid, ‘Ġerobogħam se jmut bix-xabla u Iżrael żgur li se jmur fl-eżilju.’”
12 Amażija mbagħad qalli: “Itlaq ’l hemm, viżjonarju.* Aħrab lejn l-art taʼ Ġuda, mantni lilek innifsek* hemm, u hemm tistaʼ tipprofetizza.
13 Imma m’għandekx tipprofetizza iktar f’Betel, għax dan sar post fejn ir-re jiġi biex jagħti qima u sar tempju għall-poplu.”
14 Imbagħad jien, Għamos, wiġibt lil Amażija: “Jien ma kontx profeta jew it-tifel taʼ xi profeta, imma jien kont ragħaj u nieħu ħsieb is-siġar tal-ġummajż u t-tin tagħhom.*
15 Imma Ġeħova ħadni minn wara l-merħla, u Ġeħova qalli, ‘Mur ipprofetizza lill-poplu tiegħi Iżrael.’
16 Għalhekk, isimgħu x’jgħid Ġeħova: ‘Intom qed tgħidu: “Tipprofetizzax kontra Iżrael, u tippritkax kontra d-dar taʼ Iżakk.”
17 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova: “Il-mara tiegħek se ssir prostituta fil-belt, u t-tfal tiegħek subien u bniet se jmutu bix-xabla. L-art tiegħek se tiġi mqassma bil-ħabel tal-kejl, u int stess se tmur f’pajjiż barrani; u Iżrael żgur li se jmur fl-eżilju.”’”
Noti taʼ taħt
^ Jew “Il-Mulej Sovran Ġeħova.”
^ Jiġifieri matul Jannar u Frar.
^ Jew “iddispjaċieh minn dak li kien se jagħmel.”
^ Jew “iddispjaċieh minn dak li kien se jagħmel.”
^ Jiġifieri wieħed li jirċievi l-viżjonijiet.
^ Letteralment “kul il-ħobż.”
^ Jew “u noqros it-tin tas-siġar tal-ġummajż.”

