Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 6:1-15

  • Jintgħażlu sebat irġiel biex jaqdu (1-7)

  • Stiefnu akkużat li qed jidgħi (8-15)

6  Fiż-żmien meta d-dixxipli kienu qed jiżdiedu, il-Lhud li jitkellmu bil-Grieg bdew igergru kontra l-Lhud li jitkellmu bl-Ebrajk, għax in-nisa romol tagħhom kienu qed jiġu ttraskurati meta jitqassam l-ikel taʼ kuljum. 2  Għalhekk, it-Tnax laqqgħu d-dixxipli kollha u qalulhom: “Ma jkunx sew li aħna nieqfu ngħallmu l-kelma t’Alla biex inqassmu l-ikel fuq l-imwejjed. 3  Għalhekk ħuti, agħżlu sebat irġiel taʼ min jafdahom* minn fostkom li għandhom l-ispirtu qaddis u l-għerf, biex ninkarigawhom jagħmlu dan ix-xogħol bżonjuż. 4  Imma aħna se nkomplu nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex nitolbu u ngħallmu dwar dak li jgħid Alla.” 5  Id-dixxipli kollha ħadu pjaċir b’dan. Huma għażlu lil Stiefnu, raġel li għandu fidi kbira u l-ispirtu qaddis, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, raġel minn Antjokja li kien jimxi mat-tagħlim tal-Lhud. 6  Imbagħad ħaduhom għand l-appostli, u wara li l-appostli talbu, qiegħdu jdejhom fuq ras dawn l-irġiel biex jinkarigawhom. 7  Minħabba f’hekk, it-tagħlim dwar dak li jgħid Alla kompla jinfirex, u l-ammont tad-dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm. U ħafna qassisin ukoll bdew jemmnu. 8  Issa Stiefnu, li Alla kien japprovah u tah qawwa kbira, kien qed jagħmel affarijiet tal-għaġeb u mirakli fost in-nies. 9  Imma ġew xi rġiel mis-Sinagoga tal-Meħlusin flimkien maʼ xi rġiel minn Ċirene, Lixandra, iċ-Ċiliċja, u l-Asja biex jargumentaw maʼ Stiefnu. 10  Imma huma ma setgħux jirbħulu l-argument għax kien qed jitkellem b’għerf kbir u bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis. 11  Imbagħad bil-moħbi kkonvinċew lil xi rġiel biex jgħidu li semgħuh jidgħi* kontra Mosè u Alla. 12  Huma xewxu lin-nies, l-anzjani,* u l-iskribi, u dawn marru għalih mill-ewwel u qabduh u ħaduh is-Sinedriju. 13  Huma ħadu xi xhieda foloz kontrih li qalu: “Dan ir-raġel ma waqafx jitkellem kontra dan il-post qaddis u kontra l-Liġi. 14  Pereżempju, aħna smajnieh jgħid li Ġesù n-Nazzarenu se jwaqqaʼ dan il-post u jbiddel id-drawwiet li ħallielna Mosè.” 15  Hekk kif dawk kollha li kienu bilqiegħda fis-Sinedriju kienu qed iħarsu lejn Stiefnu, raw li wiċċu kien bħal t’anġlu.

Noti taʼ taħt

Jew “li għandhom isem tajjeb.”