Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 21:1-40

  • Jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm (1-14)

  • Jaslu Ġerusalemm (15-19)

  • Pawlu jieħu l-parir tal-anzjani (20-26)

  • Konfużjoni fit-tempju; Pawlu jiġi arrestat (27-36)

  • Pawlu jingħata permess ikellem il-folla (37-40)

21  Meta rnexxielna nitilqu minn magħhom u mmorru bil-baħar, morna dritt lejn Kos. L-għada morna Rodi, u minn hemmhekk morna Patara. 2  Meta sibna vapur li kien se jaqsam lejn il-Feniċja, tlajna fuqu u tlaqna. 3  Aħna għaddejna min-naħa t’isfel* tal-gżira taʼ Ċipru, imma bqajna sejrin lejn is-Sirja, u nżilna Tir, fejn kienu se jħottu l-affarijiet minn fuq il-vapur. 4  Aħna fittixna lid-dixxipli u sibniehom. Imbagħad għamilna ġimgħa hemm. Iggwidati mill-ispirtu qaddis, huma qalu lil Pawlu għal darba wara l-oħra biex ma jmurx Ġerusalemm. 5  Meta għaddiet il-ġimgħa, aħna tlaqna fi triqitna, imma l-irġiel, in-nisa, u t-tfal kollha ġew magħna sakemm ħriġna barra l-belt. Wara, inżilna għarkopptejna fuq il-bajja, tlabna, 6  u sellimna lil xulxin. Imbagħad, aħna tlajna fuq il-vapur u huma telqu lejn djarhom. 7  Minn Tir wasalna Ptolemajs. Hemmhekk iltqajna mal-aħwa u qgħadna ġurnata magħhom. 8  L-għada morna Ċesarija u dħalna fid-dar taʼ Filippu, li kien jipprietka l-aħbar tajba, u qgħadna miegħu. Hu kien wieħed mis-sebat irġiel li l-appostli għażlu f’Ġerusalemm. 9  Dan ir-raġel kellu erbat ibniet mhux miżżewġin* li kienu jipprofetizzaw. 10  Imma wara li qgħadna hemm għal ħafna ġranet, wasal profeta jismu Agabu mil-Lhudija. 11  Dan ġie, ħa ċ-ċinturin taʼ Pawlu, rabat saqajh u jdejh, u qal: “L-ispirtu qaddis jgħid, ‘Ir-raġel taʼ min hu dan iċ-ċinturin se jiġi marbut b’dan il-mod mil-Lhud f’Ġerusalemm u huma se jagħtuh f’idejn in-nies taʼ popli oħra.’” 12  Xħin smajna hekk, aħna u dawk li kienu hemm bdejna nitolbu bil-ħniena lil Pawlu biex ma jmurx Ġerusalemm. 13  Pawlu wieġeb: “Għala qed tibku u tipprovaw taqtgħuli qalbi? Kunu ċerti li jien lest li mhux biss niġi marbut imma anki li mmut Ġerusalemm għal isem il-Mulej Ġesù.” 14  Meta rajna li ma stajniex inwaqqfuh, ma bqajniex nipprovaw u għedna: “Ħa jsir dak li jrid Ġeħova.”* 15  Wara dan ippreparajna għall-vjaġġ u tlaqna lejn Ġerusalemm. 16  Xi dixxipli minn Ċesarija ġew magħna biex jiħduna għand Mnason minn Ċipru, dixxiplu tal-bidu li konna se noqogħdu għandu. 17  Meta wasalna Ġerusalemm, l-aħwa laqgħuna bil-ferħ. 18  L-għada, Pawlu ġie magħna għand Ġakbu, fejn kien hemm l-anzjani* kollha. 19  Hu sellmilhom u beda jirrakkontalhom fid-dettall l-affarijiet li Alla għamel fost il-popli permezz tal-ippritkar tiegħu. 20  Wara li semgħu hekk, bdew ifaħħru lil Alla. Imbagħad qalu lil Pawlu: “Ħuna, bħalma qed tara, hemm eluf taʼ dixxipli fost il-Lhud, u kollha huma żelużi biex jobdu l-Liġi. 21  Imma dawn semgħu l-għajdut li int qed tgħallem lil-Lhud kollha fost il-popli xi ħaġa kontra l-Liġi taʼ Mosè, li hi apostasija, billi tgħidilhom biex ma jagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni lit-tfal tagħhom u biex ma jimxux mad-drawwiet tagħna. 