Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 8:1-40

  • Sawl jippersegwita l-kongregazzjoni (1-3)

  • Filippu jkollu suċċess meta jipprietka fis-Samarija (4-13)

  • Pietru u Ġwanni jintbagħtu s-Samarija (14-17)

  • Xmun jipprova jixtri l-ispirtu qaddis (18-25)

  • L-ewnuku Etjopjan (26-40)

8  Min-naħa tiegħu, Sawl approva dan il-qtil. Minn dakinhar qamet persekuzzjoni kbira kontra l-kongregazzjoni li kien hemm f’Ġerusalemm. Id-dixxipli kollha, minbarra l-appostli, inxterdu mar-reġjuni tal-Lhudija u s-Samarija. 2  Imma xi rġiel li jirrispettaw ħafna lil Alla ħadu lil Stiefnu minn hemm u difnuh, u tgħidx kemm bkewh. 3  Però, Sawl beda jħarbat lill-kongregazzjoni. Hu kien jidħol f’dar wara l-oħra u jkaxkar kemm irġiel u kemm nisa, u jitfagħhom il-ħabs. 4  Madankollu, id-dixxipli li nxterdu xandru l-aħbar tajba kull fejn marru. 5  Wieħed minnhom, Filippu, mar fil-belt* tas-Samarija u beda jipprietka dwar il-Kristu. 6  Waqt li kienu qed jisimgħu lil Filippu u jaraw il-mirakli li kien qed jagħmel, il-folol kollha kienu attenti ħafna għal dak li kien qed jgħid. 7  Għax ħafna kellhom spirti ħżiena,* u dawn kienu jgħajtu u joħorġu minnhom. Iktar minn hekk, dawk li kienu pparalizzati u jzappu ġew imfejqin. 8  Għalhekk, in-nies taʼ dik il-belt kienu ferħanin ħafna. 9  Issa f’dik il-belt kien hemm raġel jismu Xmun li kien jagħmel il-maġija, u n-nies tas-Samarija kienu jibqgħu mistagħġbin. Hu kien jgħid li kien speċjali. 10  In-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir, kienu jisimgħu minnu u jgħidu: “Dan ir-raġel għandu qawwa kbira mingħand Alla.” 11  Hu kien ilu żmien ibellahhom bil-maġija li kien jagħmel u għalhekk kienu jisimgħu minnu. 12  Imma meta Filippu xandrilhom l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla u dwar isem Ġesù Kristu, huma emmnuh u tgħammdu, kemm irġiel u kemm nisa. 13  Anki Xmun sar dixxiplu, u wara li tgħammed kien ikun dejjem maʼ Filippu. Hu kien jibqaʼ mistagħġeb jara l-mirakli u l-affarijiet tal-għaġeb li kien jagħmel Filippu. 14  Meta l-appostli f’Ġerusalemm semgħu li n-nies fis-Samarija aċċettaw il-kelma t’Alla, huma bagħtulhom lil Pietru u Ġwanni. 15  Dawn marru u talbu għalihom biex jirċievu l-ispirtu qaddis. 16  Ħadd minnhom ma kien għadu rċivieh, għax huma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. 17  Għalhekk, Pietru u Ġwanni qiegħdu jdejhom fuqhom, u dawn bdew jirċievu l-ispirtu qaddis. 18  Meta Xmun ra li n-nies qed jirċievu l-ispirtu qaddis billi l-appostli jqiegħdu jdejhom fuqhom, hu offra l-flus lill-appostli 19  u qalilhom: “Agħtuha lili wkoll din l-awtorità, ħalli fuq kull min inqiegħed idejja jirċievi l-ispirtu qaddis.” 20  Imma Pietru qallu: “Jalla l-fidda tiegħek tinqered miegħek, għax int ħsibt li tistaʼ tixtri r-rigal b’xejn t’Alla. 21  Int m’għandek x’taqsam assolutament xejn f’din il-ħaġa, għax m’intix sinċier f’għajnejn Alla. 22  Mela indem mir-raġunar ħażin tiegħek u itlob bil-ħniena lil Ġeħova* forsi jaħfer l-intenzjoni ħażina taʼ qalbek. 23  Għax qed nara li int bħal velenu u lsir tal-ħażen.” 24  Xmun wiġibhom: “Itolbu bil-ħniena lil Ġeħova* għalija, ħalli ma jiġrili xejn minn dak li għedtu.” 25  Għalhekk, meta kienu tawhom xhieda fid-dettall u qalulhom dak li qal Ġeħova,* huma marru lura lejn Ġerusalemm, u bdew ixandru l-aħbar tajba f’ħafna rħula tas-Samaritani. 26  Imma l-anġlu taʼ Ġeħova* qal lil Filippu: “Mur lejn in-Nofsinhar fit-triq li minn Ġerusalemm tagħti għal Gaża.” (Din hi triq fid-deżert.) 27  Għalhekk, hu mar u ra ewnuku* Etjopjan. Dan kellu awtorità taħt Kandaċe, ir-reġina tal-Etjopjani, u kien jieħu ħsieb il-ġid kollu tagħha. Hu kien mar Ġerusalemm biex iqim lil Alla. 28  Issa kien sejjer lura pajjiżu u kien qiegħed bilqiegħda fil-karru tiegħu jaqra b’leħen għoli dak li kiteb il-profeta Isaija. 29  Għalhekk, l-ispirtu qaddis iggwida lil Filippu biex imur ħdejn il-karru. 30  Filippu mar jiġri u resaq lejn il-karru. Hu semgħu jaqra b’leħen għoli dak li kiteb il-profeta Isaija u qallu: “Qed tifhem dak kollu li qed taqra?” 31  Hu wieġbu: “Kif nistaʼ nifhem jekk ħadd ma jgħallimni?” Għalhekk, hu ħeġġeġ lil Filippu biex jitlaʼ u jpoġġi ħdejh. 32  Is-silta li kien qed jaqra mill-Iskrittura kienet: “Bħal nagħġa hu ttieħed għall-qatla, u bħal ħaruf li jkunu qed jaqtgħulu s-suf hu baqaʼ kwiet. 33  Matul iż-żmien li bdew jgħajruh, hu ġie ttrattat b’mod inġust. Min se jitkellem dwar il-ġenerazzjoni tiegħu la se jinqatel minn fuq l-art?” 34  Imbagħad l-ewnuku qal lil Filippu: “Jekk jogħġbok, tistaʼ tgħidli dwar min qed jitkellem il-profeta? Dwaru nnifsu jew dwar xi ħadd ieħor?” 35  Imbagħad, Filippu beda minn din l-iskrittura u qallu l-aħbar tajba dwar Ġesù. 36  Hekk kif kienu għaddejjin fit-triq, ġew ħdejn post fejn kien hemm l-ilma u l-ewnuku qallu: “Ara, hawn l-ilma! X’qed iżommni milli nitgħammed?” 37 *—— 38  Imbagħad, hu kkmanda biex iwaqqfu l-karru, niżel fl-ilma maʼ Filippu, u dan għammdu. 39  Meta telgħu mill-ilma, l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova* ħa malajr lil Filippu, u l-ewnuku ma rahx iktar. Imbagħad baqaʼ sejjer fi triqtu ferħan. 40  Imma Filippu sab ruħu f’Asdod, u kompla jxandar l-aħbar tajba fil-bliet kollha sakemm wasal Ċesarija.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “f’belt.”
Letteralment “mhux nodfa.”
Jew “uffiċjal tal-palazz.”
Ara App. A3.