22  X’għandna nagħmlu dwar dan? Żgur se jsiru jafu li ġejt. 23  Għalhekk, agħmel kif se ngħidulek. Hemm erbat irġiel magħna li għamlu wegħda. 24  Ħudhom miegħek, tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom, u ħallsilhom l-ispejjeż, ħalli jkunu jistgħu jqaxxrulhom xagħarhom.* B’hekk, kulħadd ikun jaf li l-għajdut li semgħu dwarek mhux veru, u li dak li qed tagħmel hu tajjeb u li qed tobdi l-Liġi. 25  Lid-dixxipli minn popli oħra, aħna bgħatnielhom bil-miktub id-deċiżjoni li ħadna. Din tgħid li għandhom jibqgħu jirrifjutaw l-affarijiet issagrifikati lill-idoli, id-demm, l-annimali fgati,* u l-immoralità sesswali.”* 26  Għalhekk l-għada, Pawlu ħa lil dawn l-irġiel u tnaddaf b’mod ċerimonjali magħhom. Huma daħlu fit-tempju biex jgħidu meta se jispiċċaw il-ġranet tat-tindif ċerimonjali, ħalli l-qassis ikun jistaʼ joffri sagrifiċċju għal kull wieħed minnhom. 27  Issa s-sebat ijiem kienu kważi għaddew, u meta l-Lhud mill-Asja rawh fit-tempju, qajmu konfużjoni fil-folla kollha, qabduh, 28  u bdew jgħajtu: “Għinuna Iżraelin! Bit-tagħlim tiegħu dan ir-raġel qed iġiegħel lin-nies minn kullimkien jiħduha kontra l-poplu tagħna, il-Liġi tagħna, u dan il-post. U barra minn hekk, daħħal xi Griegi fit-tempju u niġġes dan il-post qaddis.” 29  Għax qabel kienu raw lil Trofimu minn Efesu fil-belt miegħu, u assumew li Pawlu kien daħħlu fit-tempju. 30  In-nies qajmu storbju sħiħ fil-belt kollha, marru jiġru kollha flimkien, qabdu lil Pawlu, u kaxkruh ’il barra mit-tempju. U l-bibien ġew magħluqin mill-ewwel. 31  Waqt li kienu qed jipprovaw joqtluh, il-kmandant tal-armata sar jaf li kien hemm konfużjoni sħiħa f’Ġerusalemm kollha. 32  Hu mill-ewwel ħa s-suldati u l-uffiċjali tal-armata u mar malajr hemm. Meta n-nies raw lill-kmandant u lis-suldati ma baqgħux isawtu lil Pawlu. 33  Imbagħad il-kmandant tal-armata resaq viċin, arrestah, u ta kmand biex jiġi marbut b’żewġ ktajjen. Imbagħad beda jistaqsi min kien u x’għamel. 34  Imma xi wħud mill-folla bdew jgħidu mod u oħrajn mod ieħor. Peress li ma setaʼ jifhem xejn minħabba l-ġenn li kien hemm, hu kkmanda biex jieħdu lil Pawlu fil-kwartieri tas-suldati. 35  Imma meta Pawlu wasal ħdejn it-taraġ, hu kellu jinġarr mis-suldati għax il-folla kienet vjolenti. 36  Fil-fatt, folla nies baqgħet sejra warajhom u tgħajjat: “Oqtluh!” 37  Hekk kif kienu se jiħduh fil-kwartieri tas-suldati, Pawlu qal lill-kmandant tal-armata: “Nistaʼ ngħidlek xi ħaġa?” Dan qallu: “Mela taf titkellem bil-Grieg? 38  Int mhux l-Eġizzjan li ftit żmien ilu qajjem rewwixta u mexxa 4,000 raġel armati bis-skieken fid-deżert?” 39  Imbagħad Pawlu qallu: “Le, jien Lhudi minn Tarsu fiċ-Ċiliċja, ċittadin taʼ belt importanti. Għalhekk, nitolbok bil-ħniena biex tħallini nkellem lin-nies.” 40  Wara li tah permess, Pawlu, li kien bilwieqfa fuq it-taraġ, għamel sinjal b’idu lin-nies biex joqogħdu kwieti. Xħin ikkalmaw, hu kellimhom bl-Ebrajk u qal:

Noti taʼ taħt

Jew “min-naħa tal-port.”
Letteralment “verġni.”
Jiġifieri biex jagħmlu bħalma wiegħdu lil Alla.
Jew “maqtulin mingħajr ma jitneħħielhom id-demm.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